Ipprojbita l-bandiera tal-Palestina mill-Eurovision Song Contest

Minkejja dan, kelliema għall-European Broadcasting Union qalet li se jkunu permessi biss il-bnadar tal-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-festival, inkluż t’Iżrael, u bnadar tal-komunità LGBT

Filwaqt li x-xogħol għaddej bi ġmielu biex il-ġimgħa d-dieħla jittella’ l-Eurovision Song Contest f’Malmö Arena, il-kelliema għall-European Broadcasting Union, Michelle Roverelli ħabbret li l-bandiera tal-Palestina ġiet ipprojbita.

Roverelli qalet li l-organizzaturi jirriżervaw id-dritt li jneħħu kwalunkwe bnadar Palestinjan u simboli favur il-Palestinjana fl-ispettaklu l-ġimgħa d-dieħla fl-Isvezja.

Din l-aħbar saret fost tensjonijiet kbar madwar il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael fil-kompetizzjoni annwali tal-mużika.

Gruppi favur il-Palestinjani huma mistennija jagħmlu protesti kbar f’Malmö biex iqajmu kuxjenza dwar il-kawża tagħhom.

Minkejja dan, Roverelli qalet li se jkunu permessi biss il-bnadar tal-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-festival, fosthom t’Iżrael, iżda ukoll bnadar tal-komunità LGBT.

Fil-Eurovision din is-sena se jieħdu sehem 37 pajjiż, fosthom Malta.

Is-semifinali tal-Eurovision Song Contest se jsiru fis-7 u d-9 ta’ Mejju. Il-finali tal-Eurovision, għas-Sibt 11 ta’ Mejju.

Sarah Bonnici, f’isem Malta, se tiftaħ it-tieni semifinali bil-kanzunetta “Loop”.

More in Divertiment