Fi ftehim mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, il-Victim Support Malta se jinatgħu €600,000 mifruxa fuq 3 snin sabiex isaħħu s-servizzi tagħhom.
Iffimat it-Tnejn il-kuntratt jara tisħiħ finanzjarju ta’ ftehimiet soċjali illi l-Gvern għandu ma’ diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Il-Victim Support Malta joffri servizzi mmexxija minn professjonisti fil-qasam soċjali u servizzi terapewtiċi, psikjatriċi, u anke legali għal persuni li jkunu għaddew minn xi diffikultajiet.
“Permezz ta’ ftehimiet bħal dawn qed inkomplu nżidu l-viżibilità tagħna, u nilħqu dawk l-aktar illi għandhom bżonn sapport. Kommessi li nkomplu nassistu lil dawn l-għaqdiet sabiex jibqgħu joffru lill-pubbliku dawn is-servizzi,” saħaq il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Victim Support Malta Karl Grech għamel appell sabiex min iħossu vulnerabbli, jew għadda minn esperjenza trawmatika, ma jibżax jitkellem b’mod kunfidenzjali ma’ din l-NGO, sabiex ikun jista’ jibda jibbenefika mit-terapija.