‘Kulħadd jaf x’inhu jiġri imma ħadd ma jrid jitkellem. Omertà assoluta’
3 xhur wara allegazzjonijiet li ‘heżżew’ il-Liċeo, aktar minn 13-il persuna allegatament involuta, u ħadd ma jaf xejn, ħadd ma jrid jitkellem u ħadd ma tressaq
minn Albert Gauci Cunningham
Għaddew tliet xhur minn meta l-pajjiż kien taħt xokk hekk kif bdew joħorġu allegazzjonijiet mill-aktar gravi ta’ abbuż u kompliċità f’attakk sesswali minn għalliem ta’ 33 sena li kien jgħallem fil-Liċeo tal-Ħamrun. Illum iżda, il-każ li qajjem tant għagħa u li kulħadd kien qed jitkellem dwaru nhar is-17 ta’ Novembru tas-sena l-oħra jinsab taħt velu ta’ omertà hekk kif ftit huma dawk li jafu eżatt x’inhu jiġri.
Sorsi mill-Korp tal-Pulizija li tkellmu mal-ILLUM qalu li numru ta’ ġenituri tal-allegati vittmi qed jilmentaw li tħallew fil-għama filwaqt li ħadd ma jaf xejn dwar l-investigazzjoni li suppost qed issir, lanqas jekk it-tfal fil-fatt ġewx interrogati jew le. Mal-ILLUM, l-MUT qalet li ngħatat direttiva biex ma titkellimx mal-istudenti jew għalliema dwar il-każ, filwaqt li numru ta’ telefonati lit-tmexxija tal-iskola baqgħu mhux imweġbin. Kuntatti ma’ ġenituri tal-vittmi, lanqas ma wasslu mkien.
Minkejja li fl-allegazzjonijiet, fi tliet stejjer differenti bejn is-17 ta’ Novembru 2016 u l-għada, it-18 ta’ Novembru jissemmew minn tal-anqas 13-il persuna involuta; ħames vittmi u mill-inqas seba’ agressuri flimkien mal-għalliem, s’issa għadu ma tressaq ħadd b’arrest, lanqas l-għalliem li wara 48 siegħa interrogat ingħata ‘police bail’. Dan anke jekk l-istess għalliem ta’ 33 sena min-Naxxar kien hu li skont is-siti inewsmalta u newsbook, allegatament ordna lil grupp ta’ subien biex jabbużaw minn tifla, allegatament żammha f’rokna sakemm student poġġa l-parti tiegħu ma’ wiċċha u f’każ separat allegatament sakkar tifla f’kamra ma’ seba’ subien u qagħad jurihom il-pornografija
Dan kollu apparti iktar akkużi u allegazzjonijiet li l-għalliem ta fastidju wkoll lil studenti subien fl-istess skola.
Minkejja li x-xhieda tal-allegat kompliċità tal-għalliem huma ħafna, tliet xhur wara, ma kien hemm ebda żvolta fil-każ.
L-MUT mogħtija direttiva biex ma tkellem lil ħadd dwar il-każ
Is-sors li tkellem mal-ILLUM sostna li dwar il-każ, resqu fuqu ġenituri ta’ waħda mill-allegati vittmi u qalu li ma jafu xejn dwar il-każ. L-istess sors sostna li s’issa, l-unika żvilupp li huwa pubbliku, jew tal-anqas li jafu bih persuni fil-korp huwa li l-allegati vittmi ntbagħtu għall-għajnuna għand psikologu. Dan is-sors sostna ma’ din il-gazzetta li l-pulizija taw struzzjonijiet lill-ġenituri tal-vittmi biex ma jitkellmux mal-mezzi tax-xandir, “għax inkella taf tiġik agħar.”
“Kulħadd jaf x’inhu jiġri,” sostna s-sors viċin il-Korp tal-Pulizija ma’ din il-gazzetta. Imma hemm omertà sħiħa għax kulħadd jibża’. Ħafna nies la jridu jfuħu u lanqas jintnu, allura jżommu ħalqhom magħluq u jħarsu n-naħa l-oħra. Omertà sħiħa.”
Kemm is-sit illum.com.mt kif ukoll inewsmalta, it-tnejn irraportaw kif l-għada li ħareġ il-każ fuq il-media, waslu l-għassa tal-Ħamrun rapporti ta’ theddid fuq uħud mill-vittmi u anke studenti li kellhom għarfien dwar dak li seħħ fl-iskola.
Intant, l-ILLUM tinsab infurmata wkoll li l-Malta Union of Teachers (MUT) ġiet mogħtija direttiva biex ma titkellimx mal-istudenti jew mal-għalliema dwar il-każ partikolari.
L-ILLUM pruvat tagħmel kuntatt mal-Aġent Kap tal-iskola Dorianne Portanier Mifsud, imma minkejja ħafna telefonati u minkejja li konna mitlubin nistennew “sakemm iqabbdukhom,” baqa’ ma sar ebda kuntatt ma’ Portanier Mifsud.
L-ILLUM għamlet ukoll kuntatt ma’ xi ġenituri ta’ vittmi iżda ħadd ma ried jitkellem jew jagħti dettalji dwar il-każ.
L-MUT tipposponi azzjoni industrijali fl-iskola li ssejħilha ‘ghetto’
Intant wara theddida ta’ azzjoni industrijali u anke wara li fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, il-President Kevin Bonello saħaq li din l-iskola saret bħal qisha ghetto, ilbieraħ kien imħabbar li għalissa, l-azzjonijiet se jkunu posposti.
Dan seħħ wara laqgħat twal mal-Ministeru tal-Edukazzjoni li wasslu biex jintlaħaq qbil fuq diversi punti, fosthom li ssir strateġija partikolari li tindirizza l-bżonnijiet tat-tfal, li jissaħħaħ it-tim li jmexxi l-iskola, reviżjoni tal-politika dwar id-dixxiplina fl-iskola, iktar għalliema, receptionist b’dmirijiet marbutin ma’ monitoraġġ u sigurtà u bidliet mill-qiegħ ta’ miżuri korrezzjonali, “li mhuma qed iħallu ebda effett.”
Mal-ILLUM, Bonello kien qal li, “l-iskola fil-Ħamrun, bħala catchment area qed tiġbor tal-inqas erba’ żoni li huma ‘depressed areas’....dan ma jfissirx li t-tfal kollha huma fi stat ħażin, imma b’hekk tkun qed tiġbor u tagħmel ghetto ta’ dawn is-sitwazzjonijiet flimkien.’