Illum fit-3:00 p.m. il-Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-Enerġija, se jkun qed jagħmel il-preżentazzjoni tiegħu dwar l-enerġija taħt il-Presidenza ta' Malta, fil-Parlament Ewropew.
Iżda, iktar mir-rappreżentazzjoni nnifisha, il-Ministru Mizzi mistenni jkun iffaċċjat b'numru kbir ta' mistoqsijiet, kritika u saħansitra attakki dwar il-Panama Papers, u speċifikament dwar il-kont li hu kien fetaħ fil-Panama, anke jekk dan fil-fatt mhux is-suġġett li se jitkellem dwaru Mizzi. Fosthom, mistennija li jiftħu baraxx ta' kritika u anke mistoqsijiet l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti u anke dawk tal-Partit tal-Ħodor illi kienu pjuttost voċiferi kontra kull min kellu kont il-Panama.
Tant hija mistennija aktar din il-preżentazzjoni, li fejn fil-preżentazzjonijiet tal-Ministri l-oħra ma kienx hawn ġurnalisti Maltin preżenti, għajr tal-PBS u tal-ILLUM, għall-preżentazzjoni ta' Mizzi mistennija jirraportaw l-avveniment fil-Parlament Ewropew diversi membri tal-media Maltija li waslu Brussell ilbieraħ filgħaxija.
Minbarra Konrad Mizzi, illum se jkollhom il-preżentazzjoni il-Ministri Edward Zammit Lewis, Joe Mizzi, Manwel Mallia, Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius.
Il-Ħamis se jkun hemm il-ministri Evarist Bartolo fuq ix-xogħol, Helena Dalli fuq id-djalogu soċjali, Michael Farrugia fuq is-solidarjetà soċjali u l-Ministru Edward Scicluna fuq il-finanzi.