Wara t-traġedja li seħħet ilbieraħ fiż-Żurrieq, dalgħodu se jkunu qed isiru diversi testijiet fuq il-pazjenti li jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Ivan Falzon qal li s-sitwazzjoni għadha l-istess kif kienet ilbieraħ.
Mistoqsi jekk hux se jiġu operati xi pazjenti, Falzon qal biss li dalgħodu se jsiru xi testijiet biex imbagħad ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet kliniċi.
Ftit wara l-inċident, saret operazzjoni maġġuri fuq pazjent li kiser is-sinsla ta' dahru.
Erba' pazjenti jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, 2 minnhom weġġgħu gravi.
Apparti l-Belġjan u l-Ispanjola li tilfu ħajjithom, kienu 50-il passiġġiera tad-double-decker li kellhom bżonn li jingħataw il-kura, fost dawn kien hemm madwar 13-il tifel u tifla.
Intant, kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma' dan is-sit li d-double-decker kienet ħierġa miż-Żurrieq meta laqtet is-siġra.
Ara hawn ir-ritratti tat-traġedja.