Aġġornata | Attentat ta' qtil fuq Hugo...tinfetaħ inkjesta Maġisterjali

...il-każ seħħ dal-lejl f'Paceville bl-agressur, raġel mis-Serbja,  jiġi arrestat f'Tas-Sliema

L-akkużat bl-attentat ta' qtil fuq Hugo Chetcuti (fil-kaxxa)
L-akkużat bl-attentat ta' qtil fuq Hugo Chetcuti (fil-kaxxa)

Raġel mis-Serbja kien arrestat u mtella' l-Qorti dalgħodu akkużat bl-attentat ta' qtil ta' Hugo Chetcuti. Ir-raġel jismu Bojan Cmelik u għandu 35 sena. 

Quddiem il-Maġistrat Neville Zammit Cmelik wieġeb 'mhux ħati' għall-akkużi miġjubin kontrih, fosthom attentat ta' qtil, li hedded Pulizija u li ma segwiex l-ordnijiet mogħtija lilu.  

Iktar kmieni; L-intraprenditur Hugo Chetcuti, li huwa wkoll sid ta' bosta stabbilimenti, spiċċa l-isptar u għal mumenti f'qagħda kritika wara li qala' daqqiet ta' sikkina fl-istonku. 

Il-każ seħħ f'Paceville għall-ħabta tal-10:30 p.m. Chetcuti qala' daqqa fl-istonku u bħalissa għadu qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei (ITU). Il-kundizzjoni tiegħu tidher li qed taqleb għall-aħjar.

Hugo Chetcuti huwa s-sid ta' diversi stabbilimenti f'Paceville, fosthom Hugo's Hotel u Hugo’s Burgers and Hugo’s Tapas, fost oħrajn. 

L-aggressur f’dan il-każ, ħarab jiġri minn fuq il-post u għaldaqstant, il- Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija intensiva sabiex tinstab. Iktar tard, il-Pulizija rnexxielha taqbad lill-allegat aggressur, li huwa Serb ta’ 35 sena, fejn ġie arrestat ġewwa Tas-Sliema.

Jidher illi l-arrest sar ħdejn l-Isptar St James fl-istess lokalità wara li dan kien irnexxielu jaħrab darbtejn qabel, darba fit-telgħa tal-Balluta u darba oħra quddiem l-Exiles. 

Waqt dan l-arrest, is-suspettat ma bedix jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra beda jaggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t-taser sabiex ir-raġel seta’ jiġi kkontrollat u mrażżan. Minn tfittxija li saret fuq il-persuna tiegħu, irriżulta li r-raġel kien armat b’arma li taqta’ u bil-ponta. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba li kellu xi ġrieħi u wara li ġie rilaxxat, ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Mill-aħħar informazzjoni  jidher illi l-każ qed ikun meqjus bħala attentat ta' qtil.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tmexxi inkjesta Maġisterjali. 

More in Kronaka