Minn 'poġġuti' għal koabitanti
Wara 20 sena ta’ wegħdi, 4,000 koppja li qed jikkoabitaw se jkunu mogħtija drittijiet u protezzjoni legali. L-ILLUM tispjega x’fiha l-liġi tal-koabitazzjoni
minn Ruben Anthony Xuereb
Fl-2011 kien hawn madwar 4,000 koppja mhux miżżewġa, nofshom bit-tfal, li ma kinux irregolarizzati u għaldaqstant bla drittijiet.
Lura għall-1998 dawn il-koppji kienu mwiegħda li se jkunu protetti mill-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni. Tliet leġiżlaturi u 15-il sena wara, baqa’ ma sar xejn ħlief abbozz ta’ liġi fl-2012 li baqa’ fuq il-karta.
Dan se jkun qed jinbidel hekk kif qed ikun mistenni li bejn aktar tard din is-sena u kmieni s-sena d-dieħla, tgħaddi l-liġi ppreżentata mill-Ministru Helena Dalli li se tassigura d-drittijiet u telenka d-dmirijiet għal aktar minn 4,000 koppja f’relazzjoni bejniethom li jgħixu flimkien, mingħajr mhuma miżżewġin.
L-ILLUM tkellmet ma’ Desiree Attard mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili li spjegat l-abozz dwar liġi ġdida għall-koabitazzjoni aktar fid-dettall u kif dan se jħares lejn tliet forom ta’ koabitazzjoni li jkopru tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet differenti ta’ koppji.
Mark, raġel separat u Debbie, divorzjata, ilhom jgħixu flimkien f’appartament mikri għall-dawn l-aħħar tliet snin. Peress li Mark għadu mhux legalment divorzjat, il-koppja tista’ tidħol għal qbil ta’ koabitazzjoni bejniethom fejn sempliċiment bi provi li ilhom aktar minn sentejn jgħixu flimkien, huma se jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dritt li jiġu meqjusa bħala inkwilini pari. Minbarra d-drittijiet ta’ inkwilini, Mark u Debbie jkunu legalment ikkunsidrati bħala l-eqreb persuna ta’ xulxin, kif ukoll ikunu intitolati għal drittijiet ta’ suċċessjoni u jkollom jedd fuq deċiżjoni għal kura medika ta’ xulxin. Bħall-koppji miżżewġa, bħala koppja li tikkoabita taħt il-liġi l-ġdida, Mark u Debbie jista’ jkollom ukoll id-dritt li jagħżlu li ma jixhdux kontra xulxin.
Paul u Claire ilhom numru ta’ xhur f’relazzjoni u l-affarijiet bejniethom sejrin tajjeb biżżejjed biex it-tnejn jixtiequ jgħixu taħt l-istess saqaf. Peress li kemm Paul u Claire huma single, bl-istess mod bħallikieku wieħed minnhom jew it-tnejn li huma kienu legalment divorzjati, jistgħu jagħżlu li jikkonvivu permezz ta’ kuntratt ta’ koabitazzjoni magħmul għand nutar.
Il-koabitazzjoni permezz ta’ kuntratt hija waħda li tagħti l-aħjar protezzjoni u drittijiet liż-żewġ partijiet tal-koppja. Bl-istess mod bħalma xi koppji jagħmlu kuntratt pre-matrimonjali, il-koppja li trid tikkoabita tista’ tagħmel dan il-kuntratt legali ma’ nutar.
Taħt il-liġi l-ġdida tal-koabitazzjoni, Paul u Claire jistgħu jiċċaraw minn qabel il-kundizzjonijiet kollha relatati mar-relazzjoni u l-legalitajiet tal-koabitazzjoni tagħhom. Permezz tal-kuntratt, Paul u Claire jista’ jkollom drittijiet ta’ inkwilini pari li jippermettilhom jaqsmu l-ispejjeż kollha relatati mal-proprjetà nofs bin-nofs, inkluż id-diviżjoni tal-assi u djun bejniethom.
Barra minn hekk, dan il-ftehim se jkun qed jagħti lill-koppja l-maġġoranza tad-drittijiet li sal-llum, huma riservati biss għall-koppji miżżewġa. Taħt il-liġi l-ġdida, Paul u Claire jitqiesu mhux biss bħala inkwilini, iżda bħala membri ta’ familja. Huma jiġu mogħtija l-istess drittijiet ta’ suċċesjoni, pensjoni u benefiċċji tal-invalidità, maternità, u children’s allowance.
L-uniku dritt li mhux se jgawdu minnu Paul u Claire bħala koppja li tikkoabita se jkun dwar id-dikjarazzjoni tat-taxxa, fejn it-tnejn li huma se jkollhom jibqgħu jiddikjaraw bħala single u mhux bħala miżżewġin.
Taħt il-kuntratt ta’ koabitazzjoni, Paul u Claire se jkollom drittijiet taż-żewġ parti f’każ li jinfirdu, fejn it-tnejn li huma jaqsmu kollox bejniethom, kif ukoll jiftehmu minn qabel dwar manteniment lejn xulxin.
F’każ li koppja li tagħmel il-kuntratt ikollhom ukoll it-tfal bejniethom, fil-kuntratt jiġu stipulati kundizzjonijiet li jissalvagwardjaw id-dritt ta’ fejn u ma’ min jgħixu t-tfal f’każ li l-koppja tissepara.
Rachel ilha tgħix ma’ George għal iktar minn ħames snin. Hija waqfet taħdem wara li hi u George kellhom tarbija. George avvanza fil-karriera tiegħu filwaqt li Rachel spiċċat mingħajr salarju hekk kif kellha tibqa’ d-dar mat-tarbija. George qed iħallas l-ispejjeż kollha u bħalissa mhux juri x-xewqa li jagħmel il-koabitazzjoni tiegħu ma’ Rachel uffiċjali. Dan ifissier li f’każ li huma ma jibqgħux flimkien, Rachel tkun fil-periklu li tispiċċa b’xejn, saħansitra bla saqaf fuq rasha peress li hija finanzjarjament dipendenti fuq George, iżda mhux rikonoxxuta legalment bħala s-sieħba tiegħu.
Forma oħra ta’ qbil dwar il-koabitazzjoni li jista’ jissalvagwardja lil Rachel u jkollha drittijiet, se jiġi f’forma ta’ kuntratt ‘unilaterali’, li jfisser li Rachel waħedha tista’ tagħmel talba għad-drittijiet tal-koabitazzjoni permezz ta’ avukat.
Bi provi li ilhom jgħixu flimkien bħala koppja għal aktar minn sentejn, Rachel tkun tista’ tagħmel talba biex ikollha dritt ugwali fuq l-għamara u l-kontenut tad-dar li xtrat il-koppja, kif ukoll is-serħan tal-moħħ li f’każ li l-koppja tħassar, hija tkun tista’ tibqa’ tgħix fid-dar komuni sakemm issib post ieħor. Bħala koabitant legali, Claire ikollha wkoll id-dritt li tibqa’ tgħix fid-dar anke f’każ li George jiġi nieqes. Fuq kollox, bħala omm, Claire ikollha d-dritt legali għall-manteniment tat-tfal. Ovvjament, bħala parti mill-qbil tal-koabitazzjoni, min-naħa tagħha Claire ikollha d-dmir li taqsam l-ispejjeż kollha ma’ Ġorġ, jew tiġi mogħtija krettu tax-xogħol li tkun qed tagħmel id-dar.
Wara li tinħareġ din l-ittra minn avukat, Ġorġ ikollu l-għażla li jew jaċċetta t-termini u jidħol fi qbil ta’ koabitazzjoni legali, jew jikkontesta t-talba ta’ Rachel fil-Qorti.
Permezz tal-liġi l-ġdida dwar il-koabitazzjoni, issa anke Keith u Andrew, koppja gay li ihom snin f’relazzjoni, jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet li din se ġġib magħha. Dan anke minħabba l-fatt li dan l-aħħar abbozz li ġie preżentat fil-jiem li għaddew, kien l-ewwel wieħed li nkluda koppji tal-istess sess fuq l-istess livell ta’ dawk etero, li se jkollhom id-dritt japplikaw għal stat ta’ koabitanti legali.
Il-koabitazzjoni se tkun alternattiva għaż-żwieġ, li tipprovdi ammont ta’ drittijiet simili għalih, u bi lqugħ minn qabel għad-drittijiet taż-żewġ partijiet fl-eventwalità li l-koppja tħassar, permezz ta’ kuntratt flessibbli bi ftehim matur u biċ-ċar bejn iż-żewġ naħat.
Permezz tal-liġi li tirregolarizza l-koppji li jikkoabitaw, it-tama tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili hija li fi żmien ħames snin, kulħadd ikun irregola ruħu sal-punt li anke l-għażla tal-ittra bl-avukat lanqas tibqa’ neċessarja u l-koppji kollha jirregolarizzaw ruħhom taħt it-tieni tip ta’ qbil provdut mil-liġi.