Tnejn iweġġgħu u deheb jinsteraq waqt 'hold up' f'ħanut f'Tignè

Żewġ persuni ta’ nazzjonalità barranija, daħlu armati u lebsin parokka fil-ħanut u ordnaw li jingħatalhom il-flus. 

Ammont ta’ deheb insteraq f’’hold up’ li saret fil-ħanut Diamonds International, li jinsab fi Pjazza Tignè f’The Point.

Żewġ ħaddiema li kienu fil-ħanut waqt il-ħin tal-‘hold up’ ingħatalhom l-għajnuna medika wara li weġġgħu meta rreżistew lill-ħallelin.

Kien għall-ħabta tal-10 ta’ dalgħodu meta żewġ persuni ta’ nazzjonalità barranija, daħlu armati u lebsin parokka fil-ħanut u ordnaw li jingħatalhom il-flus.

Il-ħallelin sparaw tiri ta’ ‘air gun’ fil-ħanut bil-konsegwenza li ntlaqat wieħed mill-ħaddiema f’siequ, b’martell kissru uħud mill-vettrini tal-ħġieġ u ħadu deheb minnhom.

Il-persuna l-oħra, Taljan u membru tas-sigurtà, soffriet minn daqqiet f’rasha.

Il-Pulizija għalqu t-toroq tal-madwar għat-traffiku għal xi ħin għall-investigazzjonijiet u ġew elevati filmati tas-sigurtà.

Aktar tard, il-Pulizija sabu karozza bajda abbandunata fl-inħawi tal-Kulleġġ ta' Stella Maris fil-Gżira, li x’aktarx hija l-karozza li użaw il-ħallelin biex ħarbu wara l-‘hold up’.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u tinsab għaddejja tfittxija għal tliet persuni. Iż-żewġ ħallelin u s-sewwieq tal-karozza. 

Infetħet ukoll inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Neville Camilleri.

More in Kronaka