Il-Labour jitlob lil JPO jikkontesta l-elezzjoni

....Ma jaċċettax imma jwiegħed li se jikkampanja favur il-PL - Franco Debono jindika biċ-ċar li se jkun fuq il-lista Laburista - Ian Castaldi Paris ħiereġ fuq is-7 u 8 distrett -  bosta javviċinaw lil Jean Caude Micallef biex joħroġ ukoll

L-eks Deputat Nazzjonalista u llum Ċermen tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando fl-aħħar ġimgħat kien avviċinat mill-Partit Laburista biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Minkejja dan, f’kuntatt mal-ILLUM, Pullicino Orlando filwaqt li kkonferma li kien avviċinat mill-Partit Laburista, qal li hu m’aċċettax it-talba tal-PL li jkun kandidat mill-ġdid minħabba dawk li sejjaħ “raġunijiet personali” għalkemm qal ukoll li, “se nkun qed ngħin fil-kampanja elettorali biex jerġa’ jkun elett il-Partit Laburista fil-Gvern.”

Intant, f’kuntatt mal-ILLUM, l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono ta l-aktar indikazzjoni ċara s’issa li se jkun kandidat tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan filwaqt li l-eks President tal-Kulleġġ Kunsilliera tal-PN, u eks sindku Nazzjonalista ta’ Ħal Lija Ian Castaldi Paris żvela ma’ din il-gazzetta li se jkun qed joħroġ mal-Partit Laburista għall-ewwel darba, fuq is-seba’ u t-tmien distrett.

Intant, l-ILLUM hija infurmata wkoll li huma bosta dawk il-Laburisti u anke eks Nazzjonalisti li qed javviċinaw lill-eks Membru tal-Eżekuttiv tal-PN Jean Claude Micallef u li qed iħeġġuh biex joħroġ għall-elezzjoni mal-PL. Minkejja diversi attentati, din il-gazzetta ma setgħetx tagħmel kuntatt ma’ Micallef.

 

Franco Debono: 'M’iniex se niddejjaq nissottometti ruħi għall-ġudizzju tal-elettorat fi żmien sena'

Kienet l-ILLUM li fil-ħarġa tal-4 ta’ Ottubru 2015 żvelat kif Franco Debono kellu l-ħsieb li joħroġ mal-Partit Laburista. Dakinhar, meta mistoqsi xi tkun ir-risposta tiegħu jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat jitolbu biex joħroġ għall-elezzjoni kien qal li, “jien għandi 41 sena u ma neskludix.” Hu kien qal ukoll, fl-istess ħin, li “nirrispetta lill-PN, imma m’għandi ebda intenzjoni li nerġa’ nkun kandidat miegħu.”

F’kuntatt ieħor mal-ILLUM din il-ġimgħa, Debono sostna kif “wara li ħafna mill-proposti li għamilt bħala Deputat, kemm kwistjonijiet nazzjonali kif ukoll dawk li jikkonċernaw lil Birżebbuġa, iż-Żurrieq u l-irħula tal-madwar, illum ġew imwettqa b’risq il-poplu Malti kollu,” b’referenza għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, “żgur li m’iniex se niddejjaq nissottometti ruħi għall-ġudizzju tal-elettorat fi żmien sena u fiduċjuż li f’dak il-każ, il-ġudizzju mhux biss ikun pożittiv iżda jippermettili nkompli naħdem aktar u nkun ta’ servizz għall-poplu u l-pajjiż.”

Lura fl-elezzjoni tal-2008, Franco Debono kien saħansitra għadda lill-eks Ministri Louis Galea u Helen D’Amato, żewġ ‘żwiemel’ li kellu l-PN fil-ħames distrett u b’2,065 vot, kien ġab ftit biss inqas voti mill-eks Deputat Nazzjonalista Ninu Zammit.

Jeffrey Pullicino Orlando, min-naħa l-oħra, imbuttat mill-PN fil-qalba tal-kwistjoni tal-Mistra, kien ġab l-akbar numru ta’ voti fis-seba’ distrett b’2,824 vot u kien ġab 70 vot biss inqas minn Tonio Borg, fil-11-il distrett.

Intant, mal-ILLUM Castaldi Paris, li rreżenja mill-Partit Nazzjonalista f’Lulju 2014 għax akkużah li sar partit li “juża lin-nies u jarmihom”, qal lil din il-gazzetta li qed ikollu rispons qawwi ħafna għad-deċiżjoni li jikkontesta l-elezzjoni fuq bażi distrettwali. Fl-ewwel dehra tiegħu f’attività tal-Partit Laburista, Castaldi Paris kien appella lil dawk kollha li jaqblu mal-‘Moviment’ “biex ma jibżgħux jiġu ’l quddiem, mhux għax opportunisti jew merċenarji, kif akkużaw lili, imma għax jemmnu fl-għanijiet ta’ dan il-moviment.” 

Ħafna Xlukkarji u Żwieten iridu lil Micallef

Intant din il-gazzetta hija infurmata li qed jikber l-appoġġ ta’ diversi Laburisti, imma saħansitra wkoll ta’ nies li kienu jimmilitaw minn ħdan l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista, li qed jagħtu l-appoġġ lil Jean Claude Micallef. L-aktar lokalitajiet fejn jidher li qed jingħata appoġġ huwa fiż-Żejtun kif ukoll Marsaxlokk.

Jean Claude Micallef qed ikun avviċinat minn bosta miż-Żejtun u M’Xlokk biex joħroġ mal-Partit Laburista
Jean Claude Micallef qed ikun avviċinat minn bosta miż-Żejtun u M’Xlokk biex joħroġ mal-Partit Laburista

Mhux sigriet li Micallef tbiegħed sew mill-PN u ma baqax fl-istrutturi tiegħu minn wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, imma speċjalment wara li l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni tal-MEP għal xi raġuni, qatt ma rat id-dawl tax-xemx.

 

Xenarju politiku ‘interessanti’ fil-ħames distrett

Dan kollu jista’ jindika li għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-ħames distrett, fejn mistennija tikkontesta l-eks deputata Laburista Marlene Farrugia, se jkun wieħed ferm interessanti. Għalkemm ftit hemm dubji li dan se jibqa’ distrett bi predominanza Laburista, b’ħafna mill-veterani Laburisti ferm popolari bħal Karmenu Vella barra mix-xena, tibqa’ mistoqsija min se jġib il-voti u kif se jitqassmu.

Prospetti interessanti fil-ħames Distrett...Marlene mal-PD u Toni l-aktar b’saħħtu għall-PN, s’issa
Prospetti interessanti fil-ħames Distrett...Marlene mal-PD u Toni l-aktar b’saħħtu għall-PN, s’issa

Il-Partit Laburista tilef lil Marlene Farrugia li fl-2013 ġabet 2,525 vot, jew it-tielet l-akbar numru ta’ voti, filwaqt li tilef ukoll lil Karmenu Vella, li llum qed jaqdi l-irwol ta’ Kummissarju Malti fil-Kummissjoni Ewropea. Vella kien ġab 5,231 vot, l-akbar numru, u għalhekk huwa interessanti kemm minn dawn l-eluf ta’ voti se jmorru għand min.

Il-Partit Nazzjonalista għadu qed ibati biex isib kandidati b’saħħithom biżżejjed fid-distretti tan-nofsinhar tal-pajjiż, imma speċjalment fil-ħames distrett fejn sal-2008 kellu żewġ eks Ministri u Segretarju Parlamentari, Louis Galea, Ninu Zammit u Helen D’Amato. S’issa jidher li l-aktar żewġ kandidati qawwijin għall-elezzjoni li jmiss, huma Hermann Schiavone u d-Deputat Toni Bezzina.

More in Politika