Aġġornata | Daphne Caruana Galizia tinqatel f'karozza bomba
L-isplużjoni seħħet għal ħabta tat-3pm fi Triq il-Bidnija fil-limiti tal-Mosta.
More in Kronaka
L-isplużjoni seħħet għal ħabta tat-3pm fi Triq il-Bidnija fil-limiti tal-Mosta.
Il-blogger u ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni ta’ karozza li seħħet għall-ħabta tat-3pm.
L-isplużjoni seħħet fi Triq il-Bidnija fil-limiti tal-Mosta, ftit il bogħod mir-residenza tagħha u tant kienet qawwija li l-karozza nqerdet għal kollox u spiċċat fl-għelieqi tal-madwar.
Caruana Galizia kienet qed issuq il-karozza fil-ħin tal-isplużjoni u ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post. Hija kienet qed issuq karozza tal-kiri, Peugeot 108 tal-kiri.
Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija, tat-taqsima tal-Bomb Disposal, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili, tim mediku b’ambulanza kif ukoll il-Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi.
Waslu wkoll il-membri tal-familja ta’ Caruana Galizia, żewġha Peter u binha Matthew.
It-triq ingħalqet għal xi ħin għat-traffiku.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera se tmexxi l-inkjesta fuq dan il-każ. Hija ordnat li xejn ma huwa se jintmess minn fuq il-post sakemm jaslu esperti forensiċi barranin li se jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-każ.
Il-familja Caruana Galizia iżda ressqu rikors fil-Qorti biex tinbidel il-Maġistrat minħabba li fil-passat kienet ġiet ikkritikata minn Daphne Caruana Galizia. Il-familja qalet li għandha dubji kemm il-Maġistrat Scerri Herrera tista’ tagħmel xogħlha b’imparzjalitá.
L-aħħar artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia ttella’ fuq il-blog tagħha ftit inqas minn nofs siegħa qabel mietet fl-isplużjoni. Midja internazzjonali ewlenin irrappurtaw dan il-qtil.
Daphne Caruana Galizia twieldet f’Tas-Sliema fl-1964 u kienet ilha aktar minn 30 sena fil-ġurnaliżmu.