Il-Kummissjoni Ewropea bi tbassir tajjeb għall-ekonomija Maltija
Il-ħolqien tax-xogħol u r-rata ta' qgħad mistennija jkunu fost l-aħjar fiż-żona ewro
More in Politika
Il-ħolqien tax-xogħol u r-rata ta' qgħad mistennija jkunu fost l-aħjar fiż-żona ewro
Fil-Previżjoni tagħha tar-Rebbiegħa l-Kummissjoni Ewropea tbassar li l-ekonomija Maltija se jibqa’ jkollha riżultati tajbin ħafna, b’perspettiva makroekonomika favorevoli u b’aktar tnaqqis fid-defiċit tal-Baġit.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-miri tad-defiċit ta’ 2.7 fil-mija għall-2013 u ta’ 2.1 fil-mija għall-2014 intlaħqu u tistenna li d-defiċit jibqa’ jonqos għal 1.8 fil-mija fl-2015 u għal 1.5 fil-mija fl-2016. Tirrikonoxxi wkoll li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra kien jirrappreżenta l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-aħħar erba’ snin. Il-fatturi li l-aktar li kkontribwew għat-tkabbir robust irreġistrat fl-2014 kienu tkabbir qawwi fil-konsum privat, investiment aktar bil-qawwi, u n-nefqa tal-Gvern f’setturi produttivi.
Il-Kummissjoni tistenna li l-muturi ewlenin tat-tkabbir se jkunu l-investiment f’għadd kbir ta’ proġetti fuq skala kbira fl-oqsma tal-kostruzzjoni u tal-enerġija, kif ukoll il-konsum privat, u dan jirrifletti żieda fl-introjtu disponibbli u sentiment favorevoli fost il-konsumaturi. Fattur ewlieni ieħor li kkontribwixxa għat-tkabbir kienet żieda sostanzjali fl-assorbiment tal-fondi mill-UE.
Il-Kummissjoni tistenna li l-fatt li r-rati tal-imgħax qed jitbaxxew se jiffaċilita l-finanzjament għall-impriżi, u dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-kost tal-finanzjament għall-impriżi mikro u żgħar.
Skont il-Kummissjoni, il-ħolqien tax-xogħol u r-rata tal-qgħad huma mistennija jkunu aħjar minn dawk tal-pajjiżi l-oħra fiż-żona tal-ewro, filwaqt li tirrikonoxxi li l-ħolqien dinamiku tal-postijiet tax-xogħol se jibqa’ jikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell tal-attività ekonomika f’Malta.
“Sodisfatt bil-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħraf li l-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku f’Malta huwa l-investiment,” qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna filwaqt li żied jgħid li hija l-istabbiltà ekonomika, li hija l-frott ta’ tmexxija fiskali tajba, li attirat u se tkompli tattira dan l-investiment.