‘Tużawx il-faqar bħala ballun politiku’
'L-istatistika tal-NSO hija inkoraġġanti imma xorta mhux biżżejjed'
minn Veronica Lynn Mizzi
Hekk kif din il-ġimgħa ġiet ippubblikata statistika mill-NSO dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Maltin, ġie nnutat tnaqqis ta’ 5,000 persuna li kienu fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali, li jammonta għal ċaqliq ta’ madwar 1.5%. Deher ukoll kif tnaqqsu b’8,516 il-persuni li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali severa u b’ 20,000 dawk li kienu f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali.
L-istess statisika tinnota wkoll li minkejja dan it-titjib, kien għad hemm 8.1% tal-persuni, jgħixu fi stat ta’ deprivazzjoni severa. Din id-deprivazzjoni tiġi mkejla billi jitqiesu disa’ punti, li jekk il-familja ma tistax tagħmel tlieta minnhom, tiġi kkunsidrata li għandha deprivazzjoni materjali, waqt li jekk ma tkunx tista’ tagħmel erbgħa minnhom, tkun meqjusa bħala severament deprivata. Dawn il-punti jinkludu fost l-oħrajn li l-familja għandha televixin tal-kulur, li għandha magna tal-ħasil, telefon jew mobile u karozza. Fil-fatt, fost dawn il-punti jidher kif madwar 15% tal-persuni ma jistgħux iħallsu għal ikla laħam jew ħut għal tliet darbiet f’ġimgħa, u li waqgħu lura fil-pagamenti tagħhom tal-kera, loans u kontijiet.
Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ diversi persuni attivi f’dan il-qasam sabiex tieħu r-reazzjonijiet tagħhom dwar din l-istatistika u x’turi dwar ir-realtà ta’ dawn il-familji.
Charles Miceli, mill-Alleanza Kontra l-Faqar sostna li l-faqar spiċċa bħala ballun politiku miż-żewġ partiti. Saħaq li l-kejl, jew ir-rigi li jiġu użati fi statistiċi ta’ dan it-tip, mhux neċessarjament ikunu rappreżentattivi minħabba li juru kemm taqla’, imma ma jikkunsidrawx kemm ikollok spejjeż. Miceli kompla jispjega li jista’ jkollok persuna li taqla’ €8,000 fis-sena, imma jkollha tħallas mas-€6,000 minnhom f’kirja u kontijiet. “Din ma tiġix meqjusa bħala persuna li tinsab fil-faqar għaliex tkun taqla’ iktar mil-limitu, imbagħad ikollok persuna li taqla’ €7,000, b’€200 kera, u tkun meqjusa fil-faqar.” Miceli jkompli jinsisti li jeħtieġ li jkun hemm tip ta’ ‘riga’ aħjar, fejn semma’ l-istudju tal-Caritas bħala iktar rappreżentattiv.
Sostna li l-problema hija li timxi l-mentalità li s-suq isuq, “u nibżgħu nitkellmu dwar dan, qisha xi baqra sagra.”
Miceli temm jappella lill-politikanti li hemm bżonn li “nagħmlu rasna flimkien u naraw kif se noħorġu mill-faqar lil dawk li qegħdin hemm isfel, u mhux nużawhom għax tkun ġejja l-elezzjoni.”
Min-naħa tiegħu, id-direttur tal-Caritas Malta, Leonid McKay qal li fir-rapport kien hemm bosta xejriet pożittivi, iżda kien hemm ukoll dawk inqas pożittivi. McKay innota kif għalkemm kien hemm tnaqqis fil-persuni taħt it-18-il sena li kienu f’riskju ta’ faqar, ġiet innutata żieda fin-numru ta’ persuni anzjani.
Żied jgħid li għal diversi snin, kienet tidher trend ’il fuq fin-numru ta’ persuni fil-faqar jew fir-riskju tiegħu, iżda issa qed naraw tibdil fil-pożittiv. McKay kompla jinnota li dan iċ-ċaqliq kien pożittiv għal sentejn fuq xulxin, li turi li nqabdet xejra pożittiva.
“Dan xorta mhuwiex biżżejjed, imma huwa inkoraġġanti. Minkejja dan it-titjib, kulħadd jaf li fir-realtà, il-persuni li għandhom il-problemi huma ħafna. 8% hija rata għolja ta’ persuna li ma jistgħux jixtru affarijiet bażiċi,” kompla jgħid id-direttur tal-Caritas.
Temm jgħid li baqa’ ħafna xi jsir partikolarment f’żoni u tipi ta’ familji partikolari, fosthom familji b’single parents.
Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, min-naħa l-oħra ma kinetx daqstant pożittiva. Fil-fatt, ix-shadow minister għall-politika soċjali Paula Mifsud Bonnici f’kummenti li għaddiet lil din il-gazzetta, qalet li dawn iċ-ċifri, “huma konferma ċara tad-daqqa qawwija li qalgħu dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli u li għandhom dħul baxx.” Mifsud Bonnici sostniet li kien hemm żieda ta’ kważi 3,700 ruħ fir-riskju ta’ faqar, u żiedet tgħid li l-aktar li ħadu daqqa qawwija kienu l-anzjani, b’żieda ta’ iktar minn 5,500 anzjan.
“Dan jikkonferma li minkejja li l-Prim Ministru jiftaħar ħafna b’ekonomija pożittiva u b’saħħitha, din l-ekonomija mhijiex qed tidħol fil-familji u n-nies li l-iktar għandhom bżonn,” kompliet tgħid ix-shadow minister, li temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista diġà wiegħed li jekk ikun fil-Gvern, “ineħħi t-taxxa fuq il-faqar li introduċa dan il-Gvern u allura jreġġa’ lura l-prezzijiet tal-housing għal dawk li kienu qabel żiedhom Joseph Muscat.”
Il-Ministru għall-familja u s-solidarjetà soċjali, Michael Farrugia min-naħa tiegħu qal li minkejja li dawn l-istatistiċi huma pożittivi għaliex raw tnaqqis kbir ta’ nies mill-faqar, enfasizza li din l-istatistika hija tal-2015, u bbażata fuq figuri tal-2014, u għaldaqstant il-miżuri li ddaħħlu fil-baġit tal-2015 bħall-inwork benefits, mhumiex inklużi. Fi stqarrija, l-Gvern saħaq ukoll li, “għal eluf ta’ persuni li l-aktar qegħdin fil-bżonn, il-ħidma ta’ dan il-gvern, qed tagħmel differenza, filwaqt li r-riżultati pożittivi huma ċari u juru li dan il-Gvern miexi fit-triq it-tajba.”