BAĠIT 2015
Aqra dak li ngħad f'baġit li dam għaddej tliet sigħat u 42 minuta u fil-konferenza stampa ta' wara fi Pjazza San Ġorġ
minn Staff Reporter
Fil-konferenza stampa eżatt wara tmiem il-baġit, Joseph Muscat tkellem dwar baġit li ddeskrivih bħala baġit mimli ottimiżmu. Skuża ruħu għat-tul tiegħu u qal li dan hu kollu ħtija tal-fatt li dan il-Gvern "irid jagħmel ħafna."
Muscat enfasizza fuq l-aspett soċjali ta' dan il-baġit. "Aħna nemmnu li l-ewwel trid tkabbar il-frotta mbagħad tqassamha, aħna ħa ngħinu l-frotta tal-ekonomija mbagħad inqassmuha lil min għandu bżonn."
Muscat semma l-fatt li dan il-baġit se jaħdem biex jinforza l-liġi li ilha mill-1967 li min iħaddem għandu jimpjega ħaddiema b'diżabbiltà, jekk le, iħallas. Semma b'importanza li "minn 105 mediċina out-of-stock inżilna għal ħamsa."
Fil-konferenza li ta Simon Busutill, beda billi kritika t-tul tal-qari tal-baġit, fejn qal li t-tul tiegħu juri li l-Gvern m'għandux idea ta' ħin. Qal li dan il-baġit semma proġetti żgħar imma ma semmix ix-xogħol fuq il-power station il-ġdida. Busuttil qal li dan il-baġit ma jgħid xejn fuq setturi ġodda f'pajjiżna. Baġit 2015 ġie deskritt minn Busutill bħala "ma jgħid xejn", "ikkonferma żieda redikola ta' 58 ċenteżmu u li issa saret agħar b'żieda ta' €35 li ma tingħatax lil kulħadd.
Żied "Il-prezzijiet tal-fuel huma ferm u ferm ogħla minn dak li kienu qabel meta l-prezzijiet taż-żejt baqgħu l-istess."
Konsultazzjoni fuq il-Koabitazzjoni
Ikompli d-diskors tal-baġit filwaqt li l-Ministru jinstemà għajjien wara aktar minn tlett siegħat jaqra l-estimi tal-2015.
“Għaddejjin ukoll b’ħidma għat-tfassil ta’ abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni. Il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ esperti mill-qasam dwar il-liġi tal-familja, kif ukoll ma’ esperti mill-qasam tal-ugwaljanza, li qed ifasslu abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni. Din il-proposta għandha tkopri forom differenti ta’ familja. Ladarba tkun abbozzata, din il-liġi se tkun imressqa għall-konsultazzjoni pubblika”.
Proċedura li biha wieħed jibdel is-sess
“Wara li tidħol fis-seħħ il-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, nevalwaw il-possibiltà li nintroduċu assistenza lil dawk il-persuni transgender li ma jħossuhomx komdi bis-sesswalità tagħhom”.
Drittijiet Indaqs għall-koppji f’Unjonijiet Ċivili
“Din is-sena għaddejna l-liġi dwar l-Unjonijiet Ċivili. Sabiex il-benefiċċji għal dawn il-koppji jissarrfu fil-prattika, se jsiru l-emendi neċessarji f’liġijiet oħra. Waħda minn dawn tirrigwarda l-liġi tat-Taxxa tad-Dħul. Għalhekk se jsiru emendi fid-definizzjonijiet fl-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul sabiex koppji reġistrati taħt il-liġi tal-Unjoni Ċivili jiġu ttrattati l-istess bħal koppji miżżewġin għall-iskopijiet tat-taxxa”.
Libertà tal-Informazzjoni
“Għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jtejjeb u jsaħħaħ l-aċċess għall-informazzjoni permezz ta’ emendi fil-Liġi għal-Libertà tal-Informazzjoni. Dan se jiffaċilita l-aċċess għad-dokumentazzjoni mill-Gvern filwaqt li se titjieb il-preżenza ta’ din il-liġi online biex il-pubbliku jsibha aktar faċli biex jagħmel talbiet u jkollu aċċess għad-dokumenti”.
Politika ta’ Integrazzjoni
“Il-Gvern qed jaħdem fuq politika ta’ integrazzjoni li għandha twassal għat-tnaqqis fid-diffikultajiet li ġġib magħha l-esklużjoni soċjali u ttejjeb ir-relazzjoni bejn il-Maltin u l-komunitajiet barranin. Din il-politika se tibni fuq l-azzjonijiet li diġà qed isiru mill-Gvern, billi tikkordina x-xogħol li qed isir, u tidentifika s-setturi fejn irid isir it-titjib u x’għandu jsir. Se jitwaqqaf ukoll Direttorat għall-Integrazzjoni li se jiżviluppa strateġiji u programmi li jilħqu l-għanijiet tal-Gvern fir-rigward tal-libertajiet ċivili, l-ugwaljanza, il-politika ta’ antidiskriminazzjoni u l-integrazzjoni tal-immigranti”.
Twaqqif ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u Ugwaljanza
“Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika preliminarja bil-għan li jwaqqaf Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. Din il-kummissjoni għandha tieħu post il-Kummissjoni eżistenti għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) li fil-preżent hija l-entità governattiva li tħares l-ugwaljanza abbażi tal-ġeneru u r-responsabbiltajiet familjari, orjentazzjoni sesswali, età, reliġjon jew twemmin, oriġini etnika jew razzjali, jew identità tal-ġeneru. Dan isir f’diversi oqsma fosthom fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fil-banek u istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Gvern kien ċar li jrid l-ogħla forma ta’ protezzjoni tad-drittijiet u jrid li din l-istituzzjoni tkun imsawra skont il-Prinċipji ta’ Pariġi tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Gvern wasal biex iniedi White Paper li se sservi ta’ bażi għat-twaqqif ta’ din il-Kummissjoni s-sena d-dieħla”.
NGO Hub
“Qegħdin naħdmu biex is-sena d-dieħla jkun varat il-proġett fuq il-bini ta’ sit ġdid għall-organizzazzjonijiet volontarji. Dan il-proġett se jtejjeb l-effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju, inaqqas il-burokrazija b’konformità mal-politika tal-Gvern u tinħoloq iżjed trasparenza fejn permezz ta’ NGO Hub, organizzazzjonijiet volontarji se jkunu moqdija aħjar”.
Preparazzjonijiet għall-Presidenza Ewropea
Il-Ministru tal-Finanzi qal li s-sena li ġejja, l-istrutturi tal-Gvern se jkomplu jissaħħu biex ikomplu jwettqu r-rwol tagħhom ta’ koordinazzjoni kontinwa kif ukoll biex ikunu ċentrali fil-preparamenti għall-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tul l-ewwel sitt xhur tal-2017. Fl-istess ħin, huwa mistenni li jiġu ppubblikati l-ewwel sejħiet għal proposti ta’ proġetti ġodda hekk kif jiġi mniedi l-Programm ta’ Finanzjament ġdid għas-snin 2014-2020.
Niftakru l-Assedju l-Kbir fl-450 anniversarju tiegħu flimkien mal-SMOM
Is-sena d-dieħla se jaħbat l-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir. Il-Gvern jinsab f’taħditiet mas-Sovereign Military Order of Malta sabiex dan l-anniversarju storiku jitfakkar b’mod xieraq.
Intellgħu monumenti għal missirijietna bħal DeMarco, Tabone u Mintoff
“Issa li tlesta l-monument f'ġieħ l-eks-President tar-Repubblika Guido De Marco quddiem il-Qorti, il-Belt, dalwaqt jiġi inawgurat dak tal-eks-President Ċensu Tabone f’San Ġiljan bħala parti mill-programm tal-Fondazzjoni Festi Nazzjonali. Is-sena d-dieħla ninawguraw il-monument tal-Gvern f’ġieh l-eks-Prim Ministru Dom Mintoff fil-Belt Valletta”.
Awtonomija Amminstrattiva għall-Parlament Malti
“Iż-żewġ funzjonijiet prinċipali ta’ Parlament f’soċjetà tassew demokratika jikkonċernaw l-għemil tal-liġijiet tal-pajjiż u l-iskrutinju tal-Eżekuttiv. L-argument li l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma tista’ qatt tkun ħielsa minn kull xkiel u rbit jekk amministrattivament tibqa’ titqies bħala dipartiment tal-Gvern, ilna nisimgħuh għal numru ta’ snin minn diversi Speakers waqt id-diskorsi tas-Sette Giugno. Fil-21 ta’ Mejju 2014, l-iSpeaker ta’ dan il-Parlament qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport kif ukoll abbozz ta’ liġi li jaħseb biex għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu l-Parlament jibda jgawdi minn awtonomija amministrattiva. Huwa maħsub illi matul is-sena d-dieħla jittieħdu l-passi legali u amministrattivi kollha sabiex l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna tissaħħaħ kif indikat fir-rapport u l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni imħejjija mill-President ta’ din il-Kamra. B’dan il-pass, il-Parlament Malti se jingħaqad mal-Parlamenti Nazzjonali tal-Membri Stati fl-Unjoni Ewropea li ilhom igawdu din l-awtonomija”.
Attendenza tal-Membri Parlamentari
“Kif tħabbar diġà, il-Gvern huwa kommess li l-onorarja tal-Membri Parlamentari titħallas skont l-attendenza u għalhekk jekk Membru ma jattendix mingħajr raġuni valida u ppruvata dan jitnaqqaslu mill-onorarja. Diġà ġiet mfassla l-emenda meħtieġa ħalli din tidħol fis-seħħ hekk kif l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra jiġu emendati”.
SPORT
Taħriġ għall-amministraturi
“Il-Gvern, se jinvesti 700,000 ewro sabiex jitħarrġu amministraturi li jagħmlu xogħol fix-xena sportiva lokali”.
Tnaqqis tat-taxxa tad-Dħul għal plejers tal-Waterpolo
“It-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul se tiġi estiża għall-plejers tal-waterpolo. Dan għandu jgħin biex il-klabbs sportivi jimxu b’mod aktar professjonali u leġittimu”.
PPP fil-korsa tat-tiġrija taż-żwiemel fil-Marsa
“Il-Gvern se jikkunsidra li jissieħeb ma' entitajiet privati esperti fit-tmexxija ta' koros taż-żwiemel sabiex il-korsa titmexxa fuq livell aktar professjonali”.
Espressjoni ta’ Interess għall-korsa tat-tiġrijiet tal-vetturi (motorsport track)
“Matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, id-dilettanti tat-tiġrijiet tal-karozzi kibru fin-numru u fid-dixxiplini differenti. Minkejja dan, għalkemm dejjem saħqu dwar il-bżonn li jkollhom faċilitajiet diċenti, it-talbiet u x-xewqat tagħhom qatt ma sabu min jikkunsidrahom bis-serjetà. Il-Gvern iddeċieda se jwettaq wegħda oħra. Is-sena d-dieħla, il-Gvern se joħroġ sejħa għall-espressjoni ta' interess sabiex din il-ħolma tal-ħafna dilettanti fl-aħħar issir realtà”.
Implimentazzjoni tar-range tal-isparar
“L-isparar huwa sport li matul l-aħħar snin kellu ħafna suċċessi f'pajjiżna. Għalhekk qegħdin naħdmu sabiex f'pajjiżna jkollna shooting range ta' livell internazzjonali”.
KULTURA
“Hawn aktar minn 3,300 intrapriżi rreġistrati fis-setturi kulturali u kreattivi waqt li madwar 10,400 ruħ huma ekonomikament attivi fis-settur. L-investimenti tal-Gvern f’dawn l-oqsma għandhom l-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni kulturali, li tiżgura l-aċċessibilità fiżika u intellettwali, li tħares il-wirt nazzjonali kif ukoll li tkabbar il-kreattività kontemporanja f’pajjiżna u barra minn xtutna. Għalhekk, il-Gvern se jkompli jżid l-investimenti f’dawn l-oqsma li jwassluna eqreb lejn il-miri u l-viżjoni għall-Valletta 2018”.
Proġetti Kulturali
“Biex is-settur ikabbar l-attività tiegħu, se jiġi fis-seħħ il-programm ta’ ristrutturar fil-Kunsill Malti għall-Arti. Se nżidu wkoll l-allokazzjonijiet finanzjarji lill-entitajiet kulturali pubbliċi biex ikomplu fil-ħidma tagħhom f’proġetti kulturali ġodda. Qed ninkoraġixxu wkoll aktar sinerġiji bejn dawn l-entitajiet bil-għan li nsaħħu l-kollaborazzjoni li trendi għall-ġid tas-settur. Għal dan il-għan, ser inwaqqfu fond ta’ koproduzzjoni bejn dawn l-entitajiet u l-Fondazzjoni Valletta 2018 bl-ewwel investiment ta’ €208,000. Il-Gvern jemmen fil-potenzjal tax-xogħol kreattiv tal-artisti Maltin u jagħraf li xogħol ta’ eċċellenza għandu jitressaq ukoll fuq livell internazzjonali. Għalhekk, b’investiment ġdid mill-Gvern u b’allokazzjoni addizzjonali mill-Kunsill Malti għall-Arti se jitwaqqaf programm ta’ finanzjament ta’ €200,000 għal għajnuna fl-esportazzjoni ta’ xogħol kreattiv u għall-mobiltà artistika. Dan ukoll għandu jħares lejn l-oġġettiv tagħna biex naraw aktar parteċipazzjoni fil-programm Ewropa Kreattiva ta’ Unjoni Ewropeja. Għal dan il-għan, ser isir investiment ta’ kofinanzjament ta’ €86,000 biex ngħinu aktar imsieħba kulturali jiksbu suċċess f’dan il-programm. Il-ħidma tagħna tkompli wkoll fuq proġetti infrastrutturali, u b’xogħol estensiv marbut mal-Mużew tal-Arti, MUŻA, restawr ta’ siti kulturali, kif ukoll l-iżvilupp ta’ creative clusters, l-ewwel wieħed marbut mad-disinn. Fi stat avvanzat hemm ukoll l-istudji għall-iżvilupp tal-Malta International Contemporary Arts Space (MiCAS), Il-Villaġġ tal-Karnival u s-Suq tal-Belt”.
Villaġġ tal-Karnival
“Il-Gvern hu kommess li jagħti lid-dilettanti tal-Karnival u lill-poplu Malti u Għawdxi l-villaġġ li ilu jiġu mwiegħed is-snin f’post ċentrali li jagħmel sens għad-dilettanti nfushom. F’dan il-baġit, qed noħolqu fond ta’ 80,000 ewro li bih se niffinanzjaw l-istadju inizjali tal-proġett. Fis-snin li ġejjin, se nkunu qed nallokaw il-fondi meħtieġa biex dan il-proġett jitwettaq”.
Fond għall-programmi kulturali fuq stazzjonijiet televiżivi
“Il-promozzjoni tal-Kultura fil-mezzi tax-xandir huwa mod kif insaħħu aktar l-potenzjal ta’ parteċipazzjoni kulturali. Għalhekk ser jinħoloq programm ġdid ta’ finanzjament biex stazzjonijiet televiżivi fil-mezzi tax-xandir isaħħu l-programmi kulturali tagħhom”.
Kontribuzzjoni Artistika tal-Proġetti FAR
“Se jitwaqqaf Fond Artistiku biex jinvesti f’artisti Maltin”.
Mużew tal-Kostumi
“Hekk kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali, il-Gvern se jkun qed jaħdem sabiex jippromwovi u jappoġġa t-talent lokali fil-qasam tal-arti tal-moda. Fil-fatt, il-Gvern se jkun qed jaħdem sabiex jiġi mwaqqaf l-ewwel spazju iddedikat lil din l-industrija li jkun jiġbor fih mużew fuq l-iżvilupp storiku tal-ilbies Malti mill-epoka tal-Kavallieri sal-lum, u li joffri wkoll spazji minn fejn jipproduċu u jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom id-disinjaturi li joperaw f’Malta. Dan il-proġett għaldaqstant se jservi ta’ investiment f’din l-industrija sabiex tilħaq il-potenzjal kreattiv u ekonomiku tagħha filwaqt li jiġi pprovdut spazju protett għal wirt storiku tessili li għandna”.
Is-Suq tal-Belt
“Wara li kmieni din is-sena l-Gvern kien ħareġ sejħa ta’ interess għall-iżvilupp tar-riġenerazzjoni tas-Suq l-Antik fi Triq Merkanti, bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta għas-sena 2018 meta l-Belt Valletta se jkollha t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, kienu daħlu ’l fuq minn 20 proposta konkreta. L-għażla finali għandha titħabbar fi ftit ġimgħat.
Ix-xogħol fuq is-Suq l-Antik huwa mistenni li jibda s-sena d-dieħla u jitlesta qabel l-2018”.
KUNSILLI LOKALI
Vot16
Il-Ministru Scicluna qal li l-inizjattiva Vot16 huwa pass storiku. “Il-Gvern qed jibgħat messaġġ ċar li se jkompli jbiddel dan il-pajjiż. Huwa pjaċir kbir tagħna li tajna bidu għal dan il-proċess ta’ bidla f’dan il-pajjiż, jiġifieri dak li żgħażagħ ta’ 16–il sena għall-ewwel darba issa għandhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru s-sena d-dieħla. B’hekk, Malta qed tmur fuq quddiem bħala wieħed mill-aktar pajjiżi progressivi fl-Ewropa”.
Iffinanzjar tal-Attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali
“Bit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex, irnexxielna nwasslu messaġġ ċar ta’ kif il-governanza għandha tinqasam bil-għan li jkollna aktar kontabilità u servizz aktar viċin iċ-ċittadin. Aħna konvinti li l-Kunsilli Lokali qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jorganizzaw attivitajiet lokali fejn qegħdin jippromwovu l-istorja, il-kultura u l-ekonomija lokali. Bħala Gvern qegħdin naħdmu sabiex insibu metodi ġodda ta’ kif nistgħu insaħħu l-għajnuna finanzjarja lill-Kunsilli Lokali li qegħdin jorganizzaw dawn l-attivitajiet. Is-servizzi bħat-toroq, id-dawl tat-toroq, l-iskart, l-infurzar u oħrajn huma servizzi komunitarji. Għalkemm dawn is-servizzi għadhom imħaddma u ffinanzjati mill-Gvern Ċentrali, għaddejjin diskussjonijiet biex insibu mezz kif dawn ir-responsabilitajiet jinqasmu bejn il-Kunsilli, ir-Reġjuni u l-Gvern Ċentrali”.
Lat ambjentali fix-xogħol tal-Gwardjani Lokali
“Wara l-konsultazzjoni li saret din is-sena, se nkomplu nimxu ’l quddiem biex nirriformaw is-sistema tal-Gvern Reġjonali u l-gwardjani lokali bil-għan li ndaħħlu element ċiviku u edukattiv fix-xogħol importanti li tista’ ġġib din is-sistema. Ma naqblux mal-prinċipji li fuqha twaqqfet is-sistema taħt il-Gvern preċedenti fejn il-gwardjani jiġu motivati biss b’miri li jridu jilħquhom billi joħorġu kemm jistgħu f’multi. Ir-riforma, kif maħsuba, għandha ġġib magħha fost l-oħrajn titjib fis-servizzi provduti, dixxiplina kif ukoll programmi ta’ taħriġ għall-gwardjani. Waqt li din is-sistema nnifisha ser tkun kredibbli u sostenibbli ħa tagħti wkoll importanza lill-element ċiviku u edukattiv u lill-ambjent”.
Fond Ġdid għall-Kunsilli Lokali u Pjan għall-elezzjonijiet lokali
“Il-Gvern jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kunsilli Lokali. Il-Gvern jirrikonoxxi wkoll li l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw il-mezzi sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirhom u jimplimentaw proġetti ta’ fejda għal-lokalità tagħhom. Bi pjaċir inħabbar li se jitwaqqaf fond ġdid bl-għan speċifiku li jgħin lill-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti kapitali fil-lokalità tagħhom. Inħabbar ukoll li f’dan il-fond se jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji li kienu se jintefqu fir-rawnd tal-elezzjonijiet lokali li kienu se jsiru fl-2017. B’hekk se jkunu l-Kunsilli Lokali stess li se jibbenefikaw mill-flus mhux minfuqa wara r-rijallinjament tal-elezzjonijiet lokali. Dan iżda mhux biżżejjed. Fl-istess waqt, il-Gvern jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandhom il-Kunsilli fil-qasam tal-Kultura u għalhekk, matul is-sena li ġejja, se jiġi varat fond ġdid, imtejjeb u li jagħmel sens fid-dinja kulturali tal-lum, għall-iffinanzjar ta’ proġetti kulturali organizzati mill-Kunsilli Lokali”.
ĠUSTIZZJA U INTERN
Inizjattivi fil-Qasam tal-Intern
Bħalissa l-Ministru tal-Finanzi qed jitkellem dwar il-qasam tal-intern f’wieħed mill-itwal qari ta’ budgets fis-snin riċenti...
Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-proġetti tal-microwave link u tal-bini tal-kwartieri marittimi l-ġodda tal-Forzi Armati Maltin għandhom jitlestew u li se jinxtara t-tielet helikopter għall-Armata. Se jinbeda x-xogħol fuq il-fire station ta’ Santa Venera u se jitħejjew il-pjanti biex isiru kwartieri ġodda tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll Akkademja għall-istess dipartiment. Se jinxtraw aktar vetturi għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Hemm il-ħsieb ukoll illi jinbdew it-tħejjijiet għall-iżvilupp ta’ reception centre ġdid għall-immigranti.Is-sena d-dieħla għandu, ukoll, jinbeda x-xogħol fuq it-tkabbir tal-faċilità korrettiva għaż-żgħażagħ fl-Imtaħleb.
Is-Central Visa Unit (CVU) se tiġi trasferita għall-binja tal-Evans biex b’hekk jissaħħaħ aktar il-kunċett tal-one-stop shop bil-passaporti, reġistru pubbliku, ċittadinanza u s-CVU, li kollha jagħmlu parti mill-Aġenzija Identity Malta, taħt saqaf wieħed.
Riforma fl-Organizzazzjoni tal-Korp tal-Pulizija
“Matul is-sena d-dieħla l-Korp tal-Pulizija se jkompli jissaħħaħ permezz ta’ riorganizzazzjoni interna tal-Korp. Se jinħatar Kap Eżekuttiv għall-Korp li jkun jirrapporta lill-Kummissarju. L-għan hu li tiddaħħal struttura amministrattiva soda li tkun immexxija minn persuni ffukati biss fuq dan il-qasam. Qiegħed isir studju dwar il-possibilità li titwaqqaf Prosecutions Unit fi ħdan il-Korp. Il-bini tal-Akkademja tal-Pulizija issa tlesta. Il-ħsieb tal-Gvern huwa li l-Akkademja tieħu l-forma ta’ Kulleġġ b’ċertifikati akkreditati”.
Ir-riforma tas-Sistema Ġudizzjarja
“Is-sena 2015 se tkun waħda eċċitanti għall-qasam tal-ġustizzja fejn wara li se nkomplu nagħtu drittijiet ġodda kemm lill-persuni arrestati u kemm lill-vittmi fil-kamp penali, se nibdew indaħħlu r-riformi fil-qasam ċivili”.
Riforma tal-Liġi tal-Istampa (Libell)
“Il-Gvern diġà implimenta programm ambizzjuż ħafna mil-lat leġiżlattiv fejn ġew ittrattati għadd ta’ riformi li ilhom is-snin jitpoġġew taħt it-tapit. Is-sena d-dieħla l-Gvern se jitfa’ fuq quddiem riforma fil-qasam tal-liġi tal-istampa biex niggarantixxu l-libertà tal-espressjoni waqt li nassiguraw li l-liġijiet ikunu jagħmlu sens fiż-żminijiet tal-lum”.
Aġenzija Assistenza Legali
“Il-Gvern huwa impenjat li jtejjeb is-servizz tal-Għajnuna Legali fil-Qrati għal min hu fil-bżonn. Fl-istess waqt, ridna nassiguraw li tinbidel is-sistema li biha l-avukat li jiddefendi lill-akkużat jew imputat f’każ ta’ għoti ta’ Avukat tal-Għajnuna Legali jitħallas minn fondi tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li f’pajjiżna hu wkoll il-Prosekutur Pubbliku. Iktar kmieni din is-sena waqqafna agenzija ġdida li se tirregola dan is-settur u l-Gvern hu konvint li dan se jwassal għal titjib tas-sistema preżenti”.
Riforma fil-Liġi tad-Drogi
“Matul dan is-Sajf, il-Gvern nieda proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni dwar riforma fil-liġi tad-drogi. Il-konsultazzjoni tat risposta ċara u skjetta: li lill-vittmi tad-droga rridu nagħtuhom il-kura u l-għajnuna biex joħorġu mill-vizzju u mhux nagħlqulhom il-bieb f’wiċċhom. Fl-istess nifs il-Gvern beħsiebu jkompli jħarrax il-ġlieda kontra t-traffikanti puri tad-droga bi twaqqif ta’ Asset Management Bureau li b’mod effettiv iwassal għall-konfiska tal-assi li jkunu ġejjin mill-flus maħmuġin tal-kriminalità”.
PPP għal Asset Management Bureau
“Waħda mill-miżuri suġġeriti fir-Rapport Finali dwar ir-Riforma Ħolistika tal-Ġustizzja tirrakkomanda l-iffriżar tal-assi kollha tal-persuna akkużata jew misjuba ħatja ta’ reat kriminali serju. Sabiex isir dan, il-Gvern qiegħed jevalwa diversi sistemi eżistenti f’pajjiżi oħra. Sabiex dan l-Asset Management Bureau ikollu ċerta saħħa u awtonomija, il-Gvern qiegħed jikkunsidra li l-istruttura preżenti tiġi trasformata f’waħda li tkun imħaddma bejn il-Gvern u l-privat u dan sabiex il-proċeduri eżistenti jkunu aktar effettivi u effiċjenti”.
Malta bħala Ċentru ta’ Arbitraġġ Internazzjonali
“Bis-saħħa ta’ żvilupp f’diversi setturi, qed inkomplu naraw influss ta’ interess, investiment kif ukoll kummerċ barrani ġewwa Malta. Dan l-iżvilupp għandu jwassal ukoll għal żvilupp fil-proċeduri ta’ riżoluzzjonijiet ta’ tilwim li jistgħu jinħolqu fit-transazzjonijiet kummerċjali internazzjonali. L-għan tagħna huwa illi naħdmu sabiex Malta ssib ruħha fuq quddiem flimkien ma’ pajjiżi oħra f’dan il-qasam tant imfittex min-negozji u entitajiet internazzjonali. Għalhekk se naħdmu sabiex nagħmlu minn Malta ċentru ta’ arbitraġġ internazzjonali”.
GĦAWDEX
Għawdex: Ninvestu f’Infrastruttura u fin-Nies
Il-Ministru Scicluna bħalissa qed jitkellem dwar il-gżira t’Għawdex. Qal “Dan huwa Gvern li jrid ikattar l-investiment f’Għawdex. Din is-sena diversi inizjattivi komplew jiġu mbuttati ’l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investiment. Ġie ffirmat ftehim mal-kumpanija internazzjonali RS2, liema ftehim se jsarraf sabiex l-istess kumpanija tinvesti miljun ewro u eventwalment toħloq sa mitt impjieg ġdid ġewwa Għawdex fis-snin li ġejjin. Dan huwa l-ewwel investiment barrani dirett f’Għawdex fi kwart ta’ seklu. Dan minbarra li b’mod konxju l-Gvern ġibed lejn Għawdex wieħed mill-akbar blockbusters ta’ Hollywood li se jservi ta’ riklam u vetrina imprezzabbli għal din il-gżira”.
Hub Mediku f’Għawdex
“Qed naħdmu sabiex niżviluppaw lil Għawdex f’ċentru internazzjonali fir-reġjun tal-Mediterran u l-Ewropa ta’ Isfel għal servizzi mediċi u ta’ edukazzjoni u taħriġ mediku tal-ogħla kwalità. Il-Gozo Medical and Healthcare Hub se jfisser li Għawdex se jgawdi mill-benefiċċji tat-turiżmu mediku, mill-infiq ta’ studenti, professuri, klijenti baranin u l-qraba tagħhom. Jibbenefika wkoll mill-investiment dirett barrani li dan il-proġett jinvolvi. L-Għawdxin se jibbenefikaw ukoll għaliex permezz ta’ dan il-proġett se jiġi upgraded l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. In-negozjati ma’ Barts School of Medicine and Dentistry, parti mill-Queen Mary University of London qegħdin f’fażi avvanzata ħafna. Il-Hub se jikkonsisti fi cluster li jikkomprendi wkoll investiment barrani fl-oqsma tar-rijabilitazzjoni u trattament mediku speċjalizzat”.
Studji biex ikun hemm airstrip f’Għawdex
“Dan il-Gvern huwa intenzjonat li jagħti spinta wkoll lill-aċċessibbilità fiżika ta’ Għawdex. L-ewwel u qabel kollox, billi jiftaħ toroq ġodda lejn Għawdex, din id-darba bl-ajru. Qed isiru studji relattivi għall-proġett ta’ rural/green airfield f’Għawdex. Dan se jkun proġett li jagħmel lil Għawdex mhux biss eqreb lejn Malta imma wkoll eqreb lejn il-kumplament tar-Reġjun Mediterranju. Dalwaqt tinbeda konsultazzjoni pubblika għal dan il-għan”.
Rapporti finali tal-pont jew mina bejn Għawdex u Malta
“Minkejja li ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet differenti waħda fl-2012 u l-oħra fl-2014, ninsabu infurmati li ma ġewx approvati fondi Ewropej sabiex isir il-feasibility study għall-fixed permanent link bejn Malta u Għawdex. Dan l-istudju huwa stmat li jiswa madwar 3.5 sa 4 miljun ewro Sadanittant, il-kumpanija tal-Gvern Ċiniż li wriet interess attiv biex tistudja l-possibiltà ta’ pont offriet ukoll li tistudja l-possibilità ta’ mina. Fil-fatt, tlesta l-feasibility study rigward il-possibbilità ta’ pont bejn Malta u Għawdex. Kif jitlesta l-feasibility study dwar il-mina, jiġu ppubblikati l-istudji kollha biex il-pajjiż ikun infurmat biżżejjed dwar il-fattibilità taż-żewg proġetti u tkun tista’ tittieħed id-deċiżjoni dwar it-triq ’il quddiem. Dan minbarra li se jkun hemm bżonn studji akbar dwar l-impatt ambjentali”.
Cruise Liners f’Għawdex
“Din l-aċċessibbilità fiżika nixtiequ wkoll insaħħuha mil-lat marittimu. Hawn qed naħdmu fuq żewġ binarji. Il-baga ġdida li biħsiebna npoġġu ’l barra mix-Xlendi se tagħti lok ġdid fejn cruise liners jistgħu jitrakkaw biex jiżbarkaw turisti ta’ kwalità fil-gżira Għawdxija. Ta’ min isemmi li din il-baga kienet impoġġija ħażin mill-Gvern preċedenti u għal ftit ma kinitx kaġun ta’ diżgrazzja fl-unika okkażjoni li ntużat. Dan ix-xogħol ħażin se jiġi jiswa lill-poplu Malti ’l fuq minn miljun u nofs ewro. Il-proċess għal cruise liner terminal kif ukoll għal marina f’Għawdex miexi issa li ġie fi tmiemu l-proċess ta’ Request for Proposals għall-kostruzzjoni tagħhom. Il-pass li jmiss hu li jiġu studjati bir-reqqa l-fattibbilità tal-proġett hekk kif propost mill-konsorzju li ssottometta l-pjani u l-istudji tekniċi”.
Programmi għall-impjiegi f’Għawdex
“Għawdex għandu l-bżonnijiet partikulari tiegħu. Għalhekk se noħorġu miżuri oħra għall-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex, kif ġej. Se noħorġu skema li tinkoraġġixxi ż-żieda u ż-żamma ta’ impjiegi full-time fl-industrija tat-turiżmu. Kull operatur li jdaħħal u jżomm impjegati ġodda full-time u/jew jaqleb impjegati tiegħu minn part-time għal full-time, se jgawdi minn rifużjoni parzjali fil-ħlas tal-bolla. Din ir-rifużjoni se tammonta għas-somma ta’ elf ewro għal kull impjegat addizzjonali full-time. L-industrija tat-turiżmu lkoll nafu li għandha l-istaġjonalità tagħha. Għalhekk matul ix-xhur bejn Novembru u Marzu se jiġi offrut taħriġ ta’ jumejn fil-ġimgħa lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur. Min iħaddem se jirċievi l-ħlas ta’ 30 ewro għal kull ġurnata. Irridu li s-servizz li noffru lit-turisti li jżuruna jkun tal-ogħla kwalità. Għaldaqstant, se nagħtu għotja ta’ 100 ewro fix-xahar lil min iħaddem għal kull student tal-ITS li se jiġi impjegat. Din l-inizjattiva tgħin sabiex aktar studenti jagħmlu l-qalb jaħdmu f’dan is-settur filwaqt li min iħaddem isib biżżejjed ħaddiema mħarrġa”.
Implimentazzjoni tal-istudju li sar fuq fibre optic link ma’ Għawdex
“Wara li jiġi ffinalizzat l-istudju dwar feasibility teknika u finanzjarja rigward l-implimentazzjoni ta’ submarine fibre optic cable ieħor bejn Malta u Għawdex, se nkomplu x-xogħol sabiex inwaqqfu Digital Hub f’Għawdex li għandu jippermetti lil Għawdex ikun aktar attraenti sabiex jikseb investiment minn kumpaniji fis-settur diġitali”.
Twaqqif ta’ SME Park f’Għawdex
“Iż-Żona Industrijali tax-Xewkija se tespandi billi jinħoloq spazju għal SME Park. Ġew identifikati xi siti li jistgħu jservu għal dan il-għan. Ta’ min jgħid ukoll li sa tmiem din is-sena, il-MEUSAC se jkun fetaħ mill-ġdid uffiċċju rappreżentattiv tiegħu f’Għawdex bil-għan li jservi ta’ punt tal-ewwel kuntatt ma’ individwi, intrapriżi, NGOs u Kunsilli Lokali f’Għawdex”.
Niżviluppaw is-sit fejn kien hemm MDP f’Għawdex
“Qed jitħejjew il-preparamenti kollha meħtieġa biex is-sit li qabel kien tal-MDP fix-Xewkija jiġi żviluppat biex ikun attirat investiment u jkomplu jinħolqu impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex. Permezz tat-tieni cable tal-broadband bejn Malta u Għawdex insaħħu l-aċċess diġitali f’Għawdex u nżidu l-attrazzjoni ta’ Għawdex għall-investiment fl-ICT u oqsma relatati. L-eks-MDP se tiġi żviluppata biex tkun tista’ takkomoda intrapriżi innovattivi u kreattivi li jgħinu biex l-ekonomija Għawdxija tgħaddi għal fażi aktar avvanzata”.
Eko-Għawdex
“Apparti minn hekk, permezz tas-Sezzjoni ta’ Eko-Għawdex, ħdimna biex dan il-kunċett ma jibqax biss fuq karta. Qed insebbħu l-gżira Għawdxija u nistinkaw biex nagħtu spinta fil-konservazzjoni tal-ilma tax-xita. Wieħed ma jistax ma jinnotax ix-xogħol estensiv li sar ġewwa l-Wied ta’ Marsalforn, liema xogħol se jiġi kkumplimentat fis-snin li ġejjin minn proġetti oħra li se jiġu varati mill-istess Eko-Għawdex”.
Xogħol Infrastrutturali
“Iċ-ċifri dwar l-industrija tat-turiżmu ġewwa Għawdex matul is-sena li għaddiet ikomplu jikkonfermaw is-suċċess tal-isforzi tal-Gvern sabiex ikompli jtejjeb il-prodott turistiku ġewwa Għawdex. Se nkomplu nistinkaw ukoll sabiex inniedu l-masterplans ta’ Marsalforn u x-Xlendi. Se nagħtu nifs ġdid lil diversi pjazez ġewwa Għawdex, fosthom dawk f’Għajnsielem, fix-Xagħra u anke fix-Xewkija. Proġett ieħor li sibna fi stat ta’ abbandun wara l-amministrazzjoni preċedenti kien il-proġett ta’ tisbiħ li qed isir fiċ-Ċittadella. Dan il-ġojjell fiċ-ċentru ta’ gżiritna qegħdin nagħtuh l-attenzjoni xierqa u x-xogħol bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel ħafna, mhux biss ħalli nirbħu lura l-ħin estensiv li ntilef taħt l-amministrazzjoni preċedenti, imma wkoll sabiex, sa nofs is-sena 2015 naraw dan il-post ġojjell lura fis-sbuħija kollha tiegħu. Se nagħtu dimensjoni ġdida lill-Ġustizzja f’Għawdex. Għaddejjin preżentament b’konsultazzjoni pubblika għal fini li naraw varat il-proġett tal-Qorti l-ġdida li se titwaqqaf f’Għawdex. Binja ġdida state-of-the-art li se tissostitwixxi l-bini medjevali li hemm fiċ-Ċittadella u tagħti lill-poplu Għawdxi post xieraq u denju fejn jiġu aġġudikati tant materji delikati”.
Dar tal-Anzjani f’Għawdex
“Ix-xogħol fuq id-dar tal-anzjani kompla għaddej. Issa li ħarġu l-permessi kollha mill-MEPA, se jsiru t-tħejjijiet sabiex id-dar titwaqqaf u titħaddem bl-aħjar mod. Din ir-residenza se tagħti dinjità lill-anzjani Għawdxin billi toffrilhom post adattat għall-età tagħhom, u anke tippermetti li koppji anzjani jibqgħu jgħixu flimkien u mhux jiġu separati f’dik l-età tant delikata. Din id-dar ta’ 70 kamra se tkun attrezzata b’mod li tagħti lill-anzjani serħan u kura tajba f’dan l-istadju tal-ħajja tagħhom”.
LOKALITAJIET
Il-Flyover tal-Kappara u Toroq residenzjali
Il-Ministru Scicluna qal li nvestiment importanti huwa dak li se jsir fil-junction tal-Kappara. “Tajjeb jingħad ukoll li dan il-proġett se jinkludi wkoll investiment ta’ tliet miljun ewro biex jiġu mtejba diversi toroq fil-madwar. Għal dan il-għan il-Gvern qed jinvesti s-somma ta’ 11-il miljun ewro”.
Pont f’Ħal Qormi
“Saru l-preparazzjonijiet kollha għall-bini ta’ pont f’Ħal Qormi. Din issir permezz ta’ mudell PPP fejn il-privat ikun mistieden jidħol bi sħab mal-Gvern fl-investiment neċessarju tal-bini tal-pont u fl-istess ħin igawdi mill-potenzjal ta’ riklamar li l-istruttura se tkun tippermetti. Ninsabu kommessi li dan il-proġett isir għal ġid tar-residenti”.
Proġetti oħra
“Tfasslu diversi proġetti li mistennija jinbdew fl-2015, fosthom ir-rapid launch facility tal-AFM f’Xatt it-Tiben Furjana u r-restawr tal-ġnien tal-Argotti fil-Furjana. Qabel is-sajf, ħaddiema mid-Dipartiment wettqu xogħol estensiv marbut mal-manutenzjoni ta’ promenades f’diversi lokalitajiet turistiċi”.
Proġetti fil-Belt Valletta
“Il-Gvern irid li fl-2015 jinagħlaq il-proġett ta’ Bieb il-Belt u l-Parlament il-Ġdid. Imponejna multi fuq il-kuntratturi għaliex dawn ma żammewx mal-ftehim li kien hemm. B’hekk tajna sinjal importanti. Apparti dan, il-Gvern, se jagħmel tibdil fl-użu ta’ numru ta’ swali u kmamar fil-Palazz tal-President sabiex dan jintuża għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea”.
Proġett għat-Taffija tal-Għargħar
“Il-Proġett Nazzjonali għall-Proġett għat-Tafja tal-Għargħar (NFRP) huwa wieħed sostanzjali. Dan il-proġett wasal biex jitlesta. Minkejja li wħud mix-xogħlijiet f’dan il-proġett joħolqu inkonvenjent għat-traffiku, dawn huma bżonjużi biex mhux kull darba li tagħmel ħalba xita sew jegħrqu ħafna postijiet”.
Proġetti ta’ Rijabilitazzjoni
“Se jinbeda xogħol ta’ restawr fuq it-Torri ta’ Wignacourt ħdejn is-Sarrija u fuq il-Funtana ta’ Wignacourt li hemm ġewwa l-ġnien ta’ San Filippu. Ġewwa l-Belt Valletta sar xogħol ta’ pavimentar ta’ Triq l-Ordinanza, restawr fuq numru ta’ monumenti tal-bronż u huwa ppjanat li jsir xogħol fi Triq Mikiel Anton Vassalli, Triq it-Teżorerija u Strada Stretta fl-2015. Barra dan, qed jitfassal pjan komprensiv bl-għan li jkun hemm riġenerazzjoni u rijabilitazzjoni ta’ Strada Stretta”.
PPP fuq Tisbiħ u Manutenzjoni tat-Toroq
“Projects Malta qed taħdem ukoll fuq Road Public Private Partnership biex jisbieħ l-ambjent urban f’pajjiżna. Fost il-miri ta’ dan il-proġett, hemm tisbiħ tat-toroq bil-għan li mhux biss isir titjib estetiku iżda wkoll titjib b’rabta ma’ ndafa. Dan jista’ jkun wieħed mill-aktar proġetti eċċitanti li jipproteġi u joħloq postijiet tax-xogħol filwaqt li jsebbaħ lil pajjiżna”.
Insostnu n-Nofsinhar ta’ Malta
“Għal tant snin, in-Nofsinhar jew is-South tal-pajjiż kien mitluq għal rasu b’ħafna proġetti li jniġġżu. Dan il-baġit se jkun il-bidu ta’ storja ġdida għan-Nofsinhar fejn il-familji u n-negozji tas-South fl-aħħar se jibdew jieħdu dak li ħaqqhom bit-twaqqif tal-Kumitat Konsultattiv għan-Nofsinhar”.
PPP għal-Lukanda f’Bighi
“Għaddej xogħol sabiex Villa Bighi fil-Kalkara tinbidel f’Ċentru Nazzjonali tax-Xjenza Interattiva. Dan iċ-Ċentru se jkun jismu “Esplora” u l-proġett huwa stmat li se jiswa madwar 26 miljun ewro u se jkun parti ffinanzjat minn fondi mill-Unjoni Ewropeja u parti oħra minn fondi nazzjonali. Hu maħsub li flimkien mal-privat, il-Gvern jiżviluppa l-akwati ta’ Bighi f’ċentru turistiku ewlieni fil-Mediterran. Fost affarijiet oħra, dan il-proġett iwassal għal qabża fil-kwalità fin-naħat ta’ Isfel ta’ Malta”.
PPP għal Health Centre f’Bormla
“Se nużaw iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla għal proġett innovattiv ta’ sħubija mal-privat. Se nidħlu f’diskussjonijiet mall-istakeholders kollha biex naqblu fuq proġett pilota li għandu jagħti servizz tas-saħħa tal-aqwa kwalità lin-nies tal-Kottonera. Dan kollu filwaqt li jiġi assigurat li s-servizz tas-saħħa jibqa’ b’xejn”.
Triq is-Sajjieda, Marsa
“Ikun hemm drabi meta familji jaħsbu li ħadd ma huwa qed jismagħhom. Dan huwa l-każ tal-familji ta’ Triq is-Sajjieda fil-Marsa. Matul is-sena d-dieħla, se joħroġ tender biex tiġi installata sistema sabiex tgħin biex issolvi l-problema ta’ ilmijiet u drenaġġ”.
Ċentru tas-Saħħa fl-inħawi taż-Żurrieq u Qrendi
“Il-Gvern jixtieq ikompli bl-impenn tiegħu lejn is-settur ta’ kura primarja għaliex jagħraf li t-tabib tal-familja huwa waħda miċ-ċwievet tas-sostenibbiltà fil-qasam tas-saħħa. Beħsiebna wkoll ninvestu fl-immodernizzar taċ-ċentri eżistenti – kif sar fiċ-ċentru tar-Rabat – kif ukoll jinvesti f’ċentru li jista’ jaqdi l-bżonn tal-komunitajiet li jgħixu fl-akwati taż-Żurrieq u Qrendi. Hemm il-ħsieb li jinbnew faċilitajiet ġodda li se jwasslu kura speċjalizzata fil-komunità, inkluża kura ta’ rijabilitazzjoni – ’il barra mill-ambjent tal-isptar”.
Implimentazzjoni ta’ Smart City
“Wegħda oħra mwettqa hija dik tal-Innovation Hub li twaqqaf ġewwa Smart City fejn il-Gvern qiegħed ikompli juri wkoll l-impenn tiegħu favur is-suċċess ta’ dan il-proġett. Ma nistax ma nsemmix is-suċċess li kellna din is-sena fi Smart City, suċċess li se nkomplu nibnu fuqu hekk kif ikompli jiġi żviluppat dan il-proġett fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan il-Gvern rnexxielu jattira ammont sostanzjali ta’ kumpaniji lejn Smart City biex minn Belt fantażma llum insibu li 85 fil-mija tal-ispazju huwa okkupat”.
Faċilitajiet f’Birżebbuġa
“Ix-xogħol fuq il-pixxina f’Birżebbuġa jinsab fi stadju avvanzat. Fl-istess lokalità, inbeda x-xogħol fuq il-bini ta’ grawnd b’turf artifiċjali”.
Breakwater f’Marsaxlokk
“Għaddejjin bl-istudji sabiex isir il-breakwater f’Marsaxlokk biex jipproteġi lis-sajjieda”.
Kumpless Komunitarju f’Pace Grasso
“Sabiex il-Gvern ikompli mal-wegħda tiegħu, hu ppjanat illi fin-Naħa ta’ Isfel ta’ Malta jitwettaq proġett li jaqdi l-ħtiġijiet tal-inħawi, kif imwiegħed ukoll fil-Manifest Elettorali, u dan sabiex il-komunità jkollha l-faċilitajiet li jixirqilha. Għal dan il-għan, hemm il-ħsieb illi ix-Shreiber Ground, magħruf bħala Pace Grasso, jinbidel f’kumpless b’għanijiet diversi”.
Proġett Wied Blandun
“Il-Gvern huwa konxju u japprezza l-importanza ambjentali ta’ Wied Blandun għan-Naħa ta’ Isfel ta’ Malta. Imma aħna konxji wkoll mill-problemi ambjentali li għandu dan il-wied, frott ta’ deċiżjonijiet tal-passat. Aħna biħsiebna naraw x’jista’ jsir sabiex nirrijabilitaw dan il-wied għat-tgawdija tal-poplu tagħna. Għalhekk, il-Gvern se jibda billi janalizza sewwa il-qagħda fiżika u ambjentali ta’ dan il-wied, permezz ta’ studju li għalih qegħdin nipprovdu l-flus fil-baġit, sabiex wara nieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex nirrijabilitaw il-wied”.
L-AMBJENT
Wasteserv
Meta tkellem dwar il-Wasteserv il-Ministru Scicluna qal li matul din is-sena tkompla wkoll il-proċess ta’ ristrutturar tal-WasteServ fejn ġew indirizzati l-livelli differenti tal-kumpanija; kemm fil-livell tal-management kif ukoll fl-operat. “Fost l-oħrajn, wieħed jista’ jsemmi t-twaqqif ta’ uffiċċju għall-awditjar intern u l-inizjattivi li ttieħdu sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-amministrazzjoni u t-trasparenza fil-procurement. Il-proġetti li mistennija jitlestew is-sena d-dieħla jinkludu l-Mechanical Biological Treatment Plant tal-Għallis u l-Waste Transfer Station f’Għawdex. Se tiġi sottomessa wkoll applikazzjoni u se jinbeda x-xogħol preliminari sabiex tiġi rijabilitata l-miżbla l-antika ta’ Wied Fulija”.
Green public procurement
“Qed titkompla wkoll il-ħidma fil-qasam tal-green public procurement bil-għan li, fl-amministrazzjoni pubblika, il-prodotti u s-servizzi li jinxtraw ikunu ta’ standard ambjentali ogħla. Bħala parti minn din il-ħidma, qed tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-green public procurement u s-sena d-dieħla mistenni jitħabbar it-tieni pjan nazzjonali”.
Parks u Afforestazzjoni
“Għas-sena d-dieħla, il-Gvern huwa impenjat li, minbarra li jitkompla l-proċess sabiex issir kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti faċilitajiet, jissokta wkoll ix-xogħol ta’ tisbiħ u anke biex jiżdiedu il-faċilitajiet sanitarji”.
Park tas-Salina
“Se jiġu offruti servizzi ġodda ġewwa l-Park tas-Salina fejn se jitwaħħal apparat ġdid fejn jilagħbu t-tfal. Barra minn hekk, se titkabbar l-parti magħrufa bħala Kennedy Grove. Dan se jsir għall-familji tagħna kif wkoll bħala parti mill-kumpens ambjentali mwiegħed mill-Gvern innifsu wara li tneħħew xi siġar meta twessgħet it-triq fl-inħawi fuq pjanta li saret mill-Gvern preċedenti u li fuqha kien hemm commitment ta’ fondi Ewropej”.
Żoni Ħodor ta’ Rikrejazzjoni
“Se jiġu studjati sistemi kif żoni mitluqa jiġu trasformati f’żoni żgħar ta’ rikrejazzjoni. Il-Gvern se jinkoraġġixxi t-tħawwil ta’ siġar u pjanti biex iservu ta’ pulmun ambjentali f’dawn il-postijiet apposta u li għandhom iservu bħala green belt għaż-żoni mibnija. Fejn huwa possibbli, dan se jsir bis-sehem tal-privat wara li jkun hemm konsultazzjoni pubblika”.
Talba għall-Proposti dwar ġbir ta’ skart tal-plastik
“Kulħadd jiftakar kif meta għas-soft drinks kienu jintużaw il-fliexken tal-ħġieġ minflok tal-plastik, kulħadd kien jieħu l-fliexken lura u kien hawn inqas skart ta’ dan it-tip. Minħabba regoli Ewropej, ma nistgħux mmorru lura għal dik is-sistema. Nistgħu iżda nagħmlu bħal pajjiżi oħra Ewropej li joffru skemi u inċentivi biex il-konsumaturi jieħdu magħhom fliexken u materjal ieħor tal-plastik f’postijiet bħal supermarkets u pompi tal-petrol, jiddepożitawhom hemm u jieħdu ħlas lura”.
Proġett Pilota għall-immaniġjar tal-iskart bit-tielet borża
“Miżuri u proposti ġodda oħrajn li qed jiġu diskussi jinkludu t-tnedija tat-tielet borża għall-iskart organiku u l-ġbir tal-iskart riċiklabbli minn stabbilimenti kummerċjali”.
Tibdil fil-Klima
“Matul l-2015 huwa mistenni li l-Parlament japprova il-liġi dwar tibdil fil-klima li sar xogħol estensiv fuqha matul l-2014. L-istess jista’ jingħad dwar il-liġi dwar il-ħsejjes. Titlesta wkoll l-istrateġija dwar il-green jobs li waslet fi stadju avvanzat”.
Tħaddir tal-komunitajiet
“Se jitkompla l-Proġett Pilota favur it-tħaddir tal-komunitajiet li tnieda b’suċċess din is-sena billi se jiġu identifikati numru ta’ siti għal dan il-għan” qal Scicluna.
Għotja fuq Xiri ta’ Vetturi li Jagħmlu Inqas Ħsara lill-Ambjent
Il-Ministru Scicluna għadu kif ħabbar li se jerġgħu joħorġu l-iskema għall-iskrappjar tal-vetturi qodma u li jħammġu.
“Din l-iskema se jkollha disponibbli l-ammont ta’ 500,000 ewro. Għandhom igawdu mill-iskema 600 persuna li se jkunu jistgħu jibbenefikaw bejn 700 ewro u 900 ewro meta jiskrappjaw il-karozza tagħhom u jixtru waħda ġdida. Din l-iskema se tapplika mill-1 ta' Diċembru ta’ din is-sena”.
Għotja fuq xiri ta’ roti u roti tal-elettriku (pedelec bicycles)
“Mezz ieħor ta’ trasport huwa l-użu ta’ roti u ta’ roti mekkanizzati bil-mutur, magħrufa aħjar bħala pedelec bicycles. Għaldaqstant, is-sena d-dieħla l-Gvern ser ikun qiegħed joħroġ skema fejn tingħata għotja ta’ 15.25 fil-mija tal-prezz fuq roti u roti tal-elettriku”.
PPP għal trasport Marittimu ghall-Belt Valletta
Projects Malta qiegħda tistudja l-possibbiltà u l-fattibiltà ta’ trasport bil-baħar fil-portijet abbinat mal-Belt Valletta. Dan il-proġett, flimkien mat-trasport bil-baħar diġà eżistenti, ikompli jżid id-destinazzjonijiet li jkunu jistgħu jintlaħqu mill-baħar.
Sistema ġdida tat-Trasport Pubbliku
Bhlissa l-Ministru qed jitkellem fuq it-Trasport pubbliku fejn qal li fil-bidu tas-sena d-dieħla, operatur ġdid se jieħu f’idejh is-servizz tat-trasport pubbliku.
“Qed naħdmu sabiex ikollna servizz ta’ trasport pubbliku li jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Maltin. Ir-rotot se jiżdiedu u s-servizz għandu jkun aħjar. Għal dan il-għan li s-sena d-dieħla se ninvestu 23 miljun ewro bħala Public Service Obligation lill-operatur biex jopera dan is-servizz pubbliku u bżonjuż. Irridu li s-servizz pubbliku jkun għażla naturali għal dawk il-ħafna li t-traġitt ta’ kuljum tagħhom jippermettilhom jagħmlu din l-għażla. Konxji li mhux faċli iżda se naħdmu biex naslu. Nistgħu nħabbru wkoll li l-prezz tan-noll mhux se jogħla iżda se jibqa’ l-istess” qal Scicluna.
IT-TRASPORT
Skonti ulterjuri fuq l-ivjaġġar bit-Trasport Pubbliku
“Matul is-sena d-dieħla, l-Gvern se jsaħħaħ l-inizjattivi tiegħu sabiex aktar nies jużaw it-trasport pubbliku minflok il-karozza privata tagħhom. Nifhmu li l-investiment li qed nagħmlu fis-servizz tat-trasport pubbliku, jirrikjedi kampanja mhux biss ta’ għarfien aktar wiesa’ tas-sistema, iżda inċentivi diretti sabiex aktar nies jitħajru jibdew jużaw it-trasport pubbliku bħala l-għażla preferuta tagħhom”.
Immaniġġjar tat-Traffiku bil-kameras
“Se ninvestu wkoll f’sistema msejħa Intelligent Traffic Management System li permezz tagħha se jibda jsir immaniġġjar tat-traffiku b’mod real-time. It-teknoloġija se tippermetti li permezz ta’ kameras imwaħħlin f’postijiet strateġiċi u permezz ta’ messaġġi li jintbagħtu fuq screens impoġġija apposta, is-sewwieqa se jkunu ggwidati aħjar minn fejn għandhom jevitaw konġestjonijiet ta’ traffiku”.
Car pooling
Permezz ta’ inizjattiva PPP bejn Transport Malta u grupp ta’ żgħażagħ, se jkun hemm sit elettroniku ġdid u Mowbajl App li tħajjar u tinċentiva car pooling u car sharing. L-idea hija li permezz ta’ din l-għodda elettronika tinħoloq database sigura ta’ xufiera u commuters li jagħżlu li jagħmlu użu mill-istess karozza sempliċiment billi jidentifikaw lil xulxin bħala persuni li għandhom l-istess destinazzjoni u l-istess traġitt”.
Inċentiv għall-użu tat-trasport tal-iskejjel
“Il-fatt li ħafna ġenituri jwasslu huma lil uliedhom l-iskola jikkontribwixxi sewwa għall-problema reali tat-traffiku. Il-Gvern irid jinċentiva l-użu tat-trasport tal-iskola. Bħalissa t-trasport tal-iskejjel tal-Gvern huwa b’xejn. Il-ġenituri ta’ tfal li jattendu skejjel privati u tal-Knisja se jkunu eliġibbli għal tnaqqis mit-taxxa billi parti mill-ispejjeż tat-trasport, sa massimu ta’ 150 ewro, jiġi mnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħhom jekk jużaw it-trasport tal-iskola”.
Policy fuq il-Parking
“Il-Gvern bħalissa qiegħed iħejji policy ġdida dwar inizjattivi ta’ parking madwar il-pajjiż. L-objettivi ta’ din il-policy huma msejsa fuq il-bżonn li nifhmu li t-toroq tagħna huma asset ta’ kulħadd u mhuma monopolju ta’ ħadd. Se jitnieda dokument għal konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders u l-pubbliku ġenerali sabiex verament ikollna Parking Policy serja u li tgħinna nindirizzaw il-problema tal-parkeġġ f’pajjiżna”.
PPP biex jinbena Parkeġġ fil-Birgu u Bormla
“Proġett ieħor huwa l-binja ta’ parkeġġ ta’ madwar 370 karozza ġewwa Santa Margherita f’Bormla. Dan huwa proġett bi sħab mal-privat ibbażat fuq konċessjoni tal-art għal żmien twil. Barra minn hekk, il-parkeġġ jinvolvi faċilitajiet sportivi u kummerċjali. Għal dan il-proġett, daħlu żewġ proposti li issa se jiġu evalwati.”
IS-SAĦĦA
Listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet
Il-Ministru għadu għaddej bil-qari tal-baġit fejn bħalissa qed jitkellem fuq il-qasam tas-saħħa.
“Bdejna naħdmu fuq pjan biex nindirizzaw l-esiġenzi f'dan is-settur billi qegħdin inżidu n-numru ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei. Daħħalna protocols u sistemi li jtejbu l-effiċjenza. Qegħdin naħdmu mas-settur privat biex jgħinna negħlbu l-isfidi ta’ popolazzjoni anzjana” qal il-Ministru.
Mediċini out of stock
Qal li “Il-problema ta’ mediċini out of stock bdejna nindirizzawha bis-serjetà billi ninvestu bis-sħiħ biex insibu soluzzjoni. Ir-riżultati issa qed jidhru u jinħassu. Illum il-mediċina out of stock niżlet minn 130 għal ħamsa. Fil-POYC kellna żieda ta’ 43,000 persuna reġistrata biex issa hemm total ta’ 128,000 li huma intitolati għall-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek”.
Emerġenza
“Ix-xogħol b’rabta mat-tibdil li kien beda jsir fl-emerġenza kellu jnaqqas ir-ritmu meta rriżulta li kien hemm kolonni b’konkrit ta’ kwalità ferm inferjuri fl-istruttura. Din hija kwistjoni serja ħafna fejn trid tintrefa responsabilità. Dawwarna din l-isfida f’opportunità u biex issa għaddejja l-ħidma biex jinbnew tliet sulari ġodda biswit il-bini ta’ Mater Dei biex b’hekk in-numru ta’ sodod fl-isptar se jiżdied” qal il-Ministru.
Strateġiji
Kompla “Qegħdin f’diskussjonijiet mal-imsieħba involuti dwar kif nistgħu ninċentivaw lil individwi li jixtru polza ta assikurazzjoni tas-saħħa. Qed jiġi żviluppat qafas ta’ Health System Performance Assessment li jiġbor fih numru ta’ indikaturi li bejniethom jagħtu stampa pjuttost komprensiva tas-sistema tas-saħħa”.
Prevenzjoni
Qal ukoll li “Apparti mill-istrateġiji msemmija qabel, tajjeb wieħed jisħaq dwar l-investiment u l-impenn li sar sabiex Malta tkun ippreparata għall-eventwalità li xi persuna marida bil-marda qerrieda tal-Ebola tasal Malta”.
Kura primarja
“Il-Gvern jixtieq ikompli bl-impenn tiegħu lejn is-settur ta’ kura primarja għaliex jagħraf li t-tabib tal-familja huwa waħda miċ-ċwievet tas-sostennibbiltà fil-qasam tas-saħħa. Il-Gvern beħsiebu jibqa’ jinvesti fl-immodernizzar taċ-ċentri eżistenti – kif sar fiċ-ċentru tar-Rabat . Apparti minn dan, il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ sabiex b’konsultazzjoni jwitti t-triq lil tobba tal-familja li jixtiequ jingħaqdu bħala sħab biex jistabbilixxu klinika jew servizz bejniethom” qal Scicluna.
L-Isptar tal-Onkoloġija
“Għaddej ix-xogħol fuq iċ-Ċentru għall-Onkoloġija fejn fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew jidħlu l-ewwel outpatients f’dan l-isptar. Ix-xogħol kollu mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin. Nixtieq inħabbar li ċ-Ċentru se jingħata l-isem ta’ Ċentru għall-Onkoloġija Sir Anthony Mamo ad unur l-ewwel President tar-Repubblika fl-40 sena ta’ Malta Repubblika” qal il-Ministru tal-Finanzi.
Aktar miżuri
“Il-Gvern se jinvesti wkoll fondi għal aktar tagħmir u servizzi kif iggwidat mill-esperti lokali f’oqsma diversi tal-mediċina. Se nkomplu nipprovdu s-servizz tal-IVF fil-qasam tas-saħħa pubbliku fejn issa għandu twelid tal-ewwel trabi. Se nibdew ukoll nevalwaw il-possibiltà li nintroduċu assistenza lil dawk il-persuni transgender li jridu jagħmlu intervent kirurġiku”.
Medical Plus
Semma li l-Gvern waqqaf il-kumpanija Medical Plus li se tidħol f’arranġamenti ta’ PPP ma’ Speċjalisti fl-Isptar Mater Dei. “Apparti li jiżdiedu n-numru ta’ operazzjonijiet fil-ġurnata tax-xogħol, jitwettqu wkoll l-operazzjonijiet fi tmiem il-ġimgħa. L-għan hu li l-lista ta’ stennija titnaqqas b’mod drastiku u fl-iqsar perjodu possibbli” qal Scicluna.
PPP fuq xogħol fl-Isptar San Luqa
“Il-Gvern qiegħed ifassal master plan għaż-żona tal-Isptar San Luqa. Meta dan il-proċess jitlesta, il-Gvern se joħroġ sejħa għal interess biex dan is-sit, li l-maġġorparti tiegħu tħalla mitluq, jiġi żviluppat b’mod li jkun ta’ benefiċċju għall-esiġenzi tal-poplu Malti u Għawdxi, fosthom f’oqsma relatati mas-saħħa” qal il-Ministru.
ENERĠIJA U ILMA
“Il-Gvern żamm il-wegħda elettorali tiegħu li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji Maltin u Għawdxin. Dan sar f’Marzu ta’ din is-sena fejn il-familji qed igawdu minn roħs medju ta’ 25 fil-mija fuq il-kontijiet tad-dawl u 5 fil-mija fuq il-kontijiet tal-ilma. Dan fisser 30 miljun ewro aktar fil-bwiet tal-familji tagħna u tkabbir ekonomiku” qal il-Ministru Scicluna.
“Din is-sena lill-familji se nkomplu nagħtuhom dan it-traħħis li jfisser 30 miljun ewro aktar f’buthom”.
Roħs għan-negozji
“F’Marzu li ġej, dan l-istess roħs se jkun ukoll estiż għas-settur kummerċjali. Ir-roħs se jkun ta’ 25 fil-mija għall-elettriku u ta’ 5 fil-mija għall-ilma għan-negozji kollha. Dan ir-roħs se jkun f’kull band tat-tariffi mhux residenzjali. Dan huwa pass importanti biex insaħħu f’pajjiżna s-settur tal-manifattura, nassiguraw li jkollna settur tat-turiżmu aktar kompetittiv u negozji żgħar u medji aktar b’saħħithom”.
Energy Audit u Solar Farm Policy
“Se nfasslu pjan sabiex l-intrapriżi f’pajjiżna jagħmlu energy audits li b’implimentazzjoni kkordinata tajba jirriżultaw f’benefiċċji kbar ambjentali, finanzjarji u soċjali. F’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar qed tiġi mfassla solar farm policy biex tirregola installazzjonijiet imdaqqsa ta’ pannelli solari biex dawn ma jħallux impatt negattiv fuq l-ambjent tal-madwar”.
Enerġija Rinovabbli
“Il-Gvern qed jieħu ħsieb ukoll biex ikompli jinċentiva l-użu ta’ enerġija rinovabbli, kemm permezz ta’ skemi ta’ grants kif ukoll permezz ta’ feed-in tariffs li jkunu attraenti iżda fl-istess ħin sostenibbli u li jagħmlu sens, mhux kif sar minn amministrazzjoni preċedenti fil-każ tal-kuntratt tal-panelli fotovoltajiċi fuq il-bjut ta’ binjiet pubbliċi fejn 35 miljun ewro fi ħlas ta’ feed-in-tariff kienu sejrin għall-benefiċċju ta’ kumpanija waħda b’mod dubjuż. Il-Gvern issa qed jinvesti dawn il-flus għall-benefiċċju tal-poplu kollu u n-negozji”.
Żvilupp tal-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Ilma
“Qiegħed jiġi żviluppat Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Ilma b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha interessati f’dan il-qasam. Il-ħsieb hu li dan il-pjan jitlesta u jiġi adottat mill-Gvern is-sena d-dieħla”.
Enemalta
“Saret ukoll ħidma kbira biex kif wegħedna, l-Enemalta, minn kumpanija għarkubbtejha, tqum fuq saqajha. Ħloqna l-Enemalta PLC, li permezz tagħha twieldet Enemalta ġdida u moderna f’dan il-Parlament. Minn ġol-Enemalta, qtajna l-assi kbar, l-artijiet, l-operat u l-ħaddiema tal-Petroleum, li timporta l-Petrol, diesel, petroleum u fjuwil tal-ajruplani. Din hija diviżjoni li taqla’ miljuni kbar ta’ ewro li issa ġiet trasferita f’kumpanija ġdida bl-isem ta’ Enemed. Taħt il-Gvern ta’ qabel, din id-diviżjoni kellha quddiemha futur inċert u għal dawn l-aħħar snin tħalliet imdendla tistenna proċess ta’ privatizzazzjoni li f’sitt snin ma wasal qatt”.
Salvajna l-Ħaddiema tal-Enemalta
“Ħloqna il-kumpanija Engineering Resources Ltd, li magħha ngħaqdu l-ħaddiema kollha tal-Enemalta bil-kundizzjonijiet kollha li kienu jgawdu skont il-ftehim kollettiv tagħhom.
B’hekk, żgurajna li dawn jibqgħu fuq il-kotba tal-Gvern, hekk kif talbu l-ħaddiema stess permezz tal-unions tagħhom”.
Investiment b’valur ta’ €320 miljun
“Matul din is-sena kellna diskussjonijiet u xogħlijiet intensivi li se jwasslu għall-akbar investiment barrani fl-istorja ta’ pajjiżna. Il-Kumpanija Shanghai Electric Power li hija Parti mill-Grupp taċ-China Power Invest, kumpanija tal-Fortune 500 se tinvesti 320 miljun ewro f’pajjiżna. B’rabta ma’ dan, il-Gvern se jħabbar aktar affarijiet fil-ġimgħat li ġejjin”.
Distribuzzjoni
“L-Enemalta qed timplimenta pjan biex il-provvista tal-elettriku u d-distribuzzjoni, tkompli ssir aktar sostenibbli u sikura. L-investiment mill-Kumpanija Shanghai Electric Power se jkun qed jgħin biex l-investiment meħtieġ isir”.
Interconnector
“Din is-sena ingħatat rankatura tajba fuq ix-xogħol fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija li mistenni jibda jopera fil-bidu tal-2015 wara li kien waqa’ lura taħt il-Gvern preċedenti. Dan il-proġett flimkien mal-qlib għall-gass tal-impjant tal-BWSC permezz tal-investiment Ċiniż u l-power station il-ġdida mill-ElectroGas Malta li se tkun qed taħdem bil-gass, se jkun qed joffrilna aktar security of supply u alternattiva ta’ xiri ta’ elettriku mis-suq Ewropew”.
Studju dwar Pipeline
“Għaddej l-istudju dwar il-vijabilità illi Malta jkollha pipeline sabiex tkun tista’ tixtri il-gass naturali mis-swieq tal-kontinent Ewropew. Dan l-istudju mistenni jkun lest fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2015. Il-proċess sabiex Malta jkollha pipeline tal-gass hu wieħed twil u jirrekjedi numru sostanzjali ta’ studji speċifiċi u diskussjonijiet intensivi mal-entitajiet kollha konċernati.
Customer Service Charter tal-Enemalta
“Diġà wrejna l-impenn favur il-konsumatur meta wara qtugħ tad-dawl inaċċettabbli fit-tul, għall-ewwel darba fl-istorja tajna kumpens lill-familja milquta”.
White Paper fuq is-Sistema tal-Infurzar
Il-Ministru Edward Scicluna qal li llum għandna sitwazzjoni fejn il-funzjonijiet tal-infurzar huma mxerrda bejn bosta awtoritajiet. In-negozji jkollhom spezzjonijiet mill-MEPA, MTA, ETC, OHSA u bosta oħra.
“Irridu naraw jekk jagħmilx sens li dawn il-funzjonijiet jiġux ikkonsolidati, kollha jew uħud minnhom, f’entità waħda. Għal dan il-għan, il-Gvern se joħroġ White Paper biex, filwaqt li jissalvagwardja l-impjiegi, jara kif jista’ jnaqqas kemm jista’ jkun il-burokrazija” qal Scicluna.
Dipartiment tal-Artijiet u r-Reġistru tal-Artijiet
“Biex innaqqsu l-ammont ta’ ħin li wieħed ikollu jistenna għal deċiżjoni, id-Dipartiment tal-Artijiet se jniedi inizjattiva li permezz tagħha l-pubbliku jkun jista’ jordna pjanti onlajn u mbagħad jintbagħtulu bil-posta biex b’hekk iċ-ċittadin ikun jista’ jinqeda mill-kumdità ta’ daru”.
Skema ta’ Regolarizzazzjoni ta’ proprjetajiet
Minħabba li l-iskema ta’ regolarizzazzjoni ta’ proprjetajiet fil-Qawra u San Pawl il-Baħar ma kinitx toffri soluzzjoni għall-proprjetà li jintużaw bħala villeġġjaturi, ħwienet, garaxxijiet, u kull tip ta’ użu ieħor, qiegħed jiġi kkunsidrat illi l-iskema preċedenti tiġi estiża, sabiex tkopri wkoll dawn it-tipi ta’ proprjetà li tħallew barra mill-iskema tal-amministrazzjoni preċedenti.
Agrikultura
Il-Ministru bhlissa qed jitkellem fuq il-qasam agrikolu fejn qal li matul l-2015, se jitwettaq xogħol sabiex wara perjodu ta’ analiżi dwar l-istat tal-agrikoltura f’pajjiżna, titfassal għall-ewwel darba l-Politika Agrikola Nazzjonali. Dan bil-għan li toffri gwida dwar il-viżjoni, il-prinċipji u l-objettivi f’dan il-qasam tant importanti għall-ekonomija, l-ambjent u s-soċjetà. Sadanittant, il-Gvern se jkompli bil-ħidma biex jippromwovi l-prodotti Maltin ta’ kwalità permezz tad-dħul fis-seħħ tal-qafas u l-marka ta’ kwalità nazzjonali, li dwarha tħejjiet liġi din is-sena.
Riforma fil-Pitkalija
Scicluna qal li matul din is-sena bdiet titwettaq ir-riforma tal-Pitkalija fejn qed jiġu introdotti sistemi ġodda ta’ amministrazzjoni u operat bil-għan li jżidu l-effiċjenza u jkunu mħarsa d-drittijiet tal-bdiewa, il-pitkala, ix-xerrejja u l-konsumatur. Fost l-oħrajn, tnieda Proġett Pilota li qed isir mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa. Permezz ta’ fondi Ewropej u anke dawk nazzjonali, qed jinxtraw is-sistemi u l-makkinarju meħtieġ u, l-proġett huwa ppjanat li jitwettaq fl-2015.
Investiment fil-Biċċerija Pubblika
Qal li bħala parti minn programm ħolistiku li għandu l-mira li, fuq medda ta’ snin, ibiddel il-Biċċerija f’vetrina tal-kwalità tal-prodott Malti, tkompla l-programm estensiv ta’ ristrutturar u r-rinnovament fil-Biċċerija Pubblika. Fit-twettiq ta’ dan il-programm, li se jkompli matul is-sena d-dieħla, qed jiġi assigurat li sakemm isir ix-xogħol, il-produzzjoni fil-Biċċerija ma tiġix affettwata.
Drittijiet tal-Annimali
Il-Ministru Scicluna qal li għas-sena d-dieħla, il-Gvern huwa impenjat li jkompli bl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jsaħħu d-drittijiet tal-Annimali kif imħabbra fil-programm tal-Gvern, inkluż il-ftuħ ta’ ċimiterju tal-annimali, it-tnedija ta’ fond nazzjonali għall-ħarsien tal-annimali u t-tibdil u l-installazzjoni ta’ xelters ġodda għaż-żwiemel tal-karozzini.
Is-Sajd
Meta tkellem dwar is-settur tas-Sajd, Scicluna qal li permezz ta’ fondi Ewropej se tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura f’diversi portijiet u l-Gvern qed jaħseb ukoll biex ikompli bl-iskema ta’ kumpens għas-sajjieda milquta mill-istaġun magħluq.
Fond Ewropew għas-Sajd
Qal ukoll li se jitkompla x-xogħol sabiex il-fondi mill-Programm 2007-2013 jkunu kollha utilizzati bl-aħjar mod sa Diċembru 2015. Fost dawn hemm il-ftuħ ta’ pixkerija ġdida, kampanja ta’ promozzjoni fuq il-konsum tal-ħut kif ukoll diversi proġetti ta’ infrastruttura li se jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tas-sajjieda tagħna. Fost l-oħrajn, għaddejjin bl-istudji sabiex isir il-breakwater f’Marsaxlokk biex jipproteġi lis-sajjieda.
Impjant fejn jiġi pproċessat il-ħut
Il-Gvern qiegħed fil-proċess li jalloka b’konċessjoni lill-privat is-sular ta’ fuq tal-pixkerija l-ġdida fil-Marsa qal il-Ministru Scicluna. Spjega li l-proċess huwa wieħed kompetittiv fejn proponenti mis-settur privat setgħu jipparteċipaw permezz ta’ Espressjoni ta’ Interess li saret b’dan l-iskop. Dawk il-proponenti illi wrew interess issa ġew mistiedna biex jissottomettu proposti tekniċi u finanzjarji dettaljati bil-għan illi jkun magħżul proponent illi jiżviluppa u jopera impjant għall-ipproċessar tal-ħut. Dan l-impjant ser iżid il-kapaċità ta’ Malta illi toffri prodotti mnissla mill-ħut b’valur miżjud u tagħti żbokk ġdid għal qabdiet tal-ħut mis-sajd lokali.
Mafqas tal-Ħut (Marine Hatchery)
Scicluna qal ukoll li apparti minn hekk, il-Gvern qiegħed jikkunsidra biex is-sena d-dieħla joħroġ sejħa għall-proposta pubblika għad-disinn, kostruzzjoni u operazzjoni ta’ Marine Hatchery, mafqas tal-ħut, li fih ikun jista’ jseħħ spawning tat-tunnaġġ (Blue-Fin Tuna) u faċilitajiet għar-riċerka AkwaKulturali.
Sukuk u Islamic Banking
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li wara diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tas-settur bankarju u finanzjarju, kemm dawk lokali kif ukoll barrani, qed jinħass li hemm lok għall-attività finanzjarja ġdida, dak li jissejjaħ “Islamic Banking”. “Matul is-sena d-dieħla, se ndaħħlu t-tibdil leġiżlattiv neċessarju ħalli dan il-qasam jibda jiġi żviluppat u nattiraw lejn pajjiżna dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin u barranin li joperaw f’dan is-settur”.
Trade Malta
“Projects Malta flimkien mal-Malta Enterprise u mal-Ministeru tal-Ekonomija se twaqqaf il-kumpanija Trade Malta Ltd. L-għan ta’ din il-joint venture bejn il-Gvern, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, hu li jkun hemm sforz kollettiv biex intrapriżi Maltin ikunu jistgħu jisfruttaw aktar is-swieq internazzjonali.”
Ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet
“Sabiex tiżdied il-kompetittività u s-servizz lill-konsumaturi rridu neżaminaw u nirrevedu fejn hemm bżonn prattiċi li ilhom jeżistu. Fost dawn hemm ir-regolamenti dwar il-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Is-suġġerimenti miġbura ġew irreveduti u evalwati. Il-Gvern hu kommess li sas-sena d-dieħla jiġi ppreżentat abbozz ta’ liġi li jikseb bilanċ bejn konvenjenza u drittijiet tal-ħaddiema” qal Scicluna.
Il-Monti tal-Belt
“Il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ sabiex jiġi rilokat is-Suq tal-Belt u sabiex jassigura li dawn jaħdmu f’ambjent xieraq. Se jkun hemm 74 stall li diġà bdew jinħadmu u huwa mistenni li sal-aħħar ta’ Diċembru jkunu tlestew 50% tagħhom”.
Skema għall-ħwienet fil-Belt
“Il-Gvern preżenti bi ħsiebu li jniedi Skema oħra għall-ħwienet tal-Belt, aktar ġusta u b’kundizzjonijiet aktar favorevoli. Hu maħsub, li permezz ta’ din l-iskema, il-ħwienet kollha li huma proprjetà tal-Gvern li hemm fil-Belt Valletta, jingħataw l-opportunità li japplikaw għal titolu ta’ ċens u mhux dak ta’ kirja. B’hekk, il-kerrejja ta’ dawn il-ħwienet ikunu jistgħu jinvestu aktar u jkollhom aktar ċertezza fit-titolu tagħhom”.
Politika fuq il-Loġistika u Twaqqif ta’ Żoni ta’ Suq Ħieles
“Irridu nkabbru l-kapaċità tagħna għad-dħul u l-ħruġ ta’ merkanzija u persuni, sew bl-ajru u sew bil-baħar. Irridu wkoll intejbu l-effiċjenza tagħna f'dan il-qasam sabiex neliminaw il-burokrazija u l-monopolji, u b’hekk innaqqsu l-ispiża għall-intrapriżi. Irridu niffaċilitaw il-moviment intern tal-merkanzija, speċjalment bejn il-portijiet u ż-żoni industrijali, speċjalment billi naddottaw proċeduri li permezz tagħhom, filwaqt li l-imprenditur jerfa’ aktar responsabbiltà, id-Dwana taddotta proċeduri eħfef megħjuna mit-teknoloġija moderna” qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Hub Marittimu
“Ninsabu fl-aħħar fażi biex jiġi aġġudikat il-Hub Marittimu fis-sit tal-eks-Shipbuilding. Ninsabu konvinti li dan ser ikun il-bidu ta’ żvilupp strateġiku importanti li għandu jiftaħ opportunitajiet ġodda għal pajjiżna filwaqt li jagħmel użu produttiv minn riżorsa ewlenija fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna.”
Ċittadinanza b’Investiment
“Il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment huwa suċċess kif bassarna s-sena li għaddiet. Minkejja t-tfixkil, dak tagħna llum huwa l-uniku programm approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-prova tas-suċċess ma tidhirx biss mill-kwalità għolja ta’ persuni li qed jiġu attirati iżda wkoll mill-fatt li pajjiżi oħra qed jikkupjawna”.
Skema biex inħajru pensjonanti barranin sabiex jiġu jgħixu Malta
“Il-Gvern se jniedi Programm tal-Pensjonijiet tal-Ġnus Magħquda. Din hija inizjattiva biex tkompli tiġbed investiment u t-talent lejn Malta. Dan il-programm huwa intiż sabiex iħajjar lejn Malta persuni li jkunu qed jirtiraw mix-xogħol minn mal-Ġnus Magħquda. Il-programm iqegħedna fuq quddiemnett f’dan is-settur, flimkien ma’ pajjiżi oħra bħall-Iżvizzera, il-Belġju, il-Kanada, il-Portugall, ir-Renju Unit, u Singapore, biex niġbdu persuni tal-ogħla kwalità. Il-programm iħajjar lejn Malta individwi li qed jixtru l-proprjetà immobbli” qal Scicluna.
Regolarizzazzjoni tas-settur tal-Estate Agents / Property Malta
“Qed naħdmu biex insaħħu l-fiduċja fis-suq tal-proprjetà kemm lokali u kif ukoll internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin ser jippreżenta White Paper sabiex issir konsultazzjoni wiesgħa dwar kif l-ekonomija ta’ pajjiżna tista’ tissaħħaħ permezz tat-tkabbir fis-suq tal-proprjetà”.
PPP biex jinbena breakwater bejn il-Belt Valletta u tas-Sliema breakwater
“Projects Malta qiegħda tħares lejn il-possibbilità li flimkien mal-privat, jinbena breakwater bejn il-Belt Valletta u Tas-Sliema jew inkella wieħed iżgħar aktar ’il ġewwa. Fost affarijiet oħra, dan il-proġett jiffaċilita l-iżvilupp ta’ yacht marinas u faċilitajiet oħra li jwasslu għal qabża fil-kwalità fl-inħawi ta’ Tas-Sliema”.
Implimentazzjoni tal-Marina ta’ Sa Maison
“Transport Malta ħarġet tender sabiex tkun ipprivatizzata l-yacht marina f’Sa Maison bil-għan li jkun attirat investiment ġdid f’dan il-qasam. Ġew attirati 5 bids minn konsorzji magħmula minn investituri lokali u barranin. Bħalissa għaddejja l-evalwazzjoni tat-tender sabiex ikun konkluż il-proċess. Din il-yacht marina mistennija żżid madwar 250 berth ġdid”.
Yachting Malta
“Projects Malta bdiet ħidma sabiex tingħaqad mas-settur privat biex jissaħħaħ is-settur sportiv tal-ibburdjar. Yachting Malta mistennija tattira lejn Malta attivitajiet internazzjonali li jġibu lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità bi gwadann ekonomiku għall-pajjiż” qal il-Ministru Scicluna.
Inċentivi għall-Industrija tal-Films
L-industrija tal-films għandha rwol ċentrali fl-ekonomija kreattiva. Din is-sena, l-industrija Maltija tal-films se tirreġistra żieda ta’ madwar ħames mija fil-mija (500%).
“Biex inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess, is-sena d-dieħla l-Kummissjoni tal-Films se tinvesti aktar f'kampanja internazzjonali sabiex nattiraw aktar films lejn il-pajjiż. Fl-istess ħin, se inkomplu ninvestu fir-riżorsi umani, permezz ta’ taħriġ għal persuni li diġà jaħdmu jew jixtiequ jibdew jaħdmu fl-industrija tal-films. Ser nagħmlu dan billi nintroduċu inċentivi ġodda u korsijiet speċjalizzati għal film makers lokali, għaliex nifhmu l-importanza li nrawmu lill-film makers lokali biex nibdew naraw iktar films Maltin professjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, ser ninċentivaw ukoll l-investiment fl-infrastruttura tal-films, b'mod partikolari sound stages, li hawn nuqqas tagħhom hawn Malta. Il-viżjoni tagħna hija li nibnu industrija tal-films b'saħħitha li kontinwament tiġġenera xogħol ġdid għall-Maltin u l-Għawdxin” qal il-Ministru Scicluna.
Mediterranean Film Studios
“Wieħed mill-akbar assi fl-industrija taċ-ċinematografija Maltija hija l-faċilità tar-Rinella. Minbarra li għandha l-akbar żewġ tankijiet ta’ profondità differenti fl-Ewropa, dawn huma wkoll meqjusa fost l-aqwa f'dak li hu difużjoni mal-linja tal-orizzont tal-baħar Mediterranju. Din il-faċilità qiegħda wkoll mibnija f'post strateġiku u għall-ilqugħ mill-maltemp. Il-pass li jmiss huwa li ssir sejħa għall-imsieħba strateġiċi internazzjonali interessati li jipproponu mudelli ta’ tmexxija ta’ din il-faċilità, flimkien ma’ investiment fir-riżorsi eżistenti, kif ukoll il-bżonn ta’ oħrajn ġodda bħal sound stages. Mhux eskluż li dan l-investiment jieħu l-forma ta’ PPP” qal il-Ministru.
Gaming Malta
Il-Gvern se jkompli joħloq l-ambjent meħtieġ sabiex l-industrija tal-igaming, li bħalissa qed tħaddem mal-kważi disat elef persuna, tkompli tikber. L-entità regolatarja li llum hija l-LGA tinbidel f’Malta Gaming Authority.
Studju fuq konnessjoni tal-fiber optic cable ma’ pajjiżi oħra
Is-sena d-dieħla l-MCA hija mistennija li tiffinalizza analiżi dwar il-fattibilità teknika, ekonomika u finanzjarja ta’ submarine cable ġdid bejn Malta u postijiet alternattivi oħra fil-kontinent Ewropew bil-għan li titjieb l-adattabbilità u l-kwalità tal-konnettività tat-telekomunikazzjoni internazzjonali attwali.
Noħorġu talba għall-proposti dwar Spazji Satellitari
“Se noħorġu sejħa pubblika għall-proposti biex żewġ spazji fl-orbita allokati lil Malta mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, l-ITU, jiġu sfruttati kummerċjalment. B’hekk għall-ewwel darba, Malta qed tfittex sħab strateġiċi li jisfruttaw dawn l-assi spazjali permezz ta’ attivitajiet kummerċjali li minnhom jistgħu jibbenefikaw il-gżejjer Maltin u jqiegħdu lil Malta fuq il-mappa satellitari globali” qal Scicluna.
Wifi state
Bħalissa, l-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni, l-MCA, qed tħaddem mal-191 hotspot ta’ internet b’xejn. Il-mira tagħna hija li dawn il-postijiet jitilgħu b’sittin fil-mija sas-sena 2016. Biex nagħmlu hekk, l-MCA ħarġet sejħa ta’ interess biex kumpaniji interessati jitfgħu l-offerta tagħhom għal dan il-għan. Permezz ta’ din is-sejħa għall-offerti, l-MCA se tkun f’pożizzjoni li topera tliet mitt hotspot li jfisser kważi erba’ postijiet b’xejn tal-internet f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex. B’hekk inkunu qed inwettqu wegħda oħra.
Turiżmu
Ikompli l-qari tal-baġit 2015. “It-turiżmu kien wieħed mis-suċċessi l-kbar li ksibna matul din is-sena fejn jidher li se jirnexxilna nżidu fuq in-numri tas-sena l-oħra. Iż-żieda fit-turisti nħasset fl-ekonomija u fil-bwiet tal-familji għaliex mit-turiżmu jiekol kulħadd. Mhux qed nistrieħu biss fuq in-numri iżda qed naraw li nżidu l-kwalità u nferrxu aktar matul is-sena” qal il-Ministru Scicluna.
Air Malta
“Sena ilu, l-Air Malta rrapportat li t-telf tagħha għas-sena finanzjarja li tagħlaq Marzu 2013, kien tnaqqas għal wieħed u tletin (€31) miljun ewro fl-2013. Għas-sena finanzjarja li tagħlaq f’Marzu 2014 morna għall-aħjar, għaliex l-Air Malta naqqset it-telf tagħha minn 31 miljun ewro għal 16-il miljun ewro. B’ħidma sħiħa mal-Bord tad-Diretturi u kif ukoll mal-impjegati, il-kumpanija inkoraġġiet numru ta’ cost cutting initiatives li ġew minn kull livell”.
PPPs għal Tkabbir u Aċċessibbilità ta’ Bajjiet
“Ħa ndaħħlu l-kunċett ta’ Private Public Partnership, jew PPP, fix-xogħlijiet, fl-oqsma kostali, rurali u urbani permezz ta’ numru ta’ programmi u inizjattivi li jinkludu, tkabbir ta’ bajjiet bir-ramel u aċċessibbilità aħjar fuq xtut tal-blat. L-ewwel postijiet identifikati għal dan il-għan huma dik magħrufa Taħt iż-Żiemel fil-Belt, wara r-Reverse Osmosis f’Pembroke, qrib l-Akwarju ta’ Fra Ben fil-Qawra, fost l-oħrajn”.
Norganizzaw il-bajjiet ta’ Kemmuna
“Din is-sena tajna bidu għal riorganizzazzjoni tal-bajjiet f'Kemmuna, partikolarment dik ta' Blue Lagoon. Ma jistax ikun li wieħed mill-isbaħ postijiet ta’ pajjiżna kien tħalla jispiċċa f’anarkija. Is-sena d-dieħla se nżidu din l-organizzazzjoni” qal Scicluna.
Inċentiv sabiex il-Cruise Liners jibqgħu Malta matul il-lejl
“Se ndaħħlu programm li permezz tiegħu l-cruise liners li jibqgħu Malta matul il-lejl se jkunu jistgħu jiftħu l-casino tagħhom għall-passiġġieri f’ċertu ħinijiet. Se titħallas liċenzja għal dan il-għan. Sabiex nippromwovu aktar lil Għawdex, cruise liners li jagħżlu li jżuru Malta u Għawdex se jiġu eżentati mill-ħlas relatat”.
Rifużjoni tal-VAT għat-Turisti
“Fil-qasam tat-turiżmu li ġej minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, bosta pajjiżi għandhom sistemi diversi ta’ kif wieħed jingħata rifużjoni tal-VAT qabel ma jħalli l-pajjiż. Hemm indikazzjonijiet, li f’dawk il-pajjiżi li jħaddnu sistemi bħal dawn, jiġi ġġenerat aktar bejgħ lil din il-faxxa ta’ turisti. Matul is-sena li ġejja se nkunu qed nintroduċu sistemi simili f’Malta”.
Conventions Malta
“Il-Gvern kontinwament ifittex niċeċ u oqsma differenti li jkunu jistgħu jattiraw turisti fix-shoulder months. Se titwaqqaf fondazzjoni li tippromwovi, toħloq u tinkoraġġixxi konvenzjonijiet u kungressi biex jinżammu f’pajjiżna, il-Conventions Malta. L-operat ta’ din il-fondazzjoni se jkun qiegħed joħloq makkinarju li kollettivament jgħin fil-ħidma tad-Destination Management Companies (DMC), biex ikunu aktar proattivi, influwenti u kompetittivi fi swieq ta’ dan is-settur u saħansitra jiġu simplifikati elementi loġistiċi relatati” qal Scicluna.
Inkomplu ninvestu f’iktar skejjel moderni
Is-sena d-dieħla ser jibda l-ippjanar u x-xogħol fuq żewġ skejjel ġodda ġewwa Ħad-Dingli u Ħal Kirkop. Dan qed isir bi spiża ta’ madwar tnejn u għoxrin miljun ewro fuq sentejn. Mhux se ninsew iżda l-iskejjel eżistenti. Is-sena d-dieħla, il-Gvern ser ikompli bil-programm ta’manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex bi spiża ta’ miljun u nofs ewro.
White Paper dwar il-ħinijiet tal-Ftuħ tal-Iskejjel
Il-Gvern se jniedi l-proċess ta’ konsultazzjoni permezz ta’ White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel. “B’hekk se nisimgħu l-fehmiet ta’ kulħadd dwar jekk l-iskejjel għandhomx jibqgħu kollha bl-istess ħinijiet tal-ftuħ. Ovvjament hemm vantaġġi u żvantaġġi u rridu niżnu sewwa s-sitwazzjoni u l-fehmiet tal-għalliema, ġenituri u studenti” qal il-Ministru.
Childcare Centres
Projects Malta, kumpanija li fforma l-Gvern riċentament u li se nitkellem dwarha iktar tard, bdiet taħditiet mal-Fondazzjoni tal-Iskejjel t’Għada (FTS) biex jiġu identifikati siti biex flimkien mas-settur privat, jinbena Childcare Centre f’post ċentrali f’Malta. Dan il-proġett jikkumplimenta l-inizjattiva li tħabbret fil-baġit tas-sena l-oħra ta’ Childcare Centres b’xejn għal dawk it-tfal bil-ġenituri jaħdmu t-tnejn kif ukoll għas-single parents.
Suġġetti Akkademiċi Ġodda
Qed jitħaddem Proġett Pilota dwar ħames suġġetti akkademiċi bi programmi lokali li se jkunu parti mill-eżamijiet tas-Secondary Education Certification (SEC). Minn Settembru li għadda, fis-Sekondarja reġa’ ddaħħal l-Accounting wara 21 sena. Qed jitħaddem ukoll Proġett Pilota dwar l-Ethics Education f’erbat iskejjel, tnejn primarji u tnejn sekondarji, għal studenti li ma jattendux lezzjonijiet tar-Reliġjon Kattolika. Barra minn hekk, fil-Form 1, is-suġġetti ta’ Design and Technology, Home Economics, Arti u Mużika qed jingħataw lill-istudenti kollha. Fis-Sekondarja, il-lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika żdiedu minn 2 għal 3 lezzjonijiet fil-ġimgħa.
Suġġetti Vokazzjonali Ġodda
Sas-sena skolastika li għaddiet f’numru ta’ skejjel sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti kien qed jitħaddem Proġett Pilota dwar is-suġġetti vokazzjonali tal-Hospitality, Social Care, Engineering u IT. Dawn kienu jiġu mgħallma lill-istudenti tal-Form 3, 4 u 5. Minn din is-sena żdied is-suġġett tal-Agribusiness fl-Iskola Sekondarja tas-Subien tal-Mosta.
Ir-Riċerka fl-Università
L-Università ta’ Malta ser iżżid l-attività tagħha fir-riċerka. Dan permezz ta’ fondi li ġejjin kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Unjoni Ewropea, se tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha fit-tagħlim u r-riċerka ma’ entitajiet simili internazzjonali; isservi ta’ inkubatur għal intrapriżi ġodda bbażati fuq l-għerf; tattira studenti barranin; taġġorna u timmodernizza l-portafoll ta’ programmi ta’ ċertifikat, diploma u lawrija; kif ukoll, tkompli ssaħħaħ l-infrastruttura ta’ tagħlim u riċerka skont il-Master Plan tagħha għall-iżvilupp. In-nefqa kapitali tal-Gvern fuq l-Università ser tiżdied b’55 fil-mija; minn 4.5 miljun għal 7 miljuni.
MCAST
Se jiġi konkluż il-proċess tal-ħolqien tal-kwalifiċi vokazzjonali nazzjonali li se jieħdu post il-kwalifiċi vokazzjonali barranin li kienu qed jintużaw sa issa. L-MCAST ħa jkompli l-ħidma sabiex tissaħħaħ is-sistema tal-apprentistat f’pajjiżna billi joffri l-possibilità ta’ studju b’apprentistat f’korsijiet li qabel ma kinux joffru din l-esperjenza.
Youth Village fl-eks-Skola Umberto Colosso
Dik li kienet l-Iskola Umberto Colosso ser tkun mibdula f’Youth Village. Dan iċ-ċentru se jiġbor fih is-servizzi kollha tal-Aġenzija Żgħażagħ flimkien ma’ numru ta’ servizzi oħrajn għaż-żgħażagħ fosthom il-programm Youth.Inc. L-Alternative Learning Programme (ALP), huwa programm ieħor relatat li għaddej fl-istess sit.
Żieda fl-Istipendji skont l-Għoli tal-Ħajja
Il-Ministru jkompli bil-qari tal-baġit filwaqt li membri parlamentari oħra qed iċapċpu għal miżuri li qed iwassal il-Ministru tal-Finanżi Edward Scicluna: “Se nerġgħu nżidu l-istipendji. Dan il-Gvern se jerġa’ jżidhom bir-rata tal-għoli tal-ħajja pro-rata mill-1 ta’ Jannar 2015. Barra minn hekk, l-istudenti se jieħdu l-Bonus Addizzjonali pro rata”.
L-istipendju eżenti mit-taxxa
“Qegħdin inkomplu ntejbu s-sistema ta’ kif jingħataw l-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti, inkluż l-għotja ta’ darba fil-bidu tas-sena skolastika, l-istipendju kull erba’ ġimgħat u l-għotja supplimentari ma’ kull stipendju lill- istudenti li ġejjin minn familji bi dħul baxx jew każijiet soċjali. Is-sena li għaddiet tajna stipendju lil min jirrepeti sena. Issa, biex tkun massimizzata l-għajnuna lill-istudenti, id-dħul kollu ta’ manteniment mhux se jibqa’ taxxabbli”.
Tablet għal kull student
“It-twettiq tal-inizjattiva Tablet għal Kull Wild (One Tablet Per Child) bdiet matul din is-sena permezz ta’ Proġett Pilota li qed jieħdu sehem fih madwar 340 student f'20 skola tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, bl-appoġġ ta’ kumpaniji magħrufa f'dan il-qasam u bi ftehim sħiħ mal-Malta Union of Teachers”.
L-Użu tat-Teknoloġija tal-Informatika
“Se nkomplu naħdmu biex l-inizjattivi marbutin mal-użu tat-Teknoloġija tal-Informatika, bħalma hija l-iżvilupp ta’ kontenut diġitali, jappellaw kemm għal tfal u studenti f’riskju jew li waqgħu lura kif ukoll għal studenti abbli biex b’mod ekwu jiksbu ħiliet u kompetenzi fit-Teknoloġija tal-Informatika, fil-litteriżmu, fil-Matematika u fix-Xjenza”.
Tnaqqis tal-VAT fuq Kotba Diġitali
“Dawn il-mezzi ta’ qari moderni jnaqqsu id-dipendenza fuq il-karta u għalhekk jagħmlu ġid lill-ambjent ta’ madwarna. Għaldaqstant, biex ikun hemm trattament ekwu u biex ninkoraġixxu t-tixrid ta’ mezzi edukattivi bħal dawn, mill-1 ta’ Jannar li ġej, se nnaqqsu r-rata tal-VAT fuq audio books u fuq kotba pubblikati fuq CDs, DVDs, SD-cards u USB drives u mezzi simili minn 18%, kif inhi llum, għal 5%”.
Pubblikazzjoni ta’ Kotba Maltin
“Il-Gvern qiegħed jagħmel allokazzjoni speċifika f’dan il-baġit għal skemi ta’ inċentivi sabiex nassiguraw illi din il-ħidma siewja u l-kontribut ta’ dan il-qasam tibqa’ tikber b’mod sostenibbli. Fuq kollox, il-Gvern se jara kif jgħin, fejn u kif hemm bżonn, lill-pubblikaturi ta’ dawn il-kotba, sabiex jippromwovu l-prodotti tagħhom mhux l-anqas permezz ta’ parteċipazzjoni ġo fieri kemm lokali kif ukoll barranin” qal il-Ministru Scicluna.
Sabbatical għall-għalliema
“Qegħdin naħdmu, b’konsultazzjoni mal-MUT fuq abbozz ta’ linji gwida dwar kif ser jiġi implimentat is-sabbatical għall-għalliema. Qed jiġi ppjanat li l-ewwel applikazzjonjiet se jiġu proċessati f’April li ġej sabiex l-ewwel benefiċjarji jibdew sena leave bi ħlas fis-sena skolastika 2015/2016”.
Vjolenza Domestika
Ikompli l-qari tal-baġit fil-parlament mill-Ministru Scicluna. “Permezz tal-ħidma tal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika, il-Gvern se jkompli jaħdem sabiex il-vittmi ta’ vjolenza domestika kif ukoll uliedhom jingħataw protezzjoni immedjata. Fil-preżent, għaddejja wkoll ħidma kollettiva ma’ dawk li joffru servizzi ta’ għajnuna lill-vittmi u mal-Akkademja tal-Pulizija sabiex ikun imsaħħaħ it-taħriġ lill-membri tal-korp dwar kif għandhom jaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika” qal il-Ministru.
Skema għall-Garaxxijiet tal-Gvern
Id-Dipartiment tal-Artijiet se joħroġ Skema sabiex dawk il-garaxxijiet kollha li qegħdin fil-Qasam tad-Djar tal-Gvern, kemm jekk mogħtija b’kera kif ukoll jekk b’ċens, ikunu jistgħu jinxtraw mill-inkwilini u ċenswalisti rispettivi, l-arja tal-garaxx ma tkunx inkluża dejjem sakemm il-Gvern ikollu t-titolu tagħhom. Dan jaffettwa 2,400 garaxx tal-Gvern.
Proġetti ta’ Manutenzjoni u Tisbiħ fil-Qasam tad-Djar
Bi sħubija mal-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura, l-Awtorità tad-Djar se tagħmel xogħol ta’ tiswijiet fl-oqsma tad-djar, waqt li jkun qed isir ukoll xogħol ta’ titjib u manutenzjoni fi proprjetà residenzjali mikrija mill-Gvern jew l-Awtorità. Finalment, se jitkompla wkoll il-programm ta’ installar ta’ lifts fi blokok tal-Gvern.
Reviżjoni fil-liġijiet tax-xogħol
Se jitkompla l-proċess ta’ reviżjoni u aġġornament tal-liġijiet tax-xogħol biex jiġu mtejba d-drittijiet tal-ħaddiema u fejn hemm bżonn jiġu ċċarati aħjar. Dan se jsir fi sħubija mal-imsieħba soċjali permezz ta’ diskussjonijiet apposta fil-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjieg u fl-MCESD.
Regoli ġodda fis-Servizz Pubbliku kontra l-Prekarjat
Se nesiġu li l-ħlasijiet tal-ħaddiema tal-kuntratturi fuq xogħol tal-Gvern jitħallsu mill-anqas bir-rata bażika tal-istess xogħol li jsir mal-Gvern. Jekk ix-xogħol li jkun qed isir mill-ħaddiema tal-kuntrattur ikun, ngħidu aħna ta’ Security allura l-ħaddiema tal-kuntrattur se jkunu qed jitħallsu bir-rata tal-paga bażika tal-grade ta’ Security mal-Gvern. Jekk ix-xogħol ikun ta’ tindif, allura l-ħaddiem tal-kuntrattur jitħallsu bir-rata bażika tal-grad ta’ tindif. Jekk ix-xogħol huwa ta’ Care Worker, allura l-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu fuq ir-rata tal-paga bażika tal-grad tal-Care Worker mal-Gvern.
Skills Card – Industrija tal-Kostruzzjoni
Il-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini fix-xhur li ġejjin mistenni jippreżenta pjan ta’ kif f’pajjiżna se jiġu introdotti l-iskill cards fl-industrija tal-kostruzzjoni. L-għan tal-iskill card huwa dak li ħaddiem tal-kostruzzjoni jkollu l-ħiliet tiegħu ċċertifikati u rikonoxxuti. Dan il-proċess mistenni jsir b’koperazzjoni mal-MCAST u l-ETC. Filwaqt li dan il-proċess mistenni jieħu ż-żmien tiegħu biex jidħol fis-seħħ, persuni li ma jkollhomx din il-card mhux se jkunu jisgħu jaħdmu f’dan il-qasam. Dan il-pass se jwassal biex innaqqsu abbużi filwaqt li nirregolaw b’mod professjonali dan is-settur u nnaqqsu l-isfruttament tal-ħaddiema.
Bonus għat-Tfal mehmuż mal-Attendenza fl-Iskola
Il-Ministtu jkompli għaddej bil-qari tal-baġit u jgħid li matul is-sena d-dieħla se jiħallsu suppliment għat-tfal ta’ 400 ewro għal kull wild, (200 ewro mir-raba wild ’il fuq), lill-familji bi dħul baxx. “Dan huwa benefiċċju ġdid, li kif konna ħabbarna, huwa intiż sabiex jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal billi jservi ta’ suppliment fid-dħul ta’ familji f’riskju ta’ faqar. Qed nistmaw li dan il-benefiċċju ta’ matul is-sena d-dieħla se jgawdu minnu 22,000 tifel u tifla f’9,000 familja. Għal dan il-għan, qegħdin nivvutaw is-somma ta’ 8.5 miljun ewro”.
Marbuta ma’ din l-għotja, hemm kundizzjonijiet fosthom li t-tfal jattendu għal 95 fil-mija tal-ġranet ta’ skola bil-għan li jiżdied il-livell ta’ edukazzjoni u titjieb is-saħħa psikosoċjali tat-tfal.
Djar għal persuni b’diżabilità
“Se nagħtu bidu għall-iżvilupp tal-ewwel għaxart idjar residenzjali fil-komunità għal persuni b’diżabilità. Il-Gvern diġà beda x-xogħol fuq l-ewwel dar fis-Siġġiewi li se tkun lesta fi ftit żmien u kif ukoll hemm żewg Espressjonijiet ta’ Interess pendenti - waħda għall-ewwel dar f’Għawdex u l-oħra għal djar f'Malta. Il-Gvern se jaħdem fuq tlett idjar fis-sena biex sal-aħħar tal-leġiżlatura, nilħqu l-mira ambizzjuża tal-ewwel għaxart idjar żgħar fil-komunità biex b’mod konkret u tanġibbli nkunu qed inserrħu ras il-ġenituri u familjari ta’ persuni b'diżabilità” qal il-Ministru. Kompla jgħid : “Biex inserrħu mit-taħbit ta’ kuljum, dawk il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, se naħdmu biex inżidu s-servizz ta’ respite f’ċentri residenzjali speċjalizzati, jew bis-saħħa ta’ familji li jkunu lesti jagħtu dan is-servizz fuq bażi simili permezz tal-fostering. Għal dan il-għan, ukoll, se nkabbru s-servizz li jingħata miċ-ċentri ta’ matul il-jum”.
Inċentivi fiskali lil Trusts u Fondazzjonijiet imwaqqfa biex jgħinu Persuni b’Diżabilità
“Se ninċentivaw l-użu ġenwin ta’ Trusts biex permezz tagħhom ir-riżorsi finanzjarji, assi u wirt li jitħalla minn ġenituri u persuni oħra lill-ulied b’diżabilità, jiġu użati bl-aħjar mod u fl-aħjar interess tal-ulied”.
Rappreżentanza ta’ Persuni b’Diżabilità fuq Bordijiet, Aġenziji u Awtoritajiet
“Se ssir reviżjoni tal-kompożizzjoni ta' diversi bordijiet ta’ diversi entitajiet billi tiżdied persuna b’diżabilità. B’hekk, il-leħen tal-persuni b’diżabilità fil-governanza ta’ pajjiżna jissaħħaħ u nkunu qed nippromwovi b'mod konkret l-attiviżmu fost il-persuni b'diżabilità”.
Persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol
“Il-Gvern jemmen li wasal iż-żmien għal inizjattivi bla preċedent biex persuni b’diżabilità jkollhomid-dinjità ta’ post tax-xogħol. B’hekk biss jista’ jkollna integrazzjoni sħiħa. Permezz ta’ dan il-baġit, se nniedu tliet inizjattivi” qal il-Ministru.
1. Pensjoni sħiħa għal persuni b’diżabilità li jaħdmu
“Sal-lum persuna b’diżabilità tista’ tasal biss sa paga minima. Aħna se nneħħu din ir-restrizzjoni għaliex id-diżabilità ma tisparixxix mal-paga”.
2. Inċentivi għall-impjieg ta’ persuni b’diżabilità
“Se ninċentivaw lil min iħaddem biex jimpjega persuni b’diżabilità billi noffru krediti ta’ taxxa ġenerużi. Kull min iħaddem persuna b’diżabilità se jkun eżenti mill-ħlas tal-bolla u se jkun possibbli li jagħmel deduzzjoni mit-taxxa fuq il-profitti ekwivalenti għall-paga tal-persuna diżabbli. Il-massimu tal-kreditu jlaħħaq mhux aktar minn 4,500 ewro għal kull impjegat diżabbli”.
Nimplimentaw il-liġi ta’ 2%
“Pajjiżna, ilu mill-1967 b’liġi li tipprovdi li kull kumpanija b’aktar minn 20 persuna trid timpjega mill-anqas 2 fil-mija ta’ persuni b’diżabilità. Kulħadd jaf li din il-liġi ftit li xejn tiġi implimentata u infurzata. Wasal iż-żmien li minn fuq il-karta din il-liġi tiġi għar-realtà. Għalhekk se nisħqu li din il-kwota titħaddem. Nifhmu li hemm postijiet tax-xogħol fejn l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità jista’ joffri aktar sfidi. Biss irrid nibagħtu sinjal b’saħħtu u kuraġġuż. Dawk il-kumpaniji li mhux se jħaddmu l-minimu legali ta’ persuni b’diżabilità se jintalbu kontribuzzjoni annwali ta’ 2,400 ewro għal kull persuna diżabbli li suppost qiegħed iħaddem. Il-kontribuzzjoni massima tkun dik ta’ 10,000 ewro kull kumpanija”.
Tnaqqis fit-taxxa lil kumpaniji li jagħmlu donazzjonijiet lill-Malta Community Chest Fund
Meta kumpanija tagħmel donazzjoni fi flus ta’ mhux anqas minn elfejn ewro lill-Malta Community Chest Fund, l-ekwivalenti ta’ 50 fil-mija ta’ dik id-donazzjoni tista’ tintalab bħala tnaqqis mid-dħul għas-sena ta’ stima 2015, sakemm ikun inħareġ ċertifikat iffirmat rilevanti mis-segretarju tal-Malta Community Chest Fund dwar dik id-donazzjoni, u jkun imbagħad ġie mehmuż u mibgħut flimkien mal-prospett tat-taxxa għas-sena.
Jekk din is-sistema tkun suċċess, il-Gvern se jikkunsidra li jespandiha għal entitajiet oħra filwaqt li ninsistu għal governanza tajba.
Għotja lill-Anzjani
“Bħalma għamilna din is-sena, is-sena d-dieħla se nerġgħu nagħtu għotja ta’ 300 ewro lil dawk l-anzjani li għandhom 75 sena jew aktar. Dan sabiex ngħinuhom isostnu l-kwalità tal-ħajja tagħhom” qal il-Ministru li bħalissa qed iwassal il-baġit fil-parlament.
Third Pillar Pensions
“Fil-qasam tal-pensjonijiet bdejna b’riformi li ilhom snin jissemmew iżda qatt ma twettqu. Ewlenija fosthom id-dħul tat-Third Pillar Pension u l-iskema tal-individual savings account permezz ta’ inċentivi fiskali. Kuntrarju għal ħaddieħor li jrid iżid Bolla oħra b’mod obbligatorju, aħna jidhrilna li dan huwa l-mod għaqli ta’ kif isiru l-affarijiet” qal il-Ministru.
Pensjonanti tat-tarzna u pensjonanti li għandhom xi anomalija
“Se nżommu l-wegħda tagħna li nikkoreġu anomaliji li nħolqu fil-pensjoni tas-sigurtà soċjali u li laqtu eluf ta’ ħaddiema, fosthom eksħaddiema tat-Tarzna, meta l-pensjoni tagħhom tpoġġiet fuq l-istess binarji fl-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern għax il-kumpanija li kienu jaħdmu fiha spiċċat jew il-post tax-xogħol li kienu jokkupaw ma baqax jeżisti” kompla jghid Scicluna.
Pensjonanti tas-servizzi
“Ser nissoktaw fit-twettiq tal-miżura li biha pensjonanti tas-servizz ikomplu jibbenifikaw minn titjib fil-pensjoni taż-żewġ terzi tagħhom, b’mod gradwali, b’żieda oħra ta’ 200 ewro mas-somma li ma tiġix ikkunsidrata fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Huwa stmat li din il-miżura tiswa 1.6 miljun ewro u minnha se jgawdu ’l fuq minn 5,000 pensjonant ieħor” kompla jgħid il-Ministru Scicluna.
Eks ħaddiema tal-port
“Ftit żmien wara li ġie elett, dan il-Gvern ta bidu għal diskussjonijiet ma’ rappreżentanti tal-eksħaddiema tal-Port dwar talbiet li kellhom pendenti għal snin twal. Illum nista’ ngħid li dawn id-diskussjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat bit-tama li jwasslu biex jintlaħaq ftehim aħħari matul is-sena 2015”.
Kontribuzzjonijiet nieqsa
“Fil-Manifest Elettorali, konna irrikonoxxejna li ħaddiema li jkunu ħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali imma li ma jkollhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifikaw għall-pensjoni, sal-lum ma jistgħux iħallsu kontribuzzjonijiet neqsin li għandhom. Għalhekk mill-1 ta’ Jannar li ġej, persuni li jkunu għadhom fl-impjieg, se jingħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jħallsu sa 5 snin kontribuzzjonijiet neqsin, li mhux neċessarjament ikunu l-aħħar 5 snin ta’ qabel issir it-talba, biex itejbu l-pensjoni tagħhom. Nemmnu li b’din il-miżura, se nwettqu wegħda elettorali oħra” żied jgħid il-Ministru.
Tinstab soluzzjoni għall-Maltacom Employees Foundation
Il-Gvern qiegħed jaħdem mal-Maltacom Employees Foundation sabiex jiġu indirizzati l-problemi finanzjarji ta’ din il-fondazzjoni u sabiex l-istess fondazzjoni titqiegħed fuq sisien finanzjarji sodi u sostenibbli.
Pensjoni wara 25 sena servizz għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Il-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jgawdu mill-pensjoni tal-irtirar wara 25 sena servizz. B’hekk, dawn il-ħaddiema se jibdew igawdu l-istess benefiċċju bħall-pulizija u s-suldati.
Kumpens lill-Membri ta’ Korpi Dixxiplinati li jsofru diżabilità
“Wegħda oħra hija li membri tal-forzi dixxiplinati li jsofru diżabilità waqt il-qadi ta’ dmirijiethom jingħataw kumpens. Din il-wegħda se titwettaq. Mis-sena d-dieħla b’hekk se nagħtu rikonoxximent u stima akbar lil suldati, pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili li ħafna drabi jissugraw saħħithom u ħajjithom biex jipproteġuna” qal il-Ministru.
Ngħollu r-rata tal-benefiċċju tal-Leave tal-Maternità
Il-Ministru tal-Finanzi għadu għaddej bil-qari tal-baġit fejn ftit ilu tkellem dwar il-leave tal-maternita. “Fil-preżent, nisa li jaħdmu jew huma self-employed jibbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Leave tal-Maternità li jkoprihom għal 4 ġimgħat mill-15 sat-18-il ġimgħa ta’ leave tal-maternità. Dan il-benefiċċju bħalissa jitħallas bir-rata ta’ 160 ewro fil-ġimgħa. Se ngħollu r-rata ta’ dan il-benefiċċju biex mill-1 ta’ Jannar 2015 ’l quddiem, ir-rata ta’ dan il-benefiċċju tiżdied u titħallas b’rata ekwivalenti għal Paga Minima Nazzjonali. Dan ikun ifisser li fl-2015 nisa li jaħdmu, inkluż nisa self-employed, u li jkollhom tarbija jgawdu minn żieda ta’ aktar minn €6 fil-ġimgħa f’Benefiċċju tal-Leave tal-Maternità għal 4 ġimgħat”.
Finanzjar tal-Fond għall-Leave tal-Maternità
Il-ministru kompla jgħid: “Illum il-ġurnata meta employer jiġi biex jimpjega persuna, jikkalkula f’moħħu li jekk se jimpjega mara ta’ ċertu età jista’ jispiċċa jkollu jħallas il-leave tal-maternità. Dan iwassal biex nisa ma jkollhomx opportunitajiet indaqs għal xogħol li jixirqilhom. Il-Gvern irid ineħħi dan l-ostaklu b’mod li ma jkun hemm l-ebda differenza bejn nisa u rġiel fuq kunsiderazzjoni ta’ spiża għall-employer. Għalhekk se nkomplu nnaqqsu kwalunkwe ostaklu u diskriminazzjoni lejn in-nisa li jiġu impjegati fis-settur privat, billi nwaqqfu fond speċjali biex minnu jitħallas il-benefiċċju tal-erbatax-il ġimgħa leave tal-maternità bil-ħlas. L-idea hija li l-benefiċċju ma jibqax jiġi imħallas minn dik il-kumpanija privata li magħha taħdem l-impjegata, iżda jkun hemm fond li għalih jikkontribwixxu l-kumpaniji privati kollha billi jħallsu kontribuzzjoni żgħira għal kull impjegat li jħaddmu. B’hekk, il-piż ikun qed jinqasam bejn kulħadd”.
Benefiċċju tal-Maternità għan-nisa self-employed
Fil-preżent, nisa li huma self-employed u li jkollhom tarbija jibbenefikaw mill-benefiċċju tal-maternità bħal nisa oħra li ma jaħdmux u li allura ma jkollhomx leave tal-maternità. Dan il-benefiċċju bħalissa jitħallas bir-rata ta’ €86.77 fil-ġimgħa għal perjodu ta’ 14-il ġimgħa. “Dan il-Gvern għandu s-self employed għal qalbu u mill-1 ta’ Jannar 2015 ’il quddiem, se ndaħħlu l-benefiċċju tal-maternità għan-nisa self-employed u li jitħallas b’rata ekwivalenti għal paga minima nazzjonali. Dan ikun ifisser żieda ta’ aktar minn €73 fil-ġimgħa f’benefiċċju tal-maternità għal 14-il ġimgħa għan-nisa self-employed” qal Scicluna.
Leave f’kaz ta’ addozzjoni
“Dan il-Gvern jemmen fil-politika tal-familja, mhux biss bil-kliem imma bil-fatti” qal il-Ministru. “Għaldaqstant se jassigura li l-benefiċċji tal-ġranet tal-leave li jingħata meta jkun hemm xi adozzjoni tat-tfal ikun estiż sabiex ikun tal-istess tul tal-leave li tieħu kull persuna oħra f’każ ta’ maternità”.
Ftehim ma’ pajjiżi terzi fuq l-addozzjoni tat-tfal
“Rigward ftehim ma’ pajjiżi terzi dwar l-adozzjonijiet, preżentement jeżisti ftehim mal-Albanija u s-Slovakkja” spjega l-Ministru Scicluna. “Qed naħdmu ma’ pajjiżi oħra biex nippruvaw nilħqu ftehim f'dan ir-rigward. Fost dawn il-pajjiżi hemm il-Polonja, l-Kambodja u l-Vjetnam”.
Benefiċċji għal kull min iħaddem u joffri taħriġ lill-ħaddiema
Sussidji għam min jimpjega persuni żvantaġġati jew iħarreġ il-ħaddiema tiegħu. F’dak li għandu x’jaqsam l-Access to Employment, employer li jħaddem persuna żvantaġġata jieħu rifużjoni ta’ 50 fil-mija tal-ispiża sa massimu ta’ 5,000 ewro. Fil-każ ta’ single parent ser jieħdu lura 10,000 ewro. Dan il-benefiċċju japplika wkoll pro rata għal min jaqleb il-ħaddiema tiegħu minn part-time għal full-time.
Informazzjoni fuq is-suq tax-xogħol
Il-Ministru Scicluna qal li ssa li ntlaħaq ftehim fuq l-avviż legali li jittratta skambju ta’ data ta’ studenti, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ mistennija taħdem fuq l-Employability Index fil-bidu tas-sena 2015.
Programm tax-xogħol
“Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fir-rwol tas-settur privat fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Se nkunu qed nintroduċu f’pajjiżna l-kunċett tal-Work Programme, inizjattiva simili ħafna ta’ kif imħaddma fir-Renju Unit. Is-settur privat flimkien mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ se jkunu qed jaħdmu biex jgħinu persuni li ilhom bla xogħol fit-tul jew inattivi, biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol” qal Scicluna. “Dan il-Gvern se jagħmlu billi jgħin l-employers biex isibu l-aħjar nies għax-xogħol rikjest, juża fondi Ewropej biex iħarreġ in-nies li jkunu fil-Work Programme, kif ukoll iħallas lil dawk li jħaddmu parti mill-pagi tal-ħaddiema li jkunu qegħdin taħt l-istess Work Programme. L-employers li jħaddmu l-Work Programme se jkunu eliġibbli li jitħallsu sa 2,750 ewro għal kull ħaddiem fuq medda ta’ tliet snin. Il-pagament lill-privat se jkun marbut skont kemm jirnexxilu jdaħħal nies fix-xogħol u żmien li tħalli persuni jdumu fix-xogħol.”
Twaqqif ta’ intrapriża soċjali
“Dan il-Gvern huwa kommess bis-serjetà li jnaqqas kemm jista’ kull forma ta’ prekarjat. Sal-lum għandna l-Community Work Scheme li permezz tagħha numru ta’ persuni li jirreġistraw jingħataw ammont żgħir ta’ flus biex jagħmlu xogħol mal-Kunsilli. Billi ma rridux nippermettu l-ebda forma ta’ prekarjat se nagħtu l-possibbiltà lill-parteċipanti li jidħlu f’social enterprise, b’management awtonomu. Din l-intrapriża se tkun qed toffri servizzi fl-iskejjel u l-Kunsilli Lokali. Se nkunu qed nassiguraw li kull impjegat ta’ din l-intrapriża minn tal-inqas jitħallas il-paga minima” qal il-Ministru tal-Finanzi.
Benifiċċji għal Ġenituri Weħidhom
Fil-preżent single parents li jirċievu l-għajnuna soċjali, bi tfal taħt it-18-il sena u li jkunu qed jaħdmu ma jsofru l-ebda tnaqqis mill-benefiċċji li jkunu qed jirċievu jekk mill-impjieg ikunu qed jaqilgħu mhux aktar minn €56.95 fil-ġimgħa. Dan huwa ammont żgħir wisq li qed iwassal għal ħafna abbuż u xogħol prekarju.
“Mill-1 ta’ Jannar li ġej, din il-miżura se tinbidel u minflokha se ndaħħlu l-miżura tat-tapering tal-benefiċċji. B’hekk, single parents li jibdew jaħdmu jibqgħu jżommu 65% tal-għajnuna soċjali fl-ewwel sena, 45% fit-tieni sena u 25% mit-tielet sena ’l quddiem. Min iħaddimhom igawdi wkoll minn 25% tal-benefiċċju għall-ewwel tliet snin. Kontra ta’ dak li jsir illum, kull ma jaqalgħu mix-xogħol, sew part-time jew full-time, ma jaffettwalhomx il-benefiċċji f’din l-iskema” qal Scicluna.
Din il-miżura se tkun estiza għal single parents li għandhom tfal ta’ aktar minn 18-il sena iżda mhux aktar minn 23 sena.
Programm biex jirregalow ruħhom dawk li jirċievu benefiċċji soċjali
Il-gvern se jniedi programm fejn se jagħti ċans sal-aħħar ta’ Frar 2015 biex dawk li għandhom dubju dwar il-benefiċċju tagħhom jew jafu li qed jirċievu benefiċċju li m’għandhomx titlu għalih jirregolarizzaw ruħhom.
“Dawk li jiġu ’l quddiem sal-aħħar ta’ Frar 2015 biex jivverifikaw il-benefiċċju dovut lilhom u jinstab li ma kienux konformi mal-liġi se jeħlu biss penali minima ta’ darba sakemm ma jkunx każ ta’ frodi sistematika. Il-penali jiżdiedu jekk benefiċjarju jdum aktar jew jinqabad jiffroda d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali” qal il-Ministru.
Tapering tal-benifiċċju soċjali wara ż-żwieġ
Mill-1 ta’ Jannar li ġej, single parent li tirċievi l-għajnuna soċjali u tiżżewweġ jew tidħol f’unjoni ċivili ma’ persuna li tkun impjegata, ma tibqax titlef id-dritt b’mod immedjat li tirċievi l-għajnuna soċjali imma l-għajnuna soċjali tonqsilha b’mod gradwali fuq medda ta’ tliet snin. Fl-ewwel sena tirċievi 65% tal-għajnuna soċjali mħallsa, fit-tieni sena 45% u fit-tielet sena 25%.
Każijiet ġodda ta’ żgħażagħ taħt it-23 sena
“Dan il-Gvern għandu l-kuraġġ li l-benefiċċji jaslu għand min veru għandu bżonnhom. Dawn il-programmi taħt il-Youth Guarantee se jiġu offruti liż-żgħażagħ taħt it-tlieta u għoxrin sena li huma bla xogħol. Iżda min jirrifjuta li jmur għat-taħriġ tal-Youth Guarantee ma jingħatax il-benefiċċju tal-qgħad. Dan se jkun sinjal liż-żgħażagħ tagħna li l-bżulija tippremja” qal il-Ministru.
Kompla jgħid li min irid jitħarreġ u jaħdem ngħinuh. Min ma jridx ma jistax jistenna flus għalxejn. Dawn il-programmi mhux se jkunu japplikaw għal min għandu edukazzjoni terzjarja.
Każijiet ta’ żgħażagħ li attwalment qed jingħataw Għajnuna Soċjali għal Diżimpjieg
Min bħalissa qiegħed jieħu l-Għajnuna Soċjali għall-qgħad se jingħata 4 xhur ċans biex jew jidħol fil-Youth Guarantee (u jibqa’ jieħu l-benefiċċju) inkella jibqa’ jirreġistra imma jieqaf il-benefiċċju sa ma tgħaddi l-età li wieħed jikkwalifika għall-Youth Guarantee.
Każijiet ta’ Single Parents taħt it-23 sena li qegħdin jingħataw għajnuna soċjali għal qgħad
L-Għajnuna Soċjali titħallas sakemm l-iżgħar wild ikollu sena. Malli t-tarbija tagħlaq sena, l-omm tiddaħħal fil-Youth Guarantee u tibqa’ tibbenifika mill-Għajnuna Soċjali kif ukoll miċ-childcare b’xejn. Jekk tirrifjuta li tidħol fil-Youth Guarantee, l-għajnuna soċjali tieqaf. Malli tispiċċa mill-Youth Guarantee, jew tirreġistra għax-xogħol jew tibda taħdem.
F’każ li l-iżgħar wild ikollu diġà aktar minn sena minn meta tidħol din is-sistema, l-omm tingħata 4 xhur ċans biex tidħol fil-Youth Guarantee u tibqa’ tieħu l-benefiċċju. F’każ li tirrifjuta, il-benefiċċju jieqaf. Malli tispiċċa mill-Youth Guarantee, jew tirreġistra għax-xogħol jew tibda taħdem.
Każijiet ġodda ta’ single unmarried parents taħt it-23 sena
Għal każijiet ġodda ta’ single unmarried parents taħt it-tlieta u għoxrin sena jiġu aċċettati applikazzjonijiet għal Għajnuna Soċjali u din titħallas sakemm it-tifel/tifla ikollu sena. Malli it-tifel/tifla jagħlaq sena, l-omm tiddaħħal fil-Youth Guarantee u tibqa’ titħallas l-Għajnuna Soċjali filwaqt li tgawdi miċ-childcare b’xejn. Jekk single parent tirrifjuta li tidħol għal taħriġ fil-Youth Guarantee, l-għajnuna soċjali tieqaf. B’hekk, issir ġustizzja mal-ħafna single mothers ġenwini u jibda jitnaqqas l-abbuż. Li tkun single mother mhix professjoni. L-għajnuna għandha tkun hemm għal min veru ħaqqu.
Opportunitajiet mhux Dipendenzi
“Dawk li jabbużaw huma minoranza. Iżda din il-minoranza trid tkun indirizzata għax qed tieħu bla ġustifikazzjoni riżorsi mit-taxpayers u li għandhom imorru għand min huwa veru fil-bżonn” qal il-Ministru Scicluna.
“Illum il-ġurnata għandna faxxa sħiħa fis-soċjetà tagħna li saret tiddependi totalment fuq il-benefiċċju soċjali. Ċert li kollha kemm aħna naqblu li nkunu qed nonqsu bis-sħiħ jekk nippermettu liż-żgħażagħ jsiru dipendenti fuq il-benefiċċji għall-40 sena li ġejjin. Il-prezz li ma nagħmlu xejn huwa ferm għoli” qal il-Ministru. “Irridu li s-sistema tal-benefiċċji tagħna tgħin u tħeġġeġ fuq kollox liż-żgħażagħ jiskopru l-kapaċitajiet u l-abilitajiet tagħhom”.
Benefiċċju għal persuni bi dħul baxx
“Se nintroduċu l-hekk imsejjaħ in-work benefit. Dan il-benefiċċju li huwa marbut mal-kunċett tax-xogħol se jkun qiegħed jingħata lil dawk il-familji fejn iż-żewġ ġenituri qed jaħdmu, huma bi dħul baxx u li għandhom tfal sa 23 sena”.
Kompla jispjega li l-mara trid tkun qed taqla’ anqas minn tlett elef ewro ’l fuq. “Dawn il-familji se jkunu intitolati sa massimu ta’ elf ewro fis-sena għal kull wild. Ġenitur li jrabbi lil uliedu waħdu jew weħidha u li qiegħed jew qiegħda taħdem, se jkunu intitolati massimu ta’ €1,200 fis-sena għal kull wild. Il-benefiċċju se jkun ikkalkulat fuq id-dħul wara li tiġi mnaqqsa l-bolla u mhux se jkun hemm l-ebda tnaqqis f’ebda benefiċċju ieħor li hija ntitolata għalih il-familja bħaċ-Children Allowance”.
Scicluna kompla jgħid li koppja fejn iż-żewġ ġenituri jkunu jaħdmu se jkunu intitolati għal dan il-benefiċċju jekk id-dħul tagħhom ikun bejn €10,000 u €20,400 filwaqt li għal ġenitur wieħed id-dħul irid ikun bejn €6,600 u €15,000. “Biex nagħti ftit eżempji, familja fejn ir-raġel jaħdem full-time u l-mara part-time u d-dħul tagħhom huwa ta’ madwar €12,000, dawn se jieħdu elf ewro għal kull wild. L-istess ammont se jingħata fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu u t-tnejn ikunu bil-paga minima. Ġenitur waħdu se jingħata l-ammont ta’ €1,200 jekk ikun bil-paga minima u €500 jekk ikun jaqla’ €12,500.”
Childcare bla ħlas
Il-Gvern qed jassigura lil kull min qed jibbenefika minn dan is-servizz li dan se jitkompla b’xejn. “Se nkomplu noffru servizzi bhal Breakfast Club li ntlaqgħu tajjeb ħafna” qal il-Ministru.
Garanzija għaż-Żgħażagħ
Prijorità lill-Garanzija għaż-Żghażagħ jew kif inhi iktar magħrufa l-“Youth Guarantee”. Din tikkonsisti f’garanzija li l-Gvern jagħti lil kull min għandu bejn 16 u 23 sena, garanzija ta’ tagħlim, taħriġ u xogħol għaż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin. Din l-istrateġija hija importanti fid-dawl tal-fatt li kważi erbgħa minn kull għaxar tifla u tifel ma jkomplux l-iskola wara l-età ta' 16-il sena.
“Diġà bdejna naraw il-frott minn din l-inizjattiva hekk kif l-ewwel grupp ta’ parteċipanti li ħadu sehem, f’Ottubru għadhom kif bdew l-edukazzjoni vokazzjonali tagħhom” qal il-Ministru. Qal li bħalissa hemm gruppi ta’ żgħażagħ oħra li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jieħdu l-ewwel esperjenza ta’ xogħol tagħhom.
“Biex insaħħu din l-inizjattiva, permezz tal-Fond Soċjali Ewropew se jkun possibbli biex matul is-sena d-dieħla niffinanzjaw 700 Traineeships u 200 Work Trial. Dawn l-opportunitajiet se jiżdiedu flimkien ma’ dak li ħabbarna fil-baġit tas-sena l-oħra. B’dawn l-inċentivi se jkun possibbli nilħqu aktar żgħażagħ li qed jirreġistraw.
Il-Pensjonanti jibdew jieħdu ż-żieda kollha tal-COLA
Il-Ministru Tal-Finanzi Edward Scicluna għadu kemm ħabbar li mis-sena li ġejja ’l quddiem, il-Gvern se jagħti l-ammont kollu tal-COLA lill-pensjonanti sabiex b’hekk dawn jirċievu l-kumpens sħiħ għall-għoli tal-ħajja.
Bonus Addizzjonali
Il-Gvern għadu kif ħabbar l-għoti ta Bonus Addizzjonali ta’ darba ta’ €35 fis-sena. Dan il-Bonus Addizzjonali se jkun aktar milli jirdoppja l-kumpens għaż-żieda għall-għoli tal-ħajja u mhux se jkun taxxabbli. Il-Bonus Addizzjonali se jieħduh il-ħaddiema full-time kollha li mhux se jgawdu mit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul. Se jkun il-Gvern li se jħallas dan il-bonus anke lill-ħaddiema tal-privat.
Miżuri kontra l-evażjoni tat-Taxxa
“Il-Gvern se jkompli jiġġieled l-evażjoni tat-taxxa” jgħid il-Ministru Edward Scicluna. “Il-proċess li jwassal għal merger bejn id-Dipartimenti tal-Inland Revenue u dak tal-VAT se jkun mejjun minn assistenza speċjaliżżata tal-Fiscal Department tal-IMF. Se nerġgħu ndaħħlu l-obbligu li kull persuna stabbilita f’Malta u li twettaq attività ekonomika li tkun tikkwalifika bħala intrapriża żgħira trid tapplika mal-Kummissarju sabiex tiġi rreġistrata għall-VAT taħt l-Artikolu 11 tal-Att, irrespettivament jekk jaqbiżx it-threshold ta’ sebat elef ewro (€7,000), u għandha l-obbligu li toħroġ irċevuta fiskali fir-rigward tal-provvisti li tagħmel”.
Kompla jgħid “Se nkomplu niżviluppaw u niċċaraw ir-regoli tal-irċevuti li jridu dejjem jingħataw meta jsir xi bejgħ. L-eżenzjoni milli toħroġ irċevuta fiskali se tiġi akkumpanjata minn audit sabiex niżguraw li ma jkunx hemm abbuż. L-uffiċjali se jiġu mħarrġa fl-Informatika biex ikunu jistgħu jagħmlu audits fuq is-sistemi Point of Sale li jużaw il-ħwienet. L-Awtoritajiet tat-Taxxa qegħdin isaħħu l-element xjentifiku li jintuża fi ħdan investigazzjoni sabiex dawn ikunu aktar immirati lejn fejn hemm riskju ta’ evażjoni u allura aktar effettivi fil-ħidma tagħhom”.
Strateġija Nazzjonali fuq Pagamenti Elettroniċi
Se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma sabiex jgħaddi rakkomandazzjonijiet lill-Gvern fuq kif jiżdiedu pagamenti elettroniċi.
Ħidma għal kompetizzjoni ġusta
Wieħed mill-aktar ilmenti ta’ sikwit li jsir minn negozji kbar u żgħar Maltin u Għawdxin hija l-kompetizzjoni inġusta.
“Hemm bżonn ta’ level playing field” qal il-Ministru Scicluna. “Filwaqt li nirrispettaw is-Suq Waħdieni, irridu nkunu ċerti li min qed jikkompeti man-negozji onesti, minn barra jew minn fostna, qed jerfa’ l-istess responsabbilitajiet. Għal dan il-għan, se nużaw mudell li jintuża f’diversi pajjiżi, jiġifieri ta’ unit speċjalizzat fl-infurzar bħalma hija l-Guardia di Finanza fl-Italja u l-Border Agency fir-Renju Unit”.
Żied jgħid “Il-unit il-ġdid se jkun parti mill-Forzi Armati u se jinkorpora fih dak li sal-lum kien ir-Revenue Security Corps. Se ssir konsultazzjoni mal-istakeholders dwar il-ħidma ta’ dan il-unit li se jkun differenti mid-dwana iżda li se jaħdem f’kollaborazzjoni magħha”.
Eżenzjoni għal min qed jixtri l-ewwel proprjetà
“Fl-aħħar baġit, konna tajna konċessjoni fejn individwi li kienu qegħdin jixtru għall-ewwel darba ġew eżentati mill-boll fuq l-ewwel 150,000 ewro tal-valur tal-proprjetà residenzjali. Din il-miżura ħalliet effett pożittiv ferm kemm fuq il-first time buyers kif ukoll fuq is-suq tal-proprjetà. Ma kinitx perfetta għaliex kien hemm każijiet ġenwini li ma kkwalifikawx għal ftit ġranet jew minħabba raġunijiet oħra” qal Scicluna. Spjega li din il-konċessjoni se tkun estiża b’sitt xhur oħra.
Riforma Eko-Kontribuzzjoni
Il-Ministru Scicluna qal li mis-sena d-dieħla se tibda r-riforma tal-eko-kontribuzzjoni. “Fl-ewwel fażi, se nneħħu l-eko-kontribuzzjoni minn fuq l-apparat elettroniku u li jaħdem bl-elettriku minn mowbajls sa televixins u friġis, dak li jgħidulu l-WEEE, b’tali mod u manjiera li l-operaturi ekonomiċi f’dan il-qasam ninċentivawhom jattemporaw ruħhom mal-liġijiet ambjentali li jirregolaw il-ġbir ta’ skart li jkun ġej minn dawn il-prodotti” qal il-Ministru. Kompla jgħid: "Se nibdew billi nikkonsultaw ma’ dawk kollha kkonċernati sabiex naraw kif din it-tranżizzjoni tkun tista’ titwettaq bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod effettiv; se nitolbu lill-operaturi kollha f’dan il-qasam sabiex sal-aħħar ta’ Ġunju 2015 jidħlu jew ma’ waħda mill-iskemi approvati jew inkella jipprovdu pjan dwar kif huma bi ħsiebhom jattemporaw ruħhom mad-direttivi tal-WEEE; 3 - meta naraw li kollox huwa f’postu, il-Gvern qiegħed jintrabat li jneħħi l-eko-kontribuzzjoni minn fuq dawn il-prodotti mill-1 ta’ Settembru 2015. B’hekk, l-eko-kontribuzzjoni se titneħħa minn fuq l-apparat kollu elettroniku u li jaħdem bl-elettriku mill-1 ta’ Settembru 2015” qal il-Ministru.
Il-Ministru Scicluna għadu kemm ħabbar li l-eko-kontribuzzjoni fuq tajers, skrataċ u ċerti tipi ta’ żjut qiegħda titneħħa u minflokha qiegħed jiddaħħal dazju tas-sisa. Qiegħda tiddaħħal sisa fuq l-għalf destinat għall-fish farms bil-prinċipju jkun ta’ “the polluter pays principle” jiġifieri min iħammeġ iħallas.
Ħabbar rata tas-sisa fuq l-inbid li se tkun ta’ 20 ċenteżmu l-litru biex tkun indirizzata d-diskrepanza li teżisti bħalissa fis-suq.
Ir-rata tas-sisa fuq l-inbejjed kollha se tkun ta’ 20 ċenteżmu l-litru. “Il-Gvern jemmen li l-imbejjed Maltin huma ta’ kwalità eċċellenti u għalhekk għandhom jiġu promossi sabiex jiżdied l-użu tagħhom mill-konsumaturi Maltin u mill-barranin li jżuruna. Għal dan il-għan, se nwettqu kampanja ta’ promozzjoni favur l-użu tal-inbid Malti” qal Il-Ministru Scicluna.
Id-dazju fuq is-sigaretti se jkun ta 10 ċenteżmi u 15 il-ċenteżmu rispettivament għal pakketti ta’ 20 sigarett.
Id-dazju fuq is-servizzi ta’ telefonija ċellulari se jiżdied b’1 fil-mija filwaqt li d-dazju fuq is-siment se jiżdied bi 8 ewro għal kull tunnellata.
Ħlief għat-taxxi fuq sigaretti u prodotti tat-tabakk li se jidħlu fis-seħħ minn għada, it-taxxi l-oħra se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej.
Poloz tal-assigurazzjoni
Il-Ministru qal li qiegħda tiġi riveduta l-bolla li titħallas fuq il-poloz tal-assigurazzjoni b’ċenteżmu fuq kull ewro bil-minimu jkun 13-il ewro. Il-poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja mhux se jintlaqtu.
Taxxa Annwali fuq il-Karozzi (Liċenzji)
Mill-1 ta’ Jannar li ġej, il-liċenzji tal-karozzi se jiżdiedu b’ammont marġinali. Il-liċenzji tal-karozzi li ġew irreġistrati mill-bidu tal-2009 ’l quddiem u b’emissjonijiet tal-karbonju tad-dijossidju ta’ mhux aktar minn 100 g/km se jibqgħu l-istess.
Taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-quad bikes se titnaqqas
It-taxxa tar-reġistrazzjoni għall-ATVs se titnaqqas bi kważi 50 fil-mija. It-taxxa tar-reġistrazzjoni għandha tiġi kkalkolata skont iċ-ċilindrata tal-magna.
Tneħħija tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq Muturi klassifikati bħala ‘Vintage’ b’ċilindraġġ iżgħar minn 250cc
Muturi li għandhom ċilindraġġ iżgħar minn 250cc u li jiġu kklassifikati bħala ‘vintage’ se jkunu eżentati mit-taxxa tar-reġistrazzjoni. Din il-miżura ħa tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015.
Permessi mħallsa minn krejnijiet
Il-Gvern qiegħed jirrevedi fost oħrajn, ir-rati mħallsa mill-krejnijiet u apparat ieħor li jintuża fil-kostruzzjoni. Tower cranes sa 10 metri kwadri se jibdew iħallsu r-rata ta’ €10 kuljum filwaqt li tower cranes ikbar minn 10 metri kwadri se jibdew iħallsu €15 kuljum.
Liċenzji ta’ Swimming Pools
Il-liċenzji tas-swimming pools se jiżdiedu bi 15%.
Il-prezz tal-gass
Il-prezz tal-gass se jibqa’ stabbli bi prezz ta’ 18-il ewro sa April li ġej. Dan ifisser li l-prezz se jkun baqa’ stabbli għal seba’ xhur sħaħ u se jkun ferm orħos mill-prezzijiet tal-aħħar sena taħt il-Gvern ta’ qabel.
Roħs fil-prezz tal-petrol u diesel
Mill-1 ta’ Jannar li ġej, il-prezz tal-petrol unleaded se jerġa’ jorħos b’2ċ oħra għal €1.42ċ kull litru u dak tad-diesel ukoll se jerġa’ jorħos b’1ċ ieħor għal €1.35ċ kull litru. Dan il-prezz se jkun stabbli sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.
Kumpens
Il-kumpens tal-għoli tal-ħajja li jingħata minn min iħaddem se jkun ta’ 58ċ fil-ġimgħa. Dan il-kumpens hu maħdum skont il-mekkaniżmu maqbul bejn l-imsieħba soċjali.
Tnaqqis fit-taxxa
Ir-rata ta’ taxxa personali ta’ 29% applikabbli għal dawk li jaqilgħu anqas minn sittin elf ewro se terġa’ titnaqqas għal 25%. Dan japplika wkoll għal kull komputazzjoni: singola, miżżewġin u ġenituri.
Ħelsien mit-Taxxa tad-Dħul fuq il-Paga Minima
Il-limitu attwalment ta’ €9,150 se jiżdied biex jieħdu kont tal-COLA. B’hekk qed jitneħħew il-piżijiet żejda fuq kull min ma jaqlax aktar mill-paga minima.
Ħelsien mit-Taxxa tad-Dħul lill-Pensjonanti
Dawl il-pensjonanti li l-pensjoni tagħhom ma taqbiżx l-ammont tal-paga minima se jkunu ħielsa mill-ħlas tat-taxxa. Minn din il-miżura, qegħdin igawdu aktar minn 16,000 pensjonant.
Għażla tar-Residenza Prinċipali għal fini ta’ Taxxa
Se jisaħħu s-sistema tat-taxxa sabiex jitnaqqas l-abbuż li jsir mill-eżenzjoni tat-taxxa fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ proprjetà li tkun residenza prinċipali għal aktar minn tliet snin. Għalhekk, se jitwaqqfu sistema fejn individwi jkollhom jelenkaw liema hi r-residenza prinċipali tagħhom skont regoli u kundizzjonijiet ċari.
Riforma tas-Sistemi ta’ Taxxa Proviżorja u dik Finali dwar il-Proprjetà
Biex indaħħlu aktar ċertezza u nnaqqsu l-burokrazija, ir-reġim fiskali kurrenti li huwa taħlita ta’ Taxxa Finali u Taxxa fuq id-Dħul ser jispiċċa. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, se nneħħu kompletament is-sistema ta’ taxxa ta’ 35 fil-mija u ser nintroduċu t-Taxxa Finali ta’ 8 fil-mija fuq il-valur tal-proprjetà trasferita. Dan ifisser ukoll li r-rata kurrenti ta’ 12% se tonqos għal 8%.
Se jkun hemm dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet:
1. Fil-każ ta’ individwi li fil-kors ta’ xogħolhom ma jinnegozjawx fil-proprjetà, ir-rata ta’ Taxxa Finali applikabbli mhux se tkun ta’ 8 fil-mija iżda se tkun waħda anqas, jiġifieri, ta' 5% fuq il-valur tal-proprjetà trasferita jekk il-proprjetà tiġi trasferita qabel 5 snin mid-data tal-akkwist tagħha.
2. Fil-każ ta’ proprjetà li ġiet akkwistata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, ir-rata ta’ taxxa finali applikabbli se tkun ta’ 10% fuq il-valur tal-proprjetà trasferita.
Trasferimenti ta’ proprjetà se jkunu soġġetti għal taxxa finali fuq il-valur tal-proprjetà mibjugħa mingħajr ma jitnaqqsu spejjeż. Din it-Taxxa Finali hija pagabbli meta jsir il-kuntratt tal-bejgħ.
Eċċezzjonijiet eżistenti u ħelsien ieħor mit-taxxa li jinkludu trasferimenti ta’ proprjetà okkupata bħala residenza prinċipali għal perjodu ta’ mill-anqas 3 snin, trasferimenti ta’ proprjetà fl-istess grupp ta’ kumpaniji, trasferiment ta’ proprjetà f’każijiet ta’ separazzjonijiet u bejgħ b’ordni mill-Qorti, se jibqgħu japplikaw.
Il-Ministru Scicluna qed ikompli bil-qari tal-baġit fejn għadu kif ħabbar li fil-preżent, għandna ħafna sitwazzjonijiet fejn kuntratti ta’ diviżjoni mhux qegħdin jiġu ffirmati minħabba l-ammont ta’ taxxa pagabbli. “Din il-miżura se tagħti ċans lis-sidien ta’ proprjetà biex jaqsmu bejniethom mingħajr ma joqogħdu jħallsu taxxa żejda. Sidien bi sħab se jkollhom il-faċilità li ma jbigħux is-sehem tagħhom” qal il-Ministru.