Is-CEO jimplika indħil fil-care orders f’Għawdex

Żewġ każi identiċi ta’ abbuż fuq tarbija...f’Malta b’care order u f’Għawdex le

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti implika bl-aktar mod ċar, li ħaddiem fil-Ministeru  t’Għawdex mis-Social Work Unit intervjena biex ikun evitat care order, fuq tarbija ta’ erba’ xhur.

It-tarbija sofriet ksur fil-kranju, emorraġija f’moħħha u kienet saħansitra fil-periklu tal-mewt.

Grixti qal li dan il-każ kien identiku għal każ ieħor li ġara f’Malta tliet xhur wara biss. F’dan il-każ , li Grixti jsejjaħlu ‘identiku’ inħarġet care order b’emerġenza u t-tarbija tneħħiet minn mal-familja, kif inhi l-prassi. Fil-każ ta’ Għawdex dan ma seħħx.

Il-każi, magħrufa aħjar bħala ‘shaken baby syndrome’ Grixti jiddeskrivihom bħala “identiċi, bl-unika differenza tkun li wieħed seħħ f’Malta u l-ieħor seħħ f’Għawdex.”

Mal-ILLUM, Grixti qal li dan il-ħaddiem, kien ġie appuntat mill-eks Ministru Giovanna Debono, u żvela li hi, “ma riditx li jkun hemm l-Appoġġ u s-Sedqa f’Għawdex,” u kien miżmum fil-kariga mill-Ministru preżenti, Anton Refalo.

“Fil-każ ta’ Għawdex,” ikompli jgħid Grixti, “daħlet il-Qorti b’dan is-suppost social worker, li jaħdem fis-social work unit tal-Ministeru ta’ Għawdex, kif ilu jagħmel. Dan, fil-Qorti qal li jaf lill-familja, u propona li r-raġel joħroġ ’il barra mid-dar, u l-omm tmur toqgħod mal-ġenituri tagħha, waqt li jagħmel il-monitoraġġ hu stess. Daqslikieku solvejna l-problema, meta dan fil-fatt, kien każ ċar ta’ care order.” Dwar dan, tkellmet ukoll mal-ILLUM, il-Kap tal-Operat tal-Appoġġ Ruth Sciberras li qalet li f’dawn il-każi, wieħed irid jagħmel ħafna assessjar, biex finalment jiġi verifikat x’ġara eżatt, x’ikkawża l-każ u min seta’ kien responsabbli.

Wara li ħarġet mill-Isptar fit-8 ta’ Awwissu 2014, it-tarbija, intbagħtet lura d-dar.

It-tifla ta’ erba’ xhur, sofriet minn tbenġil fuq żaqqha, daharha u moħħha, u demm f’għajnejha li huma kollha sintomi ta’ ‘shaken baby’. Il-kundizzjoni tagħha kienet tant ħażina li ġiet trasferita permezz ta’ helicopter lejn l-Isptar Mater Dei.

il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti
il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti

 

‘Giovanna ma riditx li jkun hemm l-Appoġġ u s-Sedqa f’Għawdex...ġennata kbira’

Fil-Qorti, it-tobba Simon Mifsud, Mariella Mangion u l-Professur Simon Attard Montaldo kienu elenkaw id-diversi tbenġil li sofriet it-tarbija filwaqt li CT scan wriet li kienet sofriet minn emorraġija f’moħħha. Il-Professur Attard Montaldo kien qal li l-ġrieħi kieku kompatibbli ma’ theżżiż qawwi u vjolenti.

F’intervista mal-gazzetta ILLUM, Alfred Grixti flimkien mal-Kap tal-Operat tal-Appoġġ Ruth Sciberras, qalu kif is-sistemi ta’ ħarsien soċjali tal-Fondazzjoni, li taħtha jaqgħu l-aġenziji Appoġġ u Sedqa fost l-oħrajn, mhumiex rappreżentati f’Għawdex. Grixti sostna li l-Fondazzjoni mhix preżenti għaliex, “Giovanna ma riditx li jkun hemm l-Appoġġ u s-Sedqa f’Għawdex. Riedet social work unit fil-Ministeru, li hi ġennata kbira.”

Mistoqsi jekk allura, il-Fondazzjoni li tagħha huwa CEO Alfred Grixti għandhiex awtorità f’Għawdex, Grixti jgħid li l-awtorità hemmhekk taqa’ taħt idejn il-Ministeru, “is-social work unit hemmhekk ma jaqax taħtna, u fl-opinjoni tagħna, is-social work f’Għawdex għandu jkun tagħna,” ikompli jinsisti. 

“Dan l-individwu,” jgħid Grixti b’referenza għall-impjegat fil-Ministeru, “jirrifjuta li jaħdem mal-FSWS, u jrid ikompli jirrenja. Kif erba’ snin ilu nbidel il-Gvern, dan biddel l-alleanza tiegħu.” Qal ukoll li n-nies issa, qegħdin jilmentaw dwar dan.

Grixti kompla jgħid li minkejja li Giovanna Debono m’għadhiex ministru għal Għawdex, is-sistema xorta waħda għadha l-istess. “L-istess social worker li kien jaħdem Għawdex fi żmien Giovanna, issa sar ħbieb ma’ Anton,” kompla jgħid Grixti, “biex jibqa’ jżomm l-imperu.”

Is-CEO tal-FSWS, sostna wkoll li anke fost is-social workers li hemm f’Għawdex jaħdmu mal-Fondazzjoni kien hemm ilmenti li ma ridux jaħdmu fi ħdan il-unit tal-Ministeru. Fil-fatt, Grixti jikkwota social worker tgħid, “jien ma rridx naħdem mal-Ministeru għaliex dawn taf kif inhuma, balbuljati waħedhom.”

Minbarra dan, Sciberras u Grixti jgħidu li l-kultura f’Għawdex fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali hi differenti ferm minn Malta, u n-nies isibuha iktar diffiċli sabiex iċemplu jew jirrappurtaw għall-għajnuna, f’dik li Grixti jsejjaħ bħala omertà. “F’Għawdex hemm l-omertà. Jekk tħares lejn il-figuri fuq l-abbuż f’Għawdex, tara waħdiet, għax m’hemmx kultura li jitkellmu.”

Fil-fatt, ħarsa lejn statistika mqiegħda fil-Parlament dwar in-numru ta’ każijiet li ħadem magħhom is-servizz għall-ħarsien tat-tfal, li jaqa’ fi ħdan il-FSWS, juri li l-każijiet fil-lokalitajiet Għawdxin il-każi jvarjaw bejn każ jew tnejn f’sena. “Fl-istatistika ta’ Għawdex se ssib ħafna żero, għax f’Għawdex m’hemmx kultura li n-nies jitkellmu u jikxfu, mhux għax m’hemmx każi. Fejn naraw każi rrappurtati ta’ vjolenza domestika f’Għawdex?” jistaqsi Grixti.

Meta mistoqsi dwar x’awtorità għandha l-Fondazzjoni f’Għawdex u x’jiġri meta jkun hemm telefonati b’rapporti ta’ abbuż jew negliġenza fuq it-tfal f’Għawdex, Grixti qal li minkejja li ma jiġux imwaqqfin milli jaħdmu hemm, xorta waħda, “jiddependi min jasal l-ewwel.”

More in Politika