
Il-ġlieda kontra l-kanċer...x’hemm propost għall-futur
Fost il-proposti fil-pjan nazzjonali għall-kanċer hemm żidiet regolari fuq il-prezz tal-prodotti tat-tabakk u restrizzjonijiet fuq ir-reklamar tiegħu, kif ukoll obbligu li canteens ta' postijiet tax-xogħol ikollhom għażliet ta' ikel san
minn Veronica Lynn Mizzi

Kull ħames sigħat, persuna f’Malta ssir taf li nstabilha kanċer. Fil-fatt, 1,800 persuna tirċievi din l-aħbar ħażina kull sena f’pajjiżna, u minkejja li r-rati ta’ fejqan qegħdin jitjiebu grazzi għal prevenzjoni u screening, il-kanċer xorta huwa l-kawża ta’ 30% tal-imwiet kollha f’sena. Dan in-numru, minkejja li huwa allarmanti kif inhu, mistenni jkompli jitla’ bi kważi 2% kull sena u jlaħħaq l-2,100 dijanjożi fis-sena sal-2020, b’nofshom ikunu l-aktar kanċer komuni, jiġifieri tas-sider, pulmun, prostata u tal-musrana, u l-bqija jkunu kanċer inqas komuni jew rari.
Bil-għan li r-rata ta’ fejqan titjieb, tonqos ir-rata ta’ persuni li jkollhom il-kanċer, u fl-istess waqt titjieb l-esperjenza u l-kwalità ta’ ħajja tal-pazjenti, il-gvern nieda l-Pjan Nazzjonali għall-Kanċer. Dan huwa pjan ta’ azzjoni li għall-ħames snin li ġejjin, li għandu jkompli mal-ewwel Pjan tal-Kanċer li kien tnieda.
Waħda mill-aħjar metodi ta’ kif jiġi kkontrollat il-kanċer huwa fil-fatt li tipprevjenih, u dan isir billi wieħed jadotta stil ta’ ħajja iktar san. Fil-preżent, wieħed minn kull ħames persuni jpejjep b’mod regolari u terz tal-popolazzjoni tixrob alkoħol darba fil-ġimgħa jew iktar. Fl-istess waqt, huma biss terz tal-adulti li jagħmlu iktar minn sagħtejn eżerċizzju fil-ġimgħa, u 3 minn kull 5 adulti kienu obeżi jew kellhom piż żejjed.
Dan il-Pjan, jgħid li għandu jkun hemm klassijiet u korsijiet dwar piżijiet addattati, dijabete flimkien ma’ kampanji fil-media mmirati għal udjenzi varji fuq ir-riskju tal-kanċer u l-prevenzjoni tiegħu. Dan minbarra sessjonijiet ta’ promozzjoni u seminars fi skejjel, postijiet tax-xogħol, kif ukoll fil-komunità. Il-liġijiet dwar alkoħol, tipjip ambjent u xi oqsma ta’ ħarsien tas-saħħa wkoll se jiġu infurzati, b’monitoraġġ kontinwu. Kif ukoll l-investiment fil-qasam tar-riċerka se jkun qed jissaħħaħ. Għad li s-sistema u l-kura fejn jidħol il-kanċer tjiebet u għamlet passi kbar, il-pjan jelenka problemi li jwasslu sabiex il-professjonist idum iktar sabiex jinduna bil-kanċer, fosthom in-nuqqas ta’ għarfien dwar is-sintomi u s-sinjali ta’ din il-marda. Għaldaqstant, il-gazzetta Illum analizzat uħud mill-aktar punti saljenti ta’ dan il-pjan.
Tipjip
- Jibqgħu jogħlew b’mod regolari t-taxxi fuq il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk.
- Protezzjoni mid-duħħan tas-sigaretti f’postijiet pubbliċi u postijiet tax-xogħol, u anke f’postijiet għall-apert frekwentati mit-tfal.
- Infurzar tal-projbizzjoni tat-tipjip f’ċentri u postijiet ta’ servizzi tas-saħħa.
- Ħolqien ta’ liġi biex ma jkunx jista’ jsir tipjip f’istituzzjonijiet għas-saħħa mentali.
- Ikomplu jiġu infurzati restrizzjonijiet fuq reklamar ta’ prodotti tat-tabakk inkluż sponsorships
- Jittieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-ammont ta’ prodotti tat-tabakk bil-kuntrabandu, li allura jkunu irħas
- Tiġi ppubblikata Strateġija għall-Kontroll tat-Tabakk bil-għan li titnaqqas ir-rata ta’ persuni li jpejpu, r-rata ta’ żgħażagħ li jibdew il-vizzju tat-tipjip.

Konsum tal-Alkoħol
- Taħriġ għall-ħaddiema tas-saħħa biex jidentifikaw persuni b’sekwenzi u forom perikolużi ta’ xorb u sokor.
- Introduzzjoni ta’ politiki fil-post tax-xogħol għal iktar kuxjenza, u appoġġ lill-ħaddiema.

Ikel, Piż żejjed u Attività fiżika
- Leġiżlazzjoni biex canteens ta’ postijiet tax-xogħol, b’obbligu jkollhom għażliet ta’ ikel san, bħal frott u ħaxix.
- Restrizzjonijiet fil-promozzjoni u r-reklamar ta’ ħelu, soft-drinks u ikel b’ammonti kbar ta’ xaħam u zokkor.
- Jiġi żgurat li l-ikel imqassam fl-iskejjel ikun ikel san.
- Ħolqien ta’ postijiet pubbliċi siguri biex jinkoraġġixxu iktar attività fiżika.
- Isir sħarriġ regolari dwar l-ikel ikkunsmat, biex jiġi magħruf l-istil ta’ ikel tal-poplu, biex isiru kampanji mmirati.

Perikli fuq il-post tax-xogħol
- Jinħoloq u jiġi infurzat rappurtaġġ b’saħħa legali, ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, inkluż il-kanċer
- Kampanji edukattivi u programmi ta’ taħriġ biex titqajjem kuxjenza ikbar fuq ir-riskji ta’ kanċer u mard ikkaġunat mix-xogħol
- Jinħoloq qafas dwar is-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jiġi analizzat ir-riskju ta’ kanċer f’post tax-xogħol.

Kura mogħtija
- Jinħolqu għodda sabiex jgħinu lit-tobba tal-familja jagħrfu u jindunaw bil-kanċer u jkunu kapaċi jgħinu bil-kura u l-kontinwazzjoni wara t-trattamenti
- Jinħolqu u jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni aħjar bejn il-professjonisti biex tiqassam l-informazzjoni b’mod aħjar
- Jinħolqu rwoli ta’ Senior u Principal General Practicioners li jkunu l-punt ta’ referenza f’każijiet ta’ kanċer fil-kura primarja, f’kull ċentru tas-saħħa.
- Isir investiment fit-tekonoloġija li jsegwi l-proċess kollu ta’ kull pazjent tal-kanċer.
- Titjib fil-magni u l-apparat bżonnjuż fil-kura tal-kanċer.
- Tiġi mħeġġa l-ispeċjalizazzjoni tal-kura tal-kanċer f’każi tat-tfal

Riċerka għall-kura
- Tinħoloq il-Fondazzjoni għar-Riċerka tal-Kanċer, li fost l-oħrajn joħloq reġistru nazzjonali għar-riċerka tal-kanċer u ħolqien ta’ network bejn gruppi differenti tar-riċerka sabiex tiżied il-kollaborazzjoni bejnithom.
- Jinħoloq qafas regolatorju dwar ir-riċerka tal-kanċer li jara li jsiru reviżjonijiet u ħolqien ta’ proviżjonijiet legali dwar id-drittijiet tal-pazjenti u fl-istess waqt, tal-avvanz fir-riċerka f’dan il-qasam.
