‘Ix-xemx għad terġa’ titla’ jekk tfittex l-għajnuna’

Id-Deputat Parlamentari Mario Galea jitkellem dwar l-esperjenzi tiegħu mad-dipressjoni u s-saħħa mentali

Id-deputat Mario Galea
Id-deputat Mario Galea

Jekk persuna jkollha inċident u tkun kisret saqajha, u jeħtieġ li tittieħed l-isptar, mhux se tiddejjaq li tgħid in-nies li marret għall-kura, jew anke tieħu selfie u titfgħu fuq il-media soċjali. Mhux l-istess jiġri meta persuna jkollha bżonn il-kura għal xi problema ta’ saħħa mentali, id-dipressjoni fost l-oħrajn. Hemmhekk tidħol l-istigma li sfortunatament, għadha tinħass ħafna fis-soċjetà. Dan sostnieh id-deputat Parlamentari Mario Galea.

Galea kellu l-kuraġġ li snin ilu, jitkellem fil-pubbliku dwar iż-żmien diffiċli li kien qed jesperjenza meta għadda minn perjodu ta’ dipressjoni. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Mario Galea dwar id-deċiżjoni li kien ħa sabiex is-sitwazzjoni li kien għaddej minnha. 

“Kien riskju għaliex ma tafx kif se jeħduha n-nies minħabba li jien persuna pubblika. Però, mill-banda l-oħra kont naf li huwa fatt ippruvat li meta persuna pubblika titkellem dwar dan il-qasam, tagħmel l-iktar impatt għaliex tinkoraġġixxi l-iktar nies jitkellmu u jfittxu l-għajnuna għal dawn il-problemi. Kien hemm riskju, imma ma jiddispjaċinix li ħadtu għax kien hemm rispons pożittiv.”

Meta mistoqsi jekk qatt kienx inkwetat li billi tkellem dwar il-problemi li kellu, kien se jara xi riperkussjonijiet elettorali jew fil-mod kif iħarsu lejh in-nies, Mario Galea sostna li kien riskju u meta qal b’dak li kien beħsiebu jagħmel lill-psikjatra tiegħu, kien qallu li din tista’ taffetwah elettoralment. “Minkejja dan,” kompla jsostni Galea, “kelli rispons verament pożittiv minn ħafna nies, li jkunu ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja u jgħiduli li bis-saħħa tal-kummenti li nkun għaddejt, irnexxielhom jagħmlu kuraġġ u jfittxu l-għajnuna huma wkoll.”

Il-membru parlamentari wera d-dispjaċir tiegħu għas-sitwazzjoni fis-soċjetà, fejn minkejja li r-rikonoxxa li sar ħafna titjib, “għadha stigma li titkellem dwar id-dipressjoni u ssib skiet li jtarrax meta titkellem dwar san għaliex kulħadd jiddejjaq jitkellem.”

Mario Galea kompla jitkellem dwar is-serjetà tal-problema tad-dipressjoni, li jaf ukoll twassal għal sitwazzjonijiet ferm iktar gravi. Dan għaliex, kif qal Galea stess, “id-dipressjoni li tibqa’ mhux ikkurata hi l-akbar kawża tas-suwiċidju, u hi inkwetanti ħafna li madwar 70% ta’ dawk li għandhom id-dipressjoni, jibqgħu ma jmorrux għall-kura.” Kompla jappella li wasal iż-żmien, “li nitkellmu fuq is-suwiċidju għaliex hemm skiet li jtarrax dwar dan.”

Sostna wkoll li l-lingwaġġ tagħna l-Maltin ma tantx jgħin biex tinqata’ l-istigma mis-soċjetà. “Għandna lingwaġġ li hu tqil fih innifsu u nużaw kliem bħal miġnun, spissjat u għandu skorfina nieqsa biex nirreferu għal min għandu problema ta’ saħħa mentali.” Tkellem ukoll dwar il-konnotazzjonijiet negattivi li għandu l-Isptar Monte Carmeli meta qal li, “f’soċjetà żgħira bħalma hi tagħna, min jgħid li sejjer Monte Carmeli, iħallas prezz għoli għaliex ikun hemm min jibda jħares lejh b’mod suspettuż.”

Finalment, id-deputat Parlamentari appella sabiex min jinsab għaddej mid-dippressjoni jew xi problema ta’ saħħa mentali oħra, ma jiddejjaqx ifittex l-għajnuna, “għaliex ix-xemx għad terġa’ titla’ wara dan kollu. Ħu minni pereżempju, illum inħossni tajjeb ħafna u komplejt bix-xogħol tiegħi. Bħal min ikollu l-pressjoni għolja, jieħu pillola, min ikollu d-dipressjoni jkollu bżonn il-kura,” temm jgħid Mario Galea.

More in Politika