Lukanda ta’ ħames stilel flok l-bini tal-ITS

Il-Gvern ma jweġibx mistoqsijiet dwar kif se jagħti l-art u l-proprjetà

Jidher li bħalissa hemm taqtiegħa bejn numru ta’ żviluppaturi dwar min se jkun qiegħed jieħu f’idejh l-art u l-proprjetà fejn illum hemm l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), li hekk kif tħabbar mill-Gvern se jkun qed jimxi lejn Smart City f’investiment ta’ €56 miljun. Minkejja dan, l-ILLUM huwa nfurmat li l-post se jkun qed jinbidel f’lukanda ta’ ħames stilel u li l-iżvilupp l-aktar preferut mill-Gvern ċentrali, se jsir minn lukandier ewlieni Malti li diġà għandu investiment ta’ akkomodazzjoni turistika madwar il-pajjiż.

Għalkemm għandna din l-informazzjoni, il-Gvern ma xtaqx iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet li bgħatna dwar il-proprjetà tal-ITS u l-mod ta’ kif din se tkun qed tgħaddi f’idejn il-privat. L-ILLUM staqsa lill-Ministeru għat-Turiżmu jikkonfermax li l-art li fuqha mibnija l-ITS hux tal-Gvern u jekk iva x’beħsiebu jagħmel ladarba l-ITS timxi lejn Smart City. Din il-gazzetta staqsiet ukoll jekk il-Gvern hux qed jippjana li jbiegħ l-art, jikrihiex jew jagħtihiex lill-privat b’ċens.

Għalkemm bgħatna dawn il-mistoqsijiet iktar minn ġimgħa ilu, sakemm morna għall-publikazzjoni konna għadna bla risposta.   

B’hekk f’din iż-żona se jkunu qed isiru b’kollox tliet żviluppi li se jbiddlu din iż-żona f’Paceville b’mod komplet. Apparti dan l-iżvilupp fil-bini tal-ITS, se jkunu qed jitwaqqgħu l-Corinthia San Ġorġ u Marina kif ukoll il-lukanda Radisson, biex tinbena l-ewwel lukanda ta’ sitt stilel f’Malta. Fuq in-naħa l-oħra tal-bajja se jsir żvilupp fejn illum hemm Villa Rosa, fejn se jibnew numru ta’ bungalows fuq l-għolja li twassal għall-istess villa, waħda mill-karatteristiċi taż-żona li se tkun parti mill-proġett.

Intant il-Gvern, fil-baġit, ħabbar li se jkun qed iwaqqaf korporazzjoni għar-riġenerazzjoni tal-bajja li se tieħu ħsieb li l-post ma jsirx sit ta’ kostruzzjoni hekk kif se jkunu għaddejjin dawn it-tliet proġetti mmexxijin mill-privat.

 

More in Politika