Ftehim għal 7,000 għalliem sa Marzu

L-MUT tipproponi titjib fil-pagi, titjib fil-kundizzjonijiet tal-Kapijiet tal-iskejjel u bidliet fis-sistema tal-LSAs

Sa Marzu li ġej, mistenni jkun konkluż ftehim kollettiv ġdid ma’ 7,000 edukatur madwar il-pajjiż. Dan żvelah il-President tal-Malta Union of Teachers (MUT) Kevin Bonello f’intervista mal-ILLUM. Hekk kif l-aħħar ftehim kollettiv tal-għalliema wasal f'Awwissu tal-2010, Bonello qal li l-union qed tipproponi li jkun hemm żieda fil-pagi tal-għalliema, titjib fil-kundizzjonijiet tal-Kapijijet tal-iskejjel u bidliet fis-sistema tal-Learning Support Assistants (LSAs).

Dwar iż-żidiet fil-pagi, Bonello qal li l-MUT għaddejja b’diskussjonijiet maċ-Ċivil biex tara kif jistgħu jiżdiedu l-iskali kollha tal-Gvern, mhux tal-għalliema biss, filwaqt li saħaq ukoll li l-MUT qed titlob li jittieħdu miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-kapijiet tal-iskola, għaliex “mhux qed insibu kapijiet ġodda, la fl-iskejjel tal-Gvern u lanqas fi skejjel oħra,” sostna Bonello.

Minbarra dan, l-MUT qed tipproponi wkoll li jsiru tibdiliet fis-sistema tal-Learning Support Assistants (LSAs). Fost il-proposti li MUT qed tressaq għal dan il-ftehim kollettiv il-ġdid, hemm dik li tirrigwardja l-LSAs. L-MUT qed titlob sabiex ma jibqax ikun hemm LSAs kif inhuma bħalissa, iżda tinħoloq kariga ta’ ‘classroom assistant’ fil-primarja, u ’area assistant’ fis-sekondarja. Bis-saħħa ta’ dawn il-pożizzjonjiet, jispjega Bonello, ma jkunx hemm il-bżonn li LSA tkun tifhem fis-suġġetti kollha. “Bħalissa, LSA trid issegwi lill-istudent f’kull suġġett li jkollu, sija Taljan, Xjenzi u Matematika, li hi xi ħaġa impossibbli għaliex lanqas l-għalliema ma tagħmilha,” jgħid Kevin Bonello. Minflok, ikun hemm persuni li jispeċjalizzaw f’xi qasam, u dawk l-istudenti kollha li jkollhom bżonn l-għajnuna jġu mgħejuna f’dak il-kuntest. Hawnhekk, il-President tal-union tal-għalliema, meta mistoqsi jekk dan ifissirx t-tmiem tal-għajnuna li tingħata lil studenti b’LSA fuq bażi individwali, qal li mhux se jintmessu dawn jekk dawn ikunu bżonn. “Minflok ikollna LSAs shared, u rridu nlaħħqu m’Alla u max-xitan, u mas-suġġetti kollha, ikollna LSA għal kull suġġett jew grupp ta’ suġġetti li tkun tista’ tagħti l-għajnuna mitluba skont is-suġġett. Dwar qbil f’dan ir-rigward fil-ftehim kollettiv li qed jiġi diskuss, Bonello jgħid li, “s’issa, hemm bażi ta’ qbil, imma kif se tkun qed titħaddem u dettalji bħal dawn għadhom iridu jiġu diskussi.”

Bħalissa għandna sistema li ilha minn żmien Adam u Eva, ta’ tlett ijiem fis-sena li trid jew ma tridx, ikollok tagħmel kors. Aħna nixtiequ li din is-sistema tispiċċa, u l-Gvern jidher li qed jaqbel Kevin Bonello, President tal-MUT

Fis-sekondarja, l-MUT qed tipproponi li LSA tkun imħarrġa f’suġġetti partikolari u tgħin lill-istudent f’dawk is-suġġetti biss. Dan ikun ifisser li l-istudenti, minflok ikollhom LSA waħda għall-lezzjonijiet kollha, jkollhom LSAs differenti, skont is-suġġett.

Bonello qal lill-ILLUM li jidher li hemm qbil bejn l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex is-sistema ta’ tlett ijiem ta’ taħriġ obligatorju jinbidel għal sistema li tkun aktar flessibbli. “Bħalissa għandna sistema li ilha minn żmien Adam u Eva, ta’ tlett ijiem fis-sena li trid jew ma tridx, ikollok tagħmel kors. Aħna nixtiequ li din is-sistema tispiċċa, u l-Gvern jidher li qed jaqbel. Minflok, jibda jkollna sistema differenti li tkun ħafna iktar flessibbli u tagħmel iktar sens, li tħalli liberu lil dak li jkun, u jaru hu l-ħtiġijiet tiegħu xi jkunu u kif jista’ jilħaqhom,” kompla Bonello.

Dwar dan il-ftehim kollettiv, Bonello kompla jgħid li, “bħalissa l-ftehim qed jiġi negozjat u dwar ħafna punti għandna bażi ta’ qbil, hemm punti oħra li forsi għadna daqsxejn ’il bogħod, bħal kull ftehim. Imma issa naraw fejn se naslu...”

 

More in Politika