'Ma nemminx li tista' tindaħal u timponi l-prezz ta' kirja privata'

Il-Ministru Farrugia jirreaġixxi għall-proposta ta' Yana Mintoff Bland  - Iħabbar li l-Gvern u l-Caritas se jiftħu servizz ta’ emerġenza għal dawk in-nies li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom

Il-Ministru Michael Farrugia
Il-Ministru Michael Farrugia

"Ma nemminx li tista tindaħal u tgħid lil persuna kemm għandu jkun il-prezz ta’ kirja privata, kif ma nemminx li tista tmur f’ħanut u tiddetermina prezz ta’ prodott.” Hekk sostna l-Ministru tal-Familja u Solidarjeta Soċjali Michael Farrugia waqt laqgħa organizzata mill-Alleanza Kontra l-Faqar ilbieraħ, f’dik li tista titqies bħala l-ewwel reazzjoni tiegħu fil-pubbliku għall-proposta ta’ Yana Mintoff Bland dwar kontrolli fuq kemm kirjiet privati jistgħu jogħlew.

L-istorja dwar il-proposta ta' Mintoff Bland kienet ippublikata fuq il-gazzetta ILLUM u ġabet reazzjonijiet diversi bl-Alleanza kontra l-faqar u individwi u opinjonisti oħrajn jesprimu ruħhom favur u l-Malta Developers' Association u l-Gvern jesprimu ruħhom kontra. Mal-istess gazzetta l-PN sejjaħ il-proposta ta' Mintoff bħala waħda "drastika" għalkemm qal li lest jistudja l-impatt tagħha u jikkunsidraha għall-programm elettorali tiegħu.

Il-Ministru Farrugia qal illi minflok intervent dirett fis-suq il-Gvern se jkun qiegħed jaħdem fuq proġetti ta housing biex iwieżen lil dawk li jinsabu fil-bżonn. Hu kien qed jirreferi għall-proġett li se jiswa €50 miljun u li se jkun mifrux f’16-il sit madwar il-pajjiż kollu.

Ma’ dan ma qabilx l-Avukat u riċerkatur tal-housing  Kurt Xerri li sostna, kif fil-fatt għamel bosta drabi fuq il-gazzetta ILLUM, illi l-Gvern għandu dmir li jirregola s-suq. Xerri semma każ ta’ persuna li kienet ilha tmien snin sħaħ tikri post b’€230 fix-xahar biex din is-sena kienet iffaċċjata minn talba ta’ żieda għal kera ta’ 50% biex b’hekk il-kera għolietilha għal €345 fix-xahar. Xerri sostna illi huwa importanti li l-profitabilita’ tas-sid tkun aċċertata, madankollu huwa sostna wkoll li huwa importanti li d-drittijiet ta’ min qed jikri jkunu mħarsa. Xerri ppropona sistema simili għal dik li proponiet Mintoff, jew kuntratt ta' madwar tliet snin illi matulu l-prezz tal-kirja ma' jkunx jista jogħla b'aktar minn massimu stabbilit. 

 Intant f’din l-istess laqgħa il-Ministru Farrugia żvela kif f’Lulju se jkun qed jinfetaħ ċentru ta’ emerġenza għall-persuni li jiġu mingħajr post fejn jgħixu ikollhom fejn joqgħodu u li se jkun qed jinfetaħ permezz ta’ ħidma bejn il-Gvern u l-Caritas. Apparti minn hekk iċ-ċentru se jkun jista jimmaterjalizza wkoll grazzi għall-għajnuna li qed tagħti l-kumpanija Alf Mizzi& sons.

Ma nemminx li tista tindaħal u tgħid lil persuna kemm għandu jkun il-prezz ta’ kirja privata, kif ma nemminx li tista tmur f’ħanut u tiddetermina prezz ta’ prodott Ministru Michael Farrugia

F’laqgħa pjuttost movimentata li għaliha attendew numru ta’ nies il-Ministru Farrugia ma tax risposta diretta dwar jekk jaqbilx li tiżdied il-paga minima jew le. Minflok, huwa qal li l-alternattiva għal żieda hija li jingħataw benefiċċji lilhinn mill-paga li taqla’ persuna.

Neħtieġu reviżjoni ta' min jista jgħix f'akkomodazzjoni soċjali - Stefan Zrinzo Azzopardi

Meta kien qed jitkellem waqt l-istess laqgħa Stefan Zrinzo Azzopardi fakkar fil-liberalizzazzjoni fil-liġi tal-kera, b’żidiet gradwali fuq l-antiki. “Illum, ħafna nies qed jiġu Malta minħabba li qed isibu xogħol hawn u qed jikru. Kważi, kważi qed inħarsu lejn sitwazzjoni fejn anke housing bi prezz affordabbli illum, qed isir inaċessibbli” saħaq l-avukat Zrinzo Azzopardi.

Zrinzo Azzopardi ammetta li dawn il-bidliet saru f’rankatura u qal illi waħda mis-soluzzjonijiet tista tkun reviżjoni fil-mod ta’ kif persuna tiret jew tibqa’ tgħix f’post tal-Gvern, anke jekk ma tibqax taqa’ fil-qafas ta’ nies eleġibbli li jgħixu fi proprjeta’ tal-Gvern minħabba li jkollhom dħul li jeċċedi l-istess eleġibilita. Zrinzo Azzopardi qal li hemm bżonn li jkunu riveduti sitwazzjonijiet fejn persuna li tingħata post tal-Gvern, meta verament tkun eleġibbli u fil-bżonn tibqa’ tgħix fih, anke meta d-dħul tagħha jiżdied b’mod li ma tista bl-ebda mod tibqa’ titqies bħala każ soċjali.  

 

More in Politika