Il-froġa ta’ Franco Debono

Froġa li ħoloq Franco Debono li jippreferi jippontifika fuq kemm jifhem milli jfittex li jsib soluzzjonijiet reali u aċċettabbli għall-partiti kollha...

Il-kontroversja attwali dwar jekk il-Kummissjoni Elettorali hiex addattata biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi kienet antiċipata iktar minn tliet snin ilu. Fi Frar 2014, Alternattiva Demokratika, bħala reazzjoni għad-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika (il-White Paper), kienet laqgħet b’sodisfazzjon il-proposta tal-Gvern li jilleġiżla, imma kienet ġibdet l-attenzjoni li l-għażla tal-Kummissjoni Elettorali bħala l-awtorità regolatorja kienet waħda żbaljata. Alternattiva Demokratika reġgħet sostniet din il-pożizzjoni meta f’Lulju 2014 il-Ministru  Owen Bonnici flimkien mal-konsulent tiegħu Franco Debono ippubblika l-abbozz ta’ liġi ffinalizzat.

Din hi l-froġa li ħoloq Franco Debono li jippreferi jippontifika fuq kemm jifhem milli jfittex li jsib soluzzjonijiet reali u aċċettabbli għall-partiti kollha. X’ser jagħmel il-Gvern f’dawn iċ-ċirkustanzi ftit hu magħruf

Alternattiva Demokratika, konsistentement, fittxet li tidentifika alternattiva aċċettabbli għall-Kummissjoni Elettorali bħala awtorità regolatorja. Din l-alternattiva kienet identifikata f’Marzu 2014 meta l-Kumitat Magħżul tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika iffinalizza l-ħidma tiegħu u ħejja abbozz ta’ liġi li jipprovdi, fost affarijiet oħra dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan l-abbozz kien approvat mill-Parlament nhar it-22 ta’ Marzu 2017 u nittama li f’qasir żmien jibda jkun implimentat. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li għandu jinħatar mill-Parlament, ser ikun jeħtieġ l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari. Dan minnu nnifsu jassigura li l-persuna li tinħatar tkun aċċettata minn kulħadd.

Il-pożizzjoni li ħadet Alternattiva Demokratika, wara, ġiet addottata ukoll mill-Partit Nazzjonalista kemm fil-pubbliku kif ukoll fid-dibattitu Parlamentari. Fl-istadju ta’ kumitat fil-Parlament, id-dibattitu dwar dan il-punt kien twil u iebes. Jiena wkoll għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika kelli l-opportunità li nipparteċipa f’dan id-dibattitu u nista’ nikkonferma li l-Gvern u l-konsulenti tiegħu oppona b’qawwa l-proposta li l-awtorità regolatorja dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi ma tkunx il-Kummissjoni Elettorali.

L-awtur tal-abbozz tal-liġi, l-eks membru parlamentari Franco Debono emfasizza li l-proposta tiegħu kienet ibbażata fuq il-mudell Ingliż. Bl-ebda mod ma seta’ jifhem kif fil-kuntest ta’ kif inhi kostitwita l-Kummissjoni Elettorali f’Malta, il-proposta tiegħu ftit tagħmel sens. L-anqas seta’ japprezza l-fatt li fir-Renju Unit hemm tradizzjoni twila ta’ kummissjoni elettorali verament indipendenti. Tant li riċentment wara investigazzjoni fil-fond, din il-kummissjoni, immultat lill-Partit Konservattiv Ingliż il-massimu li tippermettilha l-liġi dwar irregolaritajiet ippruvati fir-rapporti sottomessi dwar il-finanzjament tal-aħħar kampanja elettorali.

F’dokument li Alternattiva Demokratika ppubblikat f’Lulju 2014 biex tkun spjegata l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi konna enfasizzajna li l-mod kif nofs il-Kummissjoni hi maħtura mill-Gvern u n-nofs l-ieħor hi nominata mill-Kap tal-Oppożizzjoni, biċ-Chairman maħtur mill-Gvern jagħti lill-PN u lill-PL il-kontroll assolut tal-proċess kollu.

Ġie argumentat li l-Kummissjoni Elettorali diġà qdiet dmirha sewwa u b’imparzjalità tul is-snin. Min jgħid hekk għandu memorja qasira ħafna. Il-Kummissjoni Elettorali timxi sewwa għax għandha idejha marbuta b’liġi li ma tistax tinbidel jekk mhux bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Ħafna minnha jiftakru żminijiet oħra, koroh ħafna.

Minħabba l-kompożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni Elettorali qatt ma tista’ tkun awtorità investigattiva kredibbli

Bħalissa l-Kummissjoni Elettorali għandha quddiemha tliet ilmenti dwar tliet każi differenti fejn qed jintqal li nkisret il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi. Il-Partit Laburista a bażi tad-dikjarazzjonijiet tad-db Group u ta’ rapport fl-istampa qed jinsiti li jeżistu l-provi li l-Partit Nazzjonalista qed idur mar-regoli tad-donazzjonijiet politiċi billi jaħbihom qishom ħlas għal servizzi li fil-fatt ma ngħatawx. Filwaqt li l-loġika tiddetta li dawn l-ilmenti għandhom ikunu investigati, sfortunatament minħabba l-kompożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni Elettorali qatt ma tista’ tkun awtorità investigattiva kredibbli.   

Il-PN għaldaqstant għandu raġun jopponi investigazzjoni mmexxija minn Kummissjoni Elettorali li hi maħtura politikament u jagħmel sewwa jekk imur il-Qorti biex jassigura li l-investigazzjoni ssir minn regolatur imparzjali. Ovvjament din hi opportunità għall-PN biex jipprova jiżgiċċa, opportunità li ngħatat lill-PN fuq platt mill-Gvern Laburista u l-konsulent tiegħu Franco Debono.

Alternattiva Demokratika kienet tippreferi li l-liġi saret sewwa mill-ewwel b’mod li la l-PN illum u lanqas possibbilment il-PL għada ma jkollu minn fejn jisgiċċa. Imma issa, kif qed jiżviluppaw l-affarijiet ifisser li f’dawn ix-xhur kruċjali ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, ir-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi ser ikunu bla snien, jistennew li jkunu eżaminati mill-Qrati.

Din hi l-froġa li ħoloq Franco Debono li jippreferi jippontifika fuq kemm jifhem milli jfittex li jsib soluzzjonijiet reali u aċċettabbli għall-partiti kollha. X’ser jagħmel il-Gvern f’dawn iċ-ċirkustanzi ftit hu magħruf.  

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] | http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Politika