Elezzjoni Ġenerali fit-tieni parti tal-2017

Konrad Mizzi għandu fil-mira tiegħu li l-PL jkollu manifest ‘rebbieħ’ li jkun lest, kemm jista’ jkun malajr...il-ħidma tiegħu se jkollha l-għan li terġa tressaq lejn il-partit Laburisti li 'mweġġgħin'

 

L-għaġġla li biha Konrad Mizzi ġie, effettivament, ‘appuntat’  Deputat Mexxej tal-Partit Laburista minn Joseph Muscat hija indikazzjoni li l-elezzjoni ġenerali hija aktar viċin milli wieħed  jista’ jimmaġina. 

L-indikazzjonijiet li għandha l-ILLUM minn sorsi infurmati sew huwa li din se sseħħ fit-tieni parti tal-2017 wara t-tmiem tal-Presidenza ta’ Malta fl-UE, li se tiswa lill-pajjiż sa €40 miljun 

L-uniku kandidat għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista kien, fil-fatt, Konrad Mizzi li preżentement huwa wkoll il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa.

Mizzi huwa, ġeneralment, magħruf bħala Ministru enerġetiku fl-oqsma li tagħhom huwa responsabbli u li għandu l-ħiliet organizzattivi u maniġerjali li l-partit se jkollu bżonn għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan se jkun importanti, l-aktar minħabba li preżentement huwa fost sezzjoni mdaqqsa ta’ partitarji Laburisti li l-PL qed ibati l-aktar. Joseph Muscat qed jiddependi fuq dawn il-ħiliet biex Mizzi jilħaq lil dawk il-mijiet, jekk mhux eluf ta’ Laburisti, irrabjati għall-PL.

Joseph Muscat qed jiddependi wkoll fuq il-kariżma u  l-imaġini ta’ politiku moderat li għandu Mizzi biex jerġa’ jirbaħ dik is-sezzjoni ta’ ‘switchers’ li l-partit tilef f’dawn l-aħħar tliet snin.

 

 

More in Politika