Kumpanija Norveġiża lesta biex tibni l-mina

Se tkun twila 11-il kilometru u 100 metru fonda: tibda min-Nadur u tiżbokka l-Mellieħa u mistennija titlesta f'ħames snin

F’kummenti mal-ILLUM il-president tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) Michael Grech żvela li fir-rapport ta’ vijabilità li sar mill-kamra tal-Kummerċ Għawdxija flimkien ma’ Transport Malta qed tkun proposta mina bejn Malta u Għawdex li hi twila 11-il kilometru, 100 metru taħt il-livell tal-baħar u li tiftaħ minn Ta’ Xħajma taħt in-Nadur u tiżbokka fiż-żona magħrufa bħala taċ-Ċumnija, fil-Mellieħa.

Mal-ILLUM Michael Grech jisħaq li kuntrarjament għall-perċezzjoni ta’ ħafna, dan il-proġett mhux kastell fl-arja iżda wieħed li għandu l-appoġġ sħiħ tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Grech iddeskriva lil Muscat bħala “determinat li dan il-proġett isir.”

Aktar minn hekk, Grech indika wkoll kif għall-bini ta’ dan il-proġett, li mistenni jiswa madwar €250 miljun, diġà hemm interess qawwi ħafna minn kumpanija Norveġiża magħrufa għall-bini tal-aktar mina fonda fid-dinja bejn il-‘mainland’ Norveġiża u l-gżira ta’ Hitra.

Dan l-interess Norveġiż kien espress meta ftit tal-ġimgħat ilu membri tal-kamra tal-kummerċ Għawdxija u uffiċjali ta’ Transport Malta marru Trondheim fin-Norveġja, fejn żaru diversi sistemi ta’ mini, sew taħt il-belt kif ukoll taħt il-baħar li hemm f’din il-belt. Iżda jidher li l-aktar waħda li l-Maltin kienu interessati li jżuru kienet dik ta’ Hitra li hi twila 6 kilometri u fonda 265 metru taħt il-livell tal-baħar.

Il-mina proposta għal pajjiżna mistennija tkun magħmula minn ‘tube’ singolu, eżatt bħal ta’ Hitra u  tkun maqsuma fi tliet karreġġjati li jintużaw skont iċ-ċirkostanzi. Ir-rapport ‘Malta-Gozo Tunnel’ li sar f’April 2012 jistudja diversi possibilitajiet, fosthom li l-mina tkun ‘twin tube’. Ir-rapport jgħid li din it-tip ta’ mina tista tkun aħjar għal meta jinqala’ xi inċident u f’każ ta’ manutenzjoni. Minkejja dan, il-Gvern jidher li mhux se jagħżel din it-tip ta’ mina minħabba li l-ispiża hija akbar.

  • Biex tgħaddi mill-mina trid tħallas tal-vettura

Michael Grech f’kummenti li ta lill-ILLUM qal li din il-mina għandha titlesta sa ħames snin oħra. Grech qalilna li l-pre-feasibility studies diġà kienu saru bejn il-kamra tal-kummerċ Għawdxija u Transport Malta u sa ftit jiem oħra se joħorġu l-istudju finali f’konferenza għall-mezzi tax-xandir.

“Imbagħad, minn hemm jibda l-istudju ġeoloġiku li m’għandux jieħu aktar minn ftit xhur, toħroġ is-sejħa għall-offerti u tingħata l-offerta lill-aħjar offerent. B’kollox, fi tliet snin ix-xogħol inizjali tal-mina għandu jitlesta, u f’ħames snin ikun lest il-proġett kollu jew ikun kważi lest.”

Mitlub jikkumenta minn lLLUM jekk hu jaħsibx li l-mina għandha ssir mill-Gvern jew minn kumpanija privata, Grech qal, “Nerġa’ ntenni li huwa f’idejn il-Gvern li jiddeċiedi. Personalment inħoss li jkun tajjeb li l-mina ssir permezz ta’ PPP (Private Partnership Project) fejn il-gvern ma joħroġx ċenteżmu, u l-privat jingħata l-mina b’kera għal 65 sena. Jiġifieri li l-Gvern ma jkollu xejn x’jaqsam mal-operat u t-tmexxija tagħha.”

Michael Grech qal li kien hawn min qatt m’emmen li mina bejn Malta u Għawdex qatt tista’ ssir u li hija kollha “kastell fl-arja”, “iżda llum kulħadd jaf li ma ddumx ma ssir realtà, il-fatt li issa ż-żewġ partiti huma favur il-mina jgħin biex ma jkunx hemm iżjed intoppi.”

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-Gvern ħela tliet snin jistudja l-possibilità ta’ pont u ma baqax fuq dak li ddeċieda l-Gvern ta’ qabel, Grech wieġeb hekk; “Jien xtaqt li x-xogħol beda lbieraħ. Iżda tajjeb li ġiet esplorata l-possibilità ta’ pont ukoll u ħareġ li dan mhux fattibbli. B’hekk, issa nafu x’jaqbel u ma jaqbilx.”

“Il-pont kien se jiswa €1 biljun. Kont tkellimt mal-Prim Ministru jien stess u għidtlu li b’dik iċ-ċifra nistgħu nibnu kważi ħames mini.”

Li Grech isostni kontinwament huwa u jkellem l-ILLUM hu, li Għawdex għandu bżonn ‘link’ permanenti, “ikun żbaljat min jaħseb li din ma tgħinx għall-progress fil-gżira. Se jiżdied il-Prodott Gross Domestiku (PDG) tal-gżira u tgħin biex tkabbar dik Maltija.”

Mhux se jkun hemm bżonn ta’ tliet vapuri

Dwar l-impatt negattiv li dan il-proġett jista’ jħalli fuq il-Gozo Channel, Michael Grech wieġeb li, “l-vapuri tal-Gozo Channel waslu biex jinbidlu għax dawn għandhom ħajja ta’ 30 sena. U meta kienu nbnew kienu swew €80 miljun. Bil-bini tal-mina, ma jkunx hemm bżonn iżjed ta’ tliet vapuri u jistgħu jinbnew tnejn iżgħar. Dawn jintużaw għat-turisti Maltin u barranin li jkunu jixtiequ jiġu Għawdex bil-vapur, u anke l-merkanzija perikoluża tibqa’ tinġarr bil-vapuri ħalli ma jkunx hemm xi sogru fil-mina. Barra hekk, kulħadd jaf li dawk li qed jispiċċaw bl-età mill-Gozo Channel mhux qed jiġu sostitwiti b’ħaddiema oħrajn.”

Imma mina hija sigura biżżejjed?

L-ILLUM tirrimarka li s-sigurtà tista’ tkun ta’ sfida, hekk kif ħafna nies iħossu li mina taħt il-baħar mhi sigura xejn f’każ ta’ inċident. Imma Grech iwieġeb “lanqas xejn. Fil-fatt għalhekk mistennija tkun bi tliet karreġjati li jintużaw skont il-‘flow’ tat-traffiku, jiġifieri skont fejn l-aktar li jkun sejjer. Barra hekk, f’każ ta’ xi inċident, it-tielet karreġjata tintuża għall-emerġenza.

Mistoqsi kemm se tinżel fil-fond, Grech qal li skont esperti ġeoloġiċi taħt il-baħar Malti hemm 30 metru ta’ tafal. Il-mina jrid ikollha 50 metru ta’ ġebla franka fuqha u għalhekk il-mina se titħaffer 100 metru taħt il-livell tal-baħar, “Fejn l-aktar parti fonda se tkun meta tgħaddi taħt Kemmuna. Li rrid naċċerta huwa li mhu se tagħmel l-ebda impatt negattiv fuq il-gżira ta’ Kemmuna.”

Grech kompla jgħid ukoll li skont esperti Norveġiżi li tkellem magħhom, qalulhom li l-ġebla franka xorta jgħaddi l-ilma minnha u għalhekk se jinbnew ‘reservoirs’ taħt il-mina, li fihom jispiċċa l-ilma li jgħaddi minn ġol-ġebla u jkun hemm pompi li jerġgħu jarmu l-ilma fil-baħar. “Dan fil-fatt isir f’kull mina li hawn taħt il-baħar madwar id-dinja kollha u m’hemm l-ebda periklu,” tenna Grech.

Żewġ modi kif tista’ titħaffer il-mina

Grech qal ukoll li hemm żewġ sistemi kif titħaffer il-mina, “hemm it-tunnel boring machine, li bħalha, hawn diġà waħda Malta u hemm ukoll is-sistema Norveġiża ta’ ‘drill & blast.’ Jiġifieri li jittaqbu toqob mal-blat, jitpoġġew splussivi fihom u jisploduhom. Jitneħħa l-ġebel u jerġa’ jiġi ripetut il-proċess sa ma jinfed san-naħa l-oħra. Issa sta għall-Gvern jagħżel liema sistema hi l-irħas jew taqbel għal Malta.”

Jagħmilha min jagħmilha se tkun bil-ħlas

 “Sew jekk jeħodha l-privat u anke jekk jagħmilha l-Gvern, irid ikun hemm ħlas għal min jużaha skont is-sistema li hemm barra, tal-pontijiet u anke tal-‘motorways’. Iżda l-ħlas mhux se jkun bħal tal-vapur, fejn kull persuna trid tħallas biljett. Wieħed se jkun qed iħallas tal-vettura, ikun hemm kemm ikun hemm persuni fiha. Anke t-trasport pubbliku se jkun jista’ juża l-mina, b’differenza li l-prezz għal din ix-xarabank speċjali tkun ftit aktar għolja mis-soltu.

 “Dan għalkemm wieħed irid jieħu wkoll in kunsiderazzjoni li suppost l-Għawdxi, bi dritt, m’għandux iħallas biex imur Malta għax-xogħol, għax l-ebda Malti ma jħallas talli jgħaddi minn triq għal xogħlu. L-Għawdxi, meta jmur Malta jmur għax-xogħol, imma l-Malti li jmur Għawdex imur bħala divertita.”

Grech temm billi qal li l-Gvern jista’ jekk irid joħroġ l-offerta maqsuma fuq tlieta, “disinn, bini u l-operat.”

 

 

More in G?awdex