'Jekk naraw li l-għajnuna mhux se tasal lesti nirregolaw is-suq tal-kera'

Il-Prim Ministru Joseph Muscat bi twissija b'saħħitha dwar is-suq tal-kirjiet privati ... 

Il-PM Joseph Muscat fuq il-programm Arena
Il-PM Joseph Muscat fuq il-programm Arena

Is-suġġett tal-kirjiet privati kompla tiela' fuq nett tal-aġenda nazzjonali, tmien xhur wara li ż-żerriegħa tad-diskussjoni bdiet fuq il-gazzetta l-ILLUM bil-proposta ta' Yana Mintoff għall-kontrolli fuq kemm tista' togħla l-kera. Ilejla kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kif ukoll il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fuq il-programm Arena, tkellmu dwar il-kwistjoni tal-kirjiet privati. 

Muscat għamel l-aktar twissija b'saħħitha s'issa f'dan ir-rigward. Muscat fakkar kif fl-aħħar baġit il-Gvern żied is-sussidju lil dawk li jikru mingħand il-privat. Dan is-sussidju kien ivarja minn €66.67 sa €83.33 skont id-dħul u d-daqs tal-familja. Dan issa ser jirdoppja, jiġifieri jitla’ għal bejn €133.34 u €166.66. 

Minkejja dan, Muscat qal li għalissa l-Gvern se jara kif is-sitwazzjoni se tkompli tiżviluppa qabel jieħu aktar azzjoni. Fin-nuqqas illi is-suq ma jirregolax lilu nnifsu bl-għajnuna fis-sussidju u anke b'taxxi inqas għas-sidien, 'se nirregolaw u nibdew diskusjonijiet biex naraw kif se nirregolaw,' sostna Muscat illi qal ukoll li hu mhux se jibża' jieħu l-azzjoni li hemm bżonn. 

Hu fakkar illi r-realtà tal-kirjiet privati għoljin illum huwa sforz domanda qawwija u ekonomija li sejra tajjeb, kuntrarjament għal postijiet li jitħallew mitluqin u ekonomikament dipressati fejn m'hemmx domanda u għalhekk il-kirjiet jibqgħi baxxi ħafna. 

Intant fl-istess programm Muscat tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni, l-Presidenza Maltija tal-UE u dwar ir-riforma fil-qasam tas-sewqan u xorb.

 

More in Politika