Aġġornata bil-filmat | Casa jimmira għas-siġġu ta' Thake
David Casa jgħid li ma jridx ineħħi lil Thake...imma dejjem xtaq ikun segretarju ġeneralli
More in Politika
David Casa jgħid li ma jridx ineħħi lil Thake...imma dejjem xtaq ikun segretarju ġeneralli
David Casa wera l-interess u huwa determinat li wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss, jekk ikun hemm post vakanti għall kariga ta' segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, hu jikkontesta għal din il-pożizzjoni.
L-MEP David Casa qal dan fil-programm 'Distinti' ppreżentat minn Jean Claude Micallef. Dan minkejja li fil-preżent, m'hemm l-ebda talba pubblika biex isir tibdil f'din il-pożizzjoni, li fil-preżent hi okkupata minn Rosette Thake, u li ilha biss f'dan l-irwol għal dawn l-aħħar sena u nofs.
Thake kienet ġiet maħtura bħala l-ewwel segretarju ġenerali tal-PN mara, wara li ġiet eletta fl-elezzjoni għal din il-kariga, b'70 vot minn 74, li iżda ma kellha l-ebda kandidat ieħor x'tegħleb.
Minkejja dan kollu, is-segretarju ġenerali Thake nnifisha, lanqas uriet xewqa li ma tibqax f'din il-kariga.
Dan is-sit huwa infurmat iżda, li hemm bosta elementi fil-PN li mhuma kuntenti xejn bil-ħidma ta' Thake, tant li huma bosta li qed jarawha ineffettiva, kemm bħala preżenza fuq il-media, kif ukoll fi ħdan il-ħidma interna tal-Partit.
Interessanti wkoll il-fatt, li d-dikjarazzjoni ta' Casa tiġi ftit wara li l-PN ħatar lil Caroline Muscat biex tmexxi l-kampanja elettorali tal-Partit, anke jekk dan ix-xogħol kien dejjem fdat f'idejn is-segretarju ġenerali.
Għall-mistoqsija ta' Micallef fuq il-programm imtella' fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, jekk jikkunsidrax jikkontesta għall-kariga ta' segretarju ġenerali, Casa wieġeb, "Iva," bla tlaqliq.
Intant, l-MEP Casa fi dritt ta' risposta qal li ma jridx ineħħi lil Thake, iżda minn dejjem xtaq ikun segretarju ġenerali.
"Nirreferi għall-artiklu bit-titlu ‘Casa jimmira għas-siġġu ta’ Thake’ ppubblikat fuq is-sit www.illum.com.mt illum is-Sibt 10 ta’ Diċembru 2016. Sfortunatament, l-istorja ppubblikata tipprova tagħti x’tifhem ħaġa li hi totalment l-oppost ta’ dak li ġie diskuss fil-programm Distinti.
Filwaqt li, minn dejjem, esprimejt il-ħeġġa tiegħi li xi darba fil-karriera politika tiegħi, nservi bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, nassigura lill-qarrejja tas-sit Illum li assolutament “minix qed nimmira għas-siġġu ta’ Thake” kif allegat mill-istess sit.
Jien u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake għandna relazzjoni tajba ħafna u flimkien mal-amministrazzjoni kollha tal-Partit - inkluż il-Kap Simon Busuttil - qed naħdmu id f’id biex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-poplu Malti u Għawdxi jkollu Gvern ġdid li jeqred is-sistema korrotta li ħakmet it-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.
Fil-kariga tagħha bħala Segretarju Ġenerali, Rosette Thake ħadmet lejl u nhar fl-amministrazzjoni tal-Partit kif ukoll biex il-kumpanija tal-media tal-Partit setgħet tkompli tagħmel passi ‘l quddiem.
Min-naħa tiegħi, inħossni kburi li l-poplu Malti u Għawdxi fdani biex nirrapreżentah fil-Parlament Ewropew u dan se nkompli nagħmlu b’sens ta’ lealtà u mħabba lejn pajjiżi."