Tliet kwarti ta’ miljun fis-sassla Franġiskana

Taraġ ta’ €1 miljun biex minn tal-linja titla’ s’għand il-Ministru

It-taraġ pjanat se jiswa xejn inqas minn miljun ewro... terz l-ispiża tal-proġett kollu
It-taraġ pjanat se jiswa xejn inqas minn miljun ewro... terz l-ispiża tal-proġett kollu

Is-sassla tal-Franġiskani Konventwali fir-Rabat Għawdex mistennija timtela’ mhux ħażin hekk kif missithom ix-xorti li jirċievu madwar €750,000 fi flus għall-esproprijazzjoni ta’ biċċa art, grazzi għal taraġ li l-Gvern iddeċieda li jrid jibni bħala parti minn proġett li se jsir fl-inħawi.

L-ILLUM tinsab infurmata li dan it-taraġ li se jsir biex jgħaqqad il-venda tal-linja tar-Rabat Għawdex ma’ Pjazza San Franġisk, fejn hemm il-Ministeru t’Għawdex, se jiswa mal-€1 miljun. Dawn jinqasmu fi kważi €750,000 lill-Franġiskani u €350,000 għal bini tat-taraġ waħdu mingħajr finishings.

Il-proġett kollu kemm hu se jkun qed jiswa €3 miljuni, li jfisser allura li dan it-taraġ waħdu, li minn tal-linja jieħdok s’għand il-Ministru, se jammonta għal 33% tan-nefqa totali.

‘Din hija kwistjoni ta’ prijoritajiet ħżiena f’Għawdex’

L-ILLUM għamlet kuntatt mal-Provinċjal tal-Franġiskani Konventwali Fr. George Zammit, li min-naħa tiegħu ma xtaqx li jelabora dwar l-ammont ta’ flus li l-ordni se tkun qed tieħu mill-esproprijazzjoni. Mistoqsi jekk hux veru li l-ammont se jersaq lejn il-miljun ewro, Zammit qal biss “assolutament li le. Żgur li le. Se nieħdu ħafna, ħafna inqas minn hekk.”

Fil-fatt kien il-Ministeru t’Għawdex li kkonferma li l-esproprijazzjoni se tfisser li l-Gvern se jagħti ‘ftit aktar minn €700,000’ , bis-sorsi li tkellmu mal-ILLUM jgħidu li fil-fatt l-ammont ta’ flus li l-Franġiskani se jieħdu se jkun eqreb tat-tliet kwarti ta’ miljun, jew €750,000.

L-ILLUM staqsiet kif il-Ministeru t’Għawdex jiġġustifika spiża tant kbira fuq taraġ biss. Kelliema għall-istess Ministeru qalet li dan it-taraġ se jkollu jsir ‘biex jitneħħa l-periklu eżistenti bl-aċċess dejjaq li hemm biex wieħed jidħol fi Pjazza San Franġisk minn Triq Putirjal.’ Il-kelliema tkompli tgħid li kien għalhekk li l-Gvern kellu jixtri biċċa art ta’ 574 metru kwadru mingħand l-ordni Franġiskana.

L-ILLUM staqsiet lill-Ministeru kif wasal għal dan l-ammont, bil-kelliema tgħid li l-esproprijazzjoni ta’ kwazi €750,000 ‘kien iffissat bħala ġust mid-Dipartiment tal-Evalwazzjoni tal-Art, minħabba li huwa prime site kummerċjali f’żona ta’ żvilupp.’

Intant l-ILLUM għamlet kuntatt ukoll mal-Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said u talbitu reazzjoni għal din l-esproprijazzjoni u l-ispiża għal din il-parti tal-proġett. Hu qal li din hija kollha “kwistjoni ta’ prioritajiet ħżiena. Ifhem, taraġ mill-bus terminus għal pjazza huwa idea tajba, imma din hija l-priorità għal Għawdex bħalissa? Jekk dak li qed tgħid l-ILLUM huwa minnu u li dan it-taraġ se jiswa’ €1 miljun, naħseb li Għawdex għandu prioritajiet ħafna iktar importanti fejn jonfoq dawn il-flus. L-aktar f’infrastruttura ta’ diversi toroq arterjali li għandhom fi stat ħażin ħafna.”

Apparti t-taraġ il-proġett se jinkludi t-tisbieħ taż-żona fejn hemm it-terminus, kif ukoll ta’ Pjazza San Franġisk. Il-ġimgħa l-oħra fil-paġni ta’ Għawdex ta’ din il-gazzetta kienu żvelati l-ewwel disinni ta’ dan il-proġett, bil-kelliema tal-Ministeru tiddiskrivih bħala parti ‘mill-kunċett ta’ eko-Għawdex, bi spazji miftuħin’ u li se ‘jagħti arja iktar nadifa’ lill-gżira Għawdxija. 

More in Politika