F’artiklu li deher fil-ħarġa tal-ILLUM ta’ nhar il-Ħadd li għadda, id-Deputat Laburista Silvio Schembri, fost ħafna proposti għal soluzzjonijiet dwar il-problema tal-prezz tal-kirjiet, ħareġ ukoll bi proposta li tista’ tindirizza l-problema li jiffaċċjaw uħud li flok jikru, jixtiequ jixtru proprjetà.
"Għandha tingħata għajnuna lill-persuni li jridu jixtru proprjetà permezz ta’ ħlas tad-depositi tal-10% waqt ix-xiri ta’ proprjetà li ma taqbiżx ċertu ammont," issuġġerixxa Schembri, li sostna li dan jista’ jsir wara kontrolli tal-mezzi adegwati u skemi soċjali fejn bihom jingħataw anke għajnuniet fuq depożiti tal-kera bil-quddiem lil dawk tassew fil-bżonn.
Schembri kiteb li bħalissa hemm aktar minn 3,000 persuna jistennew akkomodazzjoni. Barra mis-sussidji tal-kera, mit-twessigħ tat-test tal-mezzi fejn familja bi €23,300 il-bank issa xorta tista’ tikkwalifika għas-sussidji, it-taxxa fuq il-kirjiet niżlet minn 35% għal 15% u ġie wkoll imħabbar proġett pilota fuq riduzzjoni fit-taxxa għal 5% fuq kirjiet ta’ seba’ snin u fuqhom.
Schembri jemmen li tista’ tiġi indirizzata parti mill-problema billi jiġu imposti multi ħorox fuq dawk is-sidien li ma jipprovdux kuntratt bil-miktub għal kirjiet ta’ aktar minn tliet xhur. “Għandu jitwaqqaf ukoll mekkaniżmu li jekk persuna turi bil-provi li ilha toqgħod f’post bil-kera għal aktar minn tliet xhur u s-sid ma tahiex kuntratt, tiskatta l-liġi u awtomatikament jidħol fis-seħħ kuntratt tal-kera, hekk kif ipprovdut fl-istess liġi tal-kera u dan ikun jorbot għal perjodu ta’ ħames snin bil-prezz li tkun qiegħda t-talba dak iż-żmien.”
Minbarra d-drittijiet tal-inkwilini, Schembri kiteb ukoll dwar id-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà, fejn għalihom jinħtieġ il-bżonn ta’ liġi li tirregola li kuntratt bil-miktub ikollu durata minima obbligatorja għas-sid, fejn eżempju sid ma jkunx jista’ jiżgombra l-post qabel ma jgħaddu erba’ snin, fejn l-inkwilin jitlaq meta jrid, imma mhux qabel ma jgħaddu sitt xhur. Schembri sostna li għandha tiddaħħal ukoll klawżola fil-kuntratt tal-kera bl-obbligu tan-‘notice’, fejn jekk l-inkwilin ikun irid jitlaq, javża lil min jikri ammont ta’ xhur qabel. B’hekk ikun imħares kemm id-dritt tal-inkwilin u kif ukoll dak tal-kerrej.
Schembri qal li pass pass se jkun qed jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet kollha involuti f’din il-ħidma biex tinstab soluzzjoni għall-ġid ta’ kulħadd, fejn il-Gvern jintervjeni fejn ifalli s-suq.