L-2017: Jaf tkun l-annus horribilis tal-Unjoni Ewropea

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li jista’ jseħħ madwar l-Ewropa din is-sena... l-elezzjonijiet, id-deċiżjonijiet, Trump u l-Libja jistgħu jagħmlu l-2017 l-agħar sena għall-Ewropa f’ħafna snin

L-2017 se tkun sena deċiżiva fix-xena internazzjonali. L-ILLUM ħasbet biex wara l-ewwel ġimgħa tal-2017, tħares lejn mumenti, avveniment, proġetti, ġrajjiet kurrenti u deċiżjonijiet li mistennijin jittieħdu fl-Unjoni Ewropeja u fl-Istati Uniti fl-2017.

X’impatt se jkollhom tali deċiżjonijiet? X’se jiġri minn dawn il-proġetti? X’deċiżjonijiet se jittieħdu? 

 

Brexit jew le? Jekk le inkwiet se jkollna...

Matul l-2017 suppost għandha tkun issiġġilata d-deċiżjoni tal-poplu Ingliż għal Brexit. L-Artiklu 50 mistenni jkun invokat mill-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit Theresa May, sa Marzu li ġej u għalhekk fiż-żmien il-Presidenza Maltija tal-UE. Dan jibda perjodu ta’ negozjar li għandu jwassal għat-tluq definittiv tal-pajjiż mill-UE.

Fir-Renju Unit, fost is-17-il miljun li vvutaw għal Brexit qed jinbet ċerta sens ta’ rabja hekk kif qed jikber in-nukleu ta’ nies u saħansitra analisti politiċi li huma tal-fehma li l-UE se ttawwal l-affarijiet kemm tiflaħ biex Brexit ma jseħħx. Anke siti tal-aħbarijiet Ingliżi bħal Sky News qed jibdew jirraportaw dan il-fatt bis-sentiment ikun li jekk jiġri dan, l-effett fuq ir-Renju Unit jista’ jkun wieħed katastrofiku.

Jekk jibda jidher li l-affarijiet se jibdew jieħdu tul eseġerat, il-qagħda politika u l-istabilità fir-Renju Unit jistgħu jieħdu daqqa ’l isfel fl-2017, hekk kif bosta jinterpretaw dan bħala sfida diretta lejn deċiżjoni demokratika.

Fl-ewwel ġimgħa tal-2017 diġà rajna l-ewwel trikki trakki bir-riżenja ta’ Sir Ivan Rogers wara li dan kien indika kif in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar Brexit jistgħu jieħdu saħansitra 10 snin. Din l-istqarrija ma niżlet tajjeb xejn ma’ ħafna mis-17-il miljun li vvutaw favur Brexit u lanqas ma’ ħafna f’10 Downing Street.

 

Ir-raġel bjond li jaf jheżżeż l-Ewropa

Geert Wilders
Geert Wilders

Geert Wilders il-Kap tal-Partit Olandiż tal-lemin estrem, li kien instab ħati ta’ diskriminazzjoni, li nsulta lil persuni Marokkini u li qed jitlob ukoll li l-Olanda jkollha referendum bħal dak tar-Renju Unit jista’ jmur tajjeb ferm f’elezzjoni li se ssir xahrejn oħra. Ir-retorika ta’ Wilders hija simili ħafna għal dik ta’ Farage, Trump u ta’ politiċi popolisti tal-lemin estrem.

Minkejja li l-popolarità ta’ Wilders tfisser li l-partit li jmexxi, huwa issa l-partit prinċipali tal-oppożizzjoni, ix-xenarju fl-Olanda hija ’l bogħod milli sempliċi, hekk kif huwa maqsum f’diversi partiti li wara l-elezzjoni se jkunu qed ‘jibbattaljaw’ għall-Gvern ta’ koalizzjoni. Huwa dan il-bżonn ta’ koalizzjoni li jista’ jżomm lil Wilders ’il bogħod mit-tmexxija tal-pajjiż.

 

Merkel terġa’ tirbaħ imma wara ħafna tumakki...

Angela Merkel
Angela Merkel

Elezzjoni mistennija sew din is-sena wkoll hija dik federali fil-Ġermanja fejn s’issa, Merkel hija mistennija li tirbaħ. Minkejja dan, ir-rebħa se tkun waħda li probabbilment se tagħtiha l-aktar leġiżlatura iebsa fuq il-front domestiku, minħabba l-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-aktar snin ta’ solitudni politika fl-UE, hekk kif jaf tiddawwar b’aktar mexxejja Ewropej li jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-pendlu politiku.

Kieku fl-2017 naraw lil Merkel titlef l-elezzjoni b’riżultat li verament ma jkunx mistenni, dan jista’ jkun l-akbar terremot politiku Ewropew għall-2017.

 

Brexit u issa FREXIT?

Marine Le Pen
Marine Le Pen

Fuq tlieta toqgħod il-borma u apparti fl-Olanda u l-Ġermanja, is-sena d-dieħla se ssir elezzjoni ġenerali wkoll fi Franza. Din hija elezzjoni mistennija ħafna, hekk kif hemm ċans qawwi li tirbaħha Marine Le Pen. Din tmexxi l-Partit Front Nazzjonali, li fost l-oħrajn qed jipproponi wkoll li fi Franza jsir referendum li fih il-poplu Franċiż jiddeċiedi jridx jibqa’ fl-UE.

Bħal Farage, Trump u Wilders, Le Pen tmexxi politika kontra l-immigrazzjoni bil-partit meqjus bħala lemin estrem. Sa ftit snin ilu kien meqjus ukoll bħala partit fit-trufijiet tal-ispettru politiku, issa iżda jidher li se jkollu ċans tajjeb li jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali.

Anke jekk ma tirbaħx, il-fatt li Le Pen tkun ġiet daqshekk qrib u tkun ingħatat daqstant attenzjoni mill-midja, ifisser rebħa kbira għall-istess partit. Rebħa għal Le Pen, fost l-ewwel li kkongratulat lil Farage għall-Brexit, tista titfa’ lill-Unjoni Ewropea fuq allert politiku totali.

 

Trump – Tibda s-siegħa tal-prova

Donald Trump
Donald Trump

Fl-20 ta’ Jannar Trump jinħatar President tal-Istati Uniti. L-2017 se tkun is-siegħa tal-prova għal dan in-negozjant multi-miljunarju li issa se jkun qed imexxi l-akbar, jew waħda mill-akbar super-potenzi fid-dinja.

Issa se tasal is-siegħa tal-prova għal min wiegħed ħajt, min wiegħed li jitfa’ eluf ta’ immigranti ’l barra minn pajjiżu u min jidher li se jressaq l-Istati Uniti, ħafna eqreb lejn ir-Russja milli kienet fl-aħħar snin.

 

Libja: Tisplodi l-bomba?

Muammar Gaddafi
Muammar Gaddafi

L-istorja tal-hijack f’Malta fl-aħħar tas-sena li għaddiet taf tkun l-eqreb li l-Libja qatt resqet lejn Malta, metaforikament mhux ġeografikament, minn mindu waqgħet f’anarkija totali. Interessanti li filwaqt li f’Malta qed niddiskutu l-hijack x’fisser għall-popolarità ta’ Joseph Muscat, f’pajjiżi oħrajn midja oħra qed tiddiskuti x’qed jiġri fil-Libja. Dak, li wara kollox verament jgħodd.

Il-Libja tinsab fi stat diżastruż u apparti li dan qed iservi ta’ art fertili għall-Istat Iżlamiku li kien jokkupa l-belt ta’ Sirte sa Diċembru li għadda, qed iservi wkoll biex jikber u jsir aktar voċiferu grupp ta’ nies leali lejn l-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi.

L-2017 tista’ tkun is-sena li fiha l-inkwiet li hemm il-Libja jibqa’ ġej fuqna u fuq l-Ewropa u jeħodna b’sorpriża.

More in Politika