X’beħsiebhom iwettqu jekk jerġgħu jiġu eletti

Elezzjonijiet Lokali 2015 . . .

Jgħidu li kull bidu iebes - speċjalment jekk il-bidu huwa bidu ta’ karriera politika li ftit jew wisq ħafna drabi tibda’ bil-kandidatura għall-elezzjonijiet lokali. Kif forsi smajna wkoll, bħalissa għaddejja bħalissa l-kampanja tal-Kunsilli Lokali f’bosta lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Din il-kampanja, bħas-soltu qed tara kandidati ħerġin għall-ewwel darba, imma qed tara wkoll kandidati li għalkemm jistgħu jilgħabu l-karta tal-esperjenza, jridu wkoll jaffaċċjaw kostitwenza b’aktar aspettattivi, ċittadini li jistennew li dak li ma seħħx f’mandat, isir f’ieħor - jew isir aħjar. 

L-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ kunsilliera u sindki li beħsiebhom reġgħu jkunu kandidati f’dawn l-elezzjonijiet lokali. Huma tkellmu dwar dak li jqisu bħala l-aktar ħidmiet prominenti tul il-leġiżlatura tagħhom, dwar dak li għal raġuni jew oħra ma seħħx, jew seta’ seħħ b’mod aħjar u dwar x’aspettazzjonijiet għandhom jekk jerġgħu jintagħżlu mill-kostitwenti sabiex jirrappreżentawhom fuq livell lokali. 

Graziella Galea 

Kandidata għall-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar

L-aktar ħidmiet prominenti: 

  • Tkomplija tax-xogħol fuq toroq permezz ta’ fondi li nkissbu fil-leġiżlatura preċedenti
  • Tkomplija tal-użu ta’ fondi tal-UE sabiex ingħatat iktar importanza lis-siti storiċi tal-lokalità permezz ta’ progett u fondi approvati wkoll matul il-legiżlatura preċedenti
  • Intefaħ Sub-Office u beda x-xogħol fuq open gym

X’seta’ sar differenti? 

  • Ippjanar aħjar ta’ kif ser jintefqu l-flus b’mod li jsir xogħol u proġetti f’kull żona tal-lokalità
  • Applikazzjoni għal diversi skemi u fondi addizzjonali mill-kunsill lokali 

X’beħsiebek twettaq jekk tiġi eletta f’din l-elezzjoni? 

Il-prijorità tieghi ser ikun ir-resident. Matul is-snin li għaddew dejjem ħarist li nkun viċin tan-nies, mingħajr ebda distinzjoni politika, u hekk ser nibqa’ nagħmel. Nemmen ħafna fl-ideat tan-nies u nemmen li dawn l-ideat ikunu tajbin biex il-lokalità tavvanza. B’hekk verament nagħmel differenza. Irrid inħares il-ġid komuni u l-lokalità. Kull żona għandha tingħata importanza, għaliex kull resident jistħoqqlu l-aħjar. Ser nagħti importanza lid-diversi setturi li nsibu fil-lokalità, u nkompli ninvesti fl-għaqdiet tagħna sabiex dawn ikomplu jissaħħu. Ser naħdem biex ikollna iżjed spazji miftuħa għat-tfal. Ser nagħmel ħilti, sabiex jekk il-PN ikollu l-maġġoranza, flimkien ma’ sħabi l-kunsilliera inwettqu dak li hemm imniżżel fil-programm elettorali, għall- kuntrarju ta’ dak li ġara f’din il leġiżlatura.

Mario Gauci

Kandidat għall-Partit Nazzjonalista fil-Għargħur

L-aktar ħidmiet prominenti: 

  • Ġnien il-Paċi fejn inbidlu l-bandli kollha ma’ oħrajn aktar moderni u li huma konformi ma’ standards ta’ sigurtà
  • Ġnien tal-Ponta, ġnien viċin il-linja ta’ fortifikazzjoni magħrufa bħala l-Victoria Lines u li minnu wieħed jista’ jgawdi veduti panoramiċi  
  • Il-Kunsill kompla jiżgura li l-ambjent tar-raħal jinżamm fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni u nadif.  

X’seta’ sar differenti?

  • Jien naħseb li  matul din il-leġiżlatura stajna konna aktar effettivi fit-tixrid tal-informazzjoni għar-residenti. 
  • Il-Kunsill ħadem ħafna fuq ċerti problemi bħal bżonn li jinbena culvert fi Triq San Gwann fejn jinġabar ġafna ilma meta tagħmel ix-xita 
  • Il-bzonn li tigi installata ATM fir-rahal taghna. 

X’beħsiebek twettaq jekk tiġi elett f’din l-elezzjoni? 

Ser nizgura li bħala Kunsill inkomplu nieħdu inizjattivi ħalli r-raħal ta’ Ħal Għargħur jibqa’ jkun wieħed mill-aqwa postijiet residenzjali fil-gżejjer Maltin fejn ir-residenti igawdu kwalità ta’ ħajja mill-aħjar.  Importanti li l-Kunsill jibqa’ jkun viċin tar-residenti u jinsisti mal-Gvern Ċentrali sabiex ikollu r-riżorsi meħtieġa inkluż dawk finanzjarji sabiex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu u proġetti ta’ fejda għall-lokalità filwaqt li naraw kif nistgħu niksbu finanzjament minn sorsi oħra bħalma għamilna fil-passat. Se naħdem ukoll sabiex matul din is-sena jitlesta l-progett tal-kisi bit-tarmak ta’ Triq Fra D. Mifsud.

Christopher Fenech 

Kandidat għall-Partit Laburista fil-Għargħur

L-aktar ħidmiet prominenti: 

  • Il-bini mill-ġdid ta’ Ġnien il-Ponta tista’ tgħid li nbena mill-ġdid. Ħadna ħsieb li dan il-ġnien ikun aċċessibli ghal kulħadd
  • Il-bdil tal-bandli ta’ Ġnien il-Paċi. Inbnew ħitan tas-sejjieħ ġodda, b’passaġġi jserrpu qalb is-siġar 

X’beħsiebek twettaq jekk tiġi elett f’din l-elezzjoni? 

Jekk nerġa’ nkun elett fil-Kunsill Lokali jien beħsiebni nibqa’ qrib ir-residenti hekk kif dejjem kont tul dawn l-aħħar tliet snin. Ha nibqa’ nisma’ l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom u nieħu ħsieb li nressaqhom waqt il-laqgħat tal-Kunsill. Nieħu ħsieb li nibqa’ dejjem viċin l-għaqdiet tar-raħal u nkun dejjem ta’ għajnuna għalihom. Nara li dejjem jibqa’ jkun hemm konsultazzjoni sħiħa mar-residenti u l-għaqdiet tar-raħal f’kull deċiżjoni li tkun se tolqot lilhom direttament.

Ignatius Farrugia 

Kandidat għall-Partit Laburista fuq iż-Żurrieq 

Ħidmiet l-aktar prominenti:

  • Fil-qasam kulturali ħloqt festa annwali msejħa Festa Ħut li għaliha jattendu ħafna nies kemm mir-raħal tagħna kif ukoll minn Malta u Għawdex.
  • Rekord dwar l-iktar raħal li għandu bnadar. Iż-Żrieraq ingħaqdu f’festa ta’ kuluri fuq il-bjut tar-raħal tagħna fejn ittellgħu ‘il fuq minn 900 bandiera.
  • Sar xogħol fuq triq traffikuża ħafna - Triq Wied Babu fejn ingħatala wiċċ ġdid sabiex jitgawda minn dawk kollha li jużawha.
  • Infetħet mill-ġdid dar Mattia Preti sabiex tagħti raġġ ta’ dawl mill-ġdid lil nies imtaqqlin bil-problemi. Din id-dar saret Ċentru tar-Riżorsi għall-Familja taħt il-proġett LEAP

X’seta’ sar differenti?

  • It-twessigħ ta’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq 
  • L-għoti ta’ wiċċ ġdid lil Triq Ħal Far (triq arterjali li twassal sa Birżebbuġa). 

X’beħsiebek twettaq jekk tiġi elett f’din l-elezzjoni? 

Jekk nigi elett mill-ġdid, kif semmejt hawn fuq, beħsiebni nkompli naħdem sabiex titwessa’ Vjal ix-Xarolla, u jingħata wiċċ ġdid lil Triq Ħal Far, jinbena ċentru edukattiv għal komunità fiż-żona tal-Bebbux li diġà għandna l-pjanti ta’ dan il-proġett. Se naħdem ukoll sabiex ikollna żona miftuħa sabiex titgawda mill-annimali, outdoor gym, ħafna aktar servizzi mill-berġa tas-saħħa, u post għall-kenn fi Pjazza Mattia Preti sabiex dawk li jkunu qed jistennew it-trasport pubbliku jkollhom fejn jistkennu mill-elementi.

Dino Bonnici 

Kandidat għall-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq 

L-aktar prominenti tul din il-leġiżlatura?

  • Kien hemm ħidma pjanata tajjeb biex tikber l-attività kulturali permezz ta’ attivitajiet li jġibu magħhom ammont sabiħ ta’ nies anke minn barra r-raħal

X’seta’ sar differenti?

  • L-ippjanar irid ikun aktar bil-għaqal 
  •  għandna bħala lokalità nimbarkaw fuq proġetti akbar li jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ kulħadd. i.e toroq ġodda minflok ħafna patching; Out Door gym u Night shelter għall-anzjani.

 X’beħsiebek twettaq jekk tiġi elett f’din l-elezzjoni? 

Ilni ghal dawn l-aħħar tlett snin nitħabat biex ikollna Out Door Gym bħal ma għandhom ħafna lokalitajiet anke izgħar miż-Żurrieq. Ser nibqa’ naħdem u nistenna li jkollna l-appoġġ mixtieq. Imma wkoll irid inħares li l-liġi li tgħaqqadna lkoll bħala Kunsilliera eletti demokratikament tiġi mħarsa dejjem. Sfortunatament f’din il-leġiżlatura kien hemm mumenti fejn certi affarijiet setgħu saru b’mod aktar etiku u li tissalvagwardja l-liġijiet li aħna marbutin bihom.

Alex Muscat 

Kandidat għall-Partit Laburista fil-Mosta 

L-aktar ħidmiet prominenti?

  • Huwa pożittiv li numru ta’ toroq saru mill-ġdid
  • Proġett prominenti ieħor li huwa pożittiv kien ir-restawr tal-pont tal-isperanza

X’seta’ sar differenti?

  • Il-Kunsilliera ma ngħataw ebda opportunita’ li jiddiskutu u jipproponu toroq huma wkoll skont il-ħtiġijiet tal-familji u negozji. Ġejna ppreżentati fil-Kunsill b’lista ta’ toroq li kienu diġa’ intgħażlu. Nemmen li l-proċess tal-għażla kellu jkun wieħed ħafna iktar trasparenti u miftuħ.

X’beħsiebek twettaq jekk tiġi elett f’din l-elezzjoni? 

Għaż-żmien li ġej nemmen li l-kunsill lokali għandu jkun aktar trasparenti u qrib tar-residenti. Kif qed jagħmel fuq livell nazzjonali fejn qed iwettaq dak li wiegħed, il-Partit Laburista jista jagħmel aktar differenza u jdaħħal aktar ottimiżmu anke fuq livell lokali fil-Mosta jekk ikun f’maġġoranza. Bħala xogħol materjali, huwa fatt li fil-Mosta għad fadal ħafna xogħol importanti xi jsir fuq l-infrastruttura – it-toroq u l-bankini fuq quddiem nett. Kunsill ġdid irid jaħdem id f’id, u jinsisti, mal-Gvern Ċentrali biex iwettaq ix-xogħol li m’għamilx il-Kunsill preżenti.

James Cassar 

Kandidat għall-Partit Nazzjonalista fil-Mosta

L-aktar ħidmiet prominenti?

  • Kont nieħu ħsieb id-dekasteru afdat lili, jiġifieri l-kultura u l-attivitajiet, 
  • għent ukoll f’setturi oħra li fihom għandi kompetenzi bħalma huma t-trasport u ż-żgħażagħ. 
  • Mexxejt numru ta’ sottokumitati fuq ħidmiet varji. 
  • Barra dan kont ukoll f’kuntatt kontinwu mar-residenti Mostin biex insegwi l-ħtiġijet li kellhom u ngħinhom kif nista’

X’seta’ sar differenti? 

  • Għamilna numru ta’ laqgħat għar-residenti imma forsi stajna għamilna aktar minnhom biex dejjem iżjed nisimgħu ideat, opinjonijiet u suġġerimenti. 
  • B’kuntatt akbar inkunu interpreti aktar preċiżi tar-residenti u x-xewqat tagħhom. 

X’beħsiebek twettaq jekk tiġi elett f’din l-elezzjoni? 

Jekk ningħata l-fiduċja tar-residenti mill-ġdid bi ħsiebni nkompli nsaħħaħ il-kuntatt magħhom. Nara mhux biss l-istampa l-wiesgħa imma wkoll dik aktar personali u individwali. Fuq kollox dan għandu jkun ix-xogħol ta’ kunsillier – dak li jressaq liċ-ċittadin lejn il-kunsill u l-kunsill lejn iċ-ċittadin. Irrid nirsisti biex dak li għandu jsir isir, u jsir sewwa. Naħdem biex aktar toroq jiġu rranġata biex b’hekk aktar residenti jkunu sodisfatti. Nara li l-Mosta jkollha ambjent dejjem aktar sikur u akkoljenti. Ngħin biex insibu fondi u għajnuna biex jinġiebu u jitwettqu aktar proġetti ta’ fejda.

More in Politika