Mill-istatistika tas-servizzi li ngħataw matul l-aħħar sena, iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid kien l-aktar wieħed li kellu attività fih. Dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni li jgħixu fiż-żona u anke minħabba l-fatt li l-lokalitajiet li jaqgħu taħt dan iċ-ċentru, jinsabu verament qrib ta’ Raħal Ġdid, u għaldaqstant tkun faċli biex wieħed jilħqu.
Il-proġett maġġuri fejn tidħol il-kura primarja, huwa l-bini ta’ ċentru tas-saħħa ġdid f’Raħal Ġdid, minflok dak preżenti, li sar żgħir wisq għall-ħtiġijiet li jrid jaqdi.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kura Primarja Renzo Degabriele jispjega kif is-sit preżenti m’għadux vijabbli, “għaliex qegħdin ippakkjati qisna sardin hemmhekk.” Imma fis-sit il-ġdid, “anke se jkun hemm sular għall-‘operating theatre’ għall-każijiet tad-‘day surgeries’, biex nagħmlu ċertu operazzjonijiet li bħalissa qegħdin isiru Mater Dei. Prattikament, se jkun qisu mini Mater Dei.”
Degabriele spjega kif dan il-proġett huwa wieħed maġġuri, bl-ispiża mistennija tlaħħaq id-€39 miljun. “Fi żmien erba’, ħames snin, nittamaw li nkunu qegħdin fil-fażi li nkunu se niftħu dan iċ-ċentru.” Preżentement, ix-xogħlijiet għadhom ma bdewx għaliex il-Gvern għadu qed jistenna l-iva, min-naħa tal-Unjoni Ewropea fejn jirrigwrdaw il-fondi. “Issottomettejna l-applikazzjoni għall-fondi Ewropej f’April, hekk kif fetħu, u qed nistennew risposta li nittamaw li tkun pożittiva għal bejn wieħed u ieħor Ottubru ta’ din is-sena. Ix-xogħol għalih, fis-sens ta’ pjanar diġà saru għaliex nafu kemm għandu jiswa u kif se jkun imqassa. Anke t-tenders diġà qegħdin lesti u allura meta ningħataw l-approvazzjoni min-naħa tal-UE għall-applikazzjoni, jinħarġu t-tenders u nibdew il-proġett mill-ewwel, u sal-2020-2021 ikollna ċentru tas-saħħa ‘state of the art’ kif konna ngħidu għal Mater Dei.” Degabriele spjega li f’dan il-‘hub’ il-ġdid tas-saħħa, minbarra li se jkun hemm is-servizzi li diġà qed jingħataw, “se jiżdiedu ħafna u ħafna servizzi.”