Leo Brincat, li llum kien approvat għall-kariga fil-Qorti tal-Awdituri Ewropea għada l-Ġimgħa se jkun qiegħed jitfa' r-riżenja tiegħu minn Deputat Parlamentari wara 24 sena. Brincat kien elett għall-ewwel darba fl-1982 u baqa' jkun elett mingħajr interuzzjoni minn dik l-elezzjoni.
Ir-riżenja ta' Brincat għada se tkun qed tiftaħ il-bibien għall-proċess illi permezz tiegħu post Brincat fil-Parlament jkun mimli minn xi ħadd ieħor. Skont il-voti li ġabu l-Kandidati Laburisti fid-disa' Distrett, fejn Brincat kien elett, jidher illi Clifton Grima huwa l-favorit biex jieħu s-siġġu Parlamentari. Grima kien ġab 1,464 vot mal-ewwel għadd u 1,550 mal-10 għadd. Jaqbżuh kien hemm Brincat b'2,275 fl-ewwel għadd u 2,414 fl-10 għadd, Manwel Mallia (2,950 u 3,093) u Michael Falzon (1,892 u 1,994).
Sakemm ma jkunx hemm proċess ta' co-option minflok by-election jidher illi Grima, li bħalissa huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Carmeli,għandu l-akbar ċans li jieħu post Brincat u għalhekk isir Deputat għall-ewwel darba.