Filugranist b’differenza – l-intelliġenza artifiċjali tħalli l-marka

Fit-tielet edizzjoni ta’ delizzji u eku ta’ tradizzjonalità, Luigi Sghendo jiltaqa’ ma Kevin Attard, li ilu jipprattika d-delizzju tal-filugranu għal dawn l-aħħar 22 sena.  

L-arti tal-filugranu bdiet fl-Eġittu iżda nfirxet madwar pajjiżi tal-Mediterran inkluż f’Malta. Il-filugranu huwa tip ta’ ġojjellerija li tinħadem bil-wires tal-fidda, deheb jew ramm. Iltqajt ma’ Kevin Attard, filugranist ta’ 22 sena esperjenza li tani togħma ta’ dan id-delizzju tant maħbub mill-Maltin u mit-turisti. 

Ritratt ta' Luigi Sghendo
Ritratt ta' Luigi Sghendo

Attard beda billi spjega kif jinħadam il-filugranu, hekk kif hemm erba’ fażijiet biex isir il-filugranu; tgħawweġ u tlesti l-frejm, timla l-frejm, tissaldja kollox, u finalment tnaddaf.  

Minn strixxa tal-metall, Attard ittrasformaha f’forom differenti permezz ta’ riga u pinzetta għall-preċiżjoni bħal kirurgu tal-metall, u jerġa’ jirrepeti l-istess proċess filwaqt li jdaħħal il-ħadid ġo xulxin. Staqsejtu fuq il-preferenza tiegħu bejn it-tliet materjali, b’Attard iwieġeb il-fidda minħabba li “jobdi iktar” mill-metalli l-oħrajn. Minn hemm smajt iċ-ċekċik tal-għodod differenti, filwaqt li qeleb bejn l-għodod u osservajt lil Attard jixgħel it-torċ u jżid taħlita ta’ trab fin (copper, silver u brass) bl-għan li l-ħadid differenti jiżżewweġ u jsir ħaġa waħda. Finalment iżid daqqa ta’ bolla permezz ta’ hallmark, timbru mikroskopiku li jġorr il-firma tiegħu, u jimmarka l-kwalità tal-biċċa fejn imbagħad inaddafha bil-kimiċi u jillostraha bil-broxk. 

Ritratt ta' Luigi Sghendo
Ritratt ta' Luigi Sghendo

Għal Attard, il-passjoni lejn dan id-delizzju bdiet ta’ 13-il sena wara li talab ħabib ta’ missieru biex jgħallmu l-filugranu. “Tgħallimt pjuttost malajr u kelli l-inkoraġġiment tal-ġenituri. Barra minn hekk kelli wkoll l-għodda u ta’ 15-il sena bdejt inbigħ.” Staqsejtu minn fejn issawwar l-interess li jaħdem il-filugranu, b’Attard jispjega kif sa minn tfulitu minn dejjem jiftakar jinteressa ruħu f’attivitajiet tal-id bħat-tpinġija u krafts fost oħrajn. 

Attard qal li l-maġġoranza tax-xogħol jinbiegħ lit-turisti fil-ħanut tal-Belt Auberge iżda wkoll lill-Maltin, speċjalment filugranu relatat mal-knisja jew l-arma tal-kunjomijiet tal-familja.  

Ritratt ta' Luigi Sghendo
Ritratt ta' Luigi Sghendo

Minħabba d-dipendenza qawwija li x-xogħol għandu fuq it-turist, staqsejtu kemm affettwatu l-pandemija u ngħid il-verità stennejt risposta tipika ta’ iva, iżda l-perseveranza ta’ Attard għamlitha possibbli biex ikompli bil-ħidma tiegħu b’differenza. “Fl-ewwel xahar kien xokk mhux mistenni u għamilt xahar limitat, però wara biddilt l-istrateġija għax qabel kont naħdem għall-ħwienet u s-swieq lokali – naturalment bil-COVID-19 ma stajtx inkompli nbigħ hemm – u għalhekk bdejt inkun iktar innovattiv u għamilt filugranu astratt permezz tal-għajnuna tal-intellġenza artifiċjali (IA) fejn wara li nkun issottomettejtlu ritratt ta’ filugranu, l-IA tagħtini interpretazzjoni amplifikata u naħdem biċċa xogħol ġdida ispirata mill-IA, u grazzi għal hekk nemmen li ma kienx żmien diffiċli għalija.” 

Barra minn hekk, Attard ilu jgħallem għal 22 sena u joffri korsijiet bl-għan li jgħaddi l-għerf li kiseb matul is-snin u biex, bħall-ħabib ta’ missieru, jgħaddi d-delizzju għal ġenerazzjonijiet futuri hekk kif saħaq li l-ikbar sodisfazzjon għalih huwa meta jara l-filugranu tal-istudenti tiegħu. 

“Illum il-ġurnata kunfidenti nagħmel xi ħaġa li jitolbuni. Li kieku intervistajtni għaxar snin ilu ma kontx intik din ir-risposta u issa qed ngħaddi l-esperjenza tiegħi lil ħaddieħor.” 

Ritratt ta' Luigi Sghendo
Ritratt ta' Luigi Sghendo

Differenti minn xi artisti li qed iwarrbu t-teknoloġija speċjalment l-IA, Attard spjega kif din hija għodda ġdida unika, differenti mill-għodda ta’ żmien li ilha fuq il-mejda tal-filugranu, għodda diġitali li tintrigah, u għalhekk jara x’jista’ jagħmel biha. B’ħarsa lejn il-futur, Attard jemmen li l-filugranu għaddej fi tranżizzjoni li sejjer fid-direzzjoni tat-teknoloġija hekk kif qed jinħoloq filugranu ġdid maħluq, kemm minn magni tal-lasers, li bi preċiżjoni assoluta jaqtgħu l-ħadid (xi ħaġa li diġà qed juża u jesperimenta), kif ukoll permezz tad-3D printing, li similarment bħal printer tad-dar, bi pjanta diġitali tista’ toħloq oġġett tridimensjonali. 

More in Socjali