Filmat | Mill-ġdid protesti fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta' Ħal Safi; Immigranti jgħajtu għal-libertà
Duħħan iswed deher ħiereġ miċ-ċentru diversi drabi

minn Yendrick Cioffi

Pulizija, suldati u anke l-Protezzjoni Ċivili reġgħu kellhom jissejħu fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi minħabba protesta fost l-immigranti residenti.
L-immigranti qed jipprotestaw kontra d-detenzjoni, waqt li jgħajtu 'freedom' (libertà).
Fuq il-post issejjaħ numru sostanzjali ta' uffiċjali tal-Pulizija, uħud minnhom liebsa lbies protettiv f'każ li jkun hemm bżonn l-użu tal-forza. Għalkemm ma daħlux fiċ-ċentru, il-Pulizija dehru skjarati quddiem il-grada ewlenija.




Tweħħlu wkoll diversi strixxuni madwar iċ-ċentru, uħud minnhom bil-kliem 'freedom' oħrajn jistaqsu 'fejn hu l-umanità?' u strixxuni oħra jisħqu li f'Malta ma hawnx ġustizzja.
Xi drabi nstema' wkoll taħbit u tisbit.

Duħħan iswed deher ħiereġ ukoll miċ-ċentru f'diversi ħinijet, x'aktarx għax l-immigranti bdew jaħarqu xi oġġetti. Ma jidhirx li kien hemm nirien fl-ebda struttura.
Din hija waħda minn sensiela ta’ protesti li seħħew fl-aħħar jiem f’dan iċ-ċentru u anke fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa.
Intant fuq il-post issejħu diversi ambulanzi u anke tobba għalkemm ħadd ma weġġa' tul il-protesta.



Għall-ħabta ta' nofsinhar jew ftit wara, il-protesta waqfet bl-immigranti jidhru jitolbu iżda l-protesta kompliet fis-sagħtejn fejn reġa' deher ħiereġ ukoll xi duħħan iswed, għalkemm reġgħet ikkalmat ftit tal-ħin wara.

![[Aġġornat] Kuċċier iweġġa' gravi f'ħabta l-Furjana](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/habta21022025.png)

