Refalo 'rilaxxat' minn kull akkuża fil-'każ Bogdanovic'

L-inkjesta tgħid li fil-każ tal-futboler tax-Xewkija Tigers, 'ma saret l-ebda tip ta’ pressjoni la politika u lanqas ta’ xorta oħra'

L-inkjesta dwar il-ħelsien mill-Arrest tal-pjejer tax-Xewkija Tigers, Danijel Bogdanovic tikkonkludi li ma kien hemm l-ebda indħil fir-rilaxx tiegħu u dan wara li ġew mismugħa recordings ta’ telefonati li saru u anke ttieħdet ix-xhieda ta’ kull min kien involut f’dan il-każ.

Dan intqal minn stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Mill-investigazzjoni, li tmexxiet mill-eks Brigadier Carmel Vassallo, jirriżulta li ma saret l-ebda tip ta’ pressjoni la politika u lanqas ta’ xorta oħra. Jingħad ukoll li kien hemm telefonata waħda li saret ma’ xi ħadd barra l-Korp tal-Pulizija, li kien il-coach ta’ Xewkija Tigers Jesmond Zammit u li huwa wkoll Kap tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, liema telefonata ma rriżulta mkien li serviet ta’ pressjoni fuq il-każ. Tant, li l-coach kien diġa’ għamel arranġamenti biex jittella’ xi ħadd ieħor biex jilgħab il-logħba fin-nuqqas tas-Sur Bogdanovic.

Tikkonkludi wkoll li kienet konversazzjoni bejn is-Supretendent u l-Ispettur tal-għassa tar-Rabat Għawdex li wasslu biex tittieħed deċiżjoni mill-Pulizija dwar police bail. “L-element ta’ nuqqas ta’ sensittivita’ f’din id-deċiżjoni jibqa’ preżenti, m’hemmx dubju,” issostni l-inkjesta.

Fi stqarrija, l-Gvern qed jifli r-rakkommandazzjonijiet u se jkun qed jimplimentahom, fost l-oħrajn, kif jingħad fl-inkjesta stess anke permezz tal-att il-ġdid dwar vjolenza domestika li se jkun qed idaħħal dan il-Gvern.

More in Politika