‘In-numru ta’ nies infettati bis-syphilis qed ikompli jiżdied’

Id-Direttur tal-GU Clinic tappella biex iktar nies jagħmlu testijiet u biex tintuża l-protezzjoni fis-sess

Valeska Padovese
Valeska Padovese

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif skont l-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jitratta mard sesswali (Health at a Glance – Europe 2016, State of Health in the EU Cycle) Malta kellha l-ogħla rata ta’ Syphillis mill-pajjiżi kollha tal-UE, ħames darbiet iktar mill-medja fl-UE.

L-ILLUM tiltaqa’ mat-Tabiba Valeska Padovese, Direttur tal-GU Clinic, u staqsietha dwar is-sitwazzjoni tal-mard trażmess sesswalment f’pajjiżna.

Bdejna billi staqsjena x’taħseb li huma r-raġunijiet li qed iwasslu għal dawn iż-żidiet, iżda mhux żidiet fil-Gonorrhea u l-Chlamidya.

Tammetti li n-numri qed jiżdiedu, “iva, n-numri ta’ każi ta’ persuni bis-Syphillis qed jiżdiedu u sfortunatament anke l-każi ta’ gonorrhea u chlamidya qed jiżdiedu wkoll. Naħseb li r-raġunijiet huma minħabba li bħala pajjiż nirrapportaw iktar u niġbru aktar data wkoll li mbagħad tgħaddi għand il-European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC). Fortunatament,” tkompli tgħid id-Direttur tal-GU Clinic, “ hawn iktar ittestjar ukoll. Imma sfortunatament hemm żieda fin-numru ta’ mard trażmess sesswalment.”

‘Irridu naħdmu aktar ma’ ħaddiema tas-sess’

Valeska Padovese tisħaq illi ż-żieda tal-infezzjonijiet irrappurtati f’Malta hija ikbar minn pajjiżi Ewropej oħrajn, kif wara kollox tixhed l-istatistika. Imma tkun pronta tfakkar ukoll illi Malta qed tara żieda wkoll fin-nies li jirrappurtaw jew jmorru l-kliniċi biex jagħmlu testijiet.

“Malta hija realtà differenti. Hija żgħira, għandha ekonomija b’saħħitha u allura qed tattira ħafna nies lejha bħalissa u dan apparti t-turisti. Dan kollu jfisser aktar taħlit.”

Hi tgħid kif teżisti prevalenza ta’ Syphillis fost il-komunità omosesswali u fost ħaddiema tas-sess. “Minkejja li hemm aktar għarfien fost il-komunità LGBT, fi gruppi oħrajn ta’ riskju għoli bħall-prostituti hemm inqas għarfien u allura rridu naħdmu iktar ma’ dan il-grupp.”

Mistoqsija għalfejn l-komunità LGBT hija settur ta’ riskju ogħla, Padovese qalet illi dan huwa minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel minħabba li s-sess anali huwa iktar perikoluż minn dak vaġinali u t-tieni għax il-komunità LGBT hija waħda żgħira. “Naturlament jibqa’ fatt li iktar kemm persuna jkollha sess ma’ persuni differenti, iktar tkun qed tkabbar iċ-ċans li tkun infettata, kemm jekk il-persuna tkun eterosesswali u anke jekk omosesswali.”

‘Aħna ma nippritkawx l-astinenza...’

Mal-ILLUM tagħmilha ċara li l-GU Clinic ma jippritkax l-astinenza, imma l-prevenzjoni permezz ta’ kontraċettivi, “idealment anke meta persuna tagħmel sess orali għaliex ħafna mard trażmess sesswalment, fil-fatt jixxerred hekk u ħafna nies din ma jaħsbux dwarha u jaħsbuha xi ħaġa taċ-ċajt. Apparti minn hekk,” tkompli Padovese, “importanti li nkunu ttestjati aktar ta’ spiss.”

Tikkonferma li n-numri qed ikomplu jiżdiedu

Din il-gazzetta staqsiet lil Padovese jekk hux qed tara li ċ-ċifri li ħarġu fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea issa komplew jiżdiedu b’Malta tibqa’ fuq quddiem fin-numri ta’ nies infettati bis-Syphillis.

“Iva, sfortunatament, milli qed nara n-numri qed ikomplu jiżdiedu. Għalkemm in-numru ta’ każi ta’ HIV qed jonqsu hekk kif qed inżidu nies li qegħdin fuq il-mediċina li tittieħed biex tnaqqas iċ-ċans li persuni jiġu infettati bl-HIV (PrEP).”

Minkejja dan, rapport fuq il-gazzetta The Times nhar l-Erbgħa żvela rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa illi juri kif ir-rata tal-HIV f’pajjiżna hija id-doppju tal-medja fl-UE.

L-ILLUM tkompli tistqasi kemm huwa komuni li ħaddiema tas-sess u l-klijenti tagħhom imorru jagħmlu check-ups. Padovese tgħid illi ħaddiema tas-sess ħafna drabi jmorru għand ginekoloġisti. “Għandna jridu jiġu jekk iridu jiċċekkjaw dwar mard trażmess mas-sess u nixtieq li iktar u iktar nies jiġu għandna.”

‘Kollox huwa kunfidenzjali... m’għandekx għax tibżà’

Hija tagħmel appell biex ma jkunx hemm biża’ għax il-proċess huwa kollu kemm hu anonimu. “Ladarba jiġu jindunaw li kollox huwa anonimu u kunfidenzjali. Kollox huwa kodifikat b’numru u għalhekk m’hemmx ismijiet, kollox kunfidenzjali. Dan apparti li aħna ma nirrappurtawx lill-awtoritajiet jekk jiġu prostituti għandna.”

“Jekk inti klijent, passat jew potenzjali, ta’ prostituta tajjeb li tiċċekkja lilek innifsek,” tinkoraġġixxi Padovese.

Għall-aħħar mistoqsija tal-ILLUM Padovese tgħid li għandna nagħmluha faċli li nitkellmu fuq is-sess, mingħajr ħafna drama żejda. “Aħna dan hu xogħolna, li nnaqqsu l-istigma u l-biża’.”

 

More in Kronaka