Il-PL iwiegħed li jagħlaq l-impjant tar-riċiklaġġ f'Marsaskala

5 wegħdi oħra tal-Partit Laburista, fost l-oħrajn trasport pubbliku b'xejn lill-pensjonanti, tfal, studenti u persuni b'diżabbiltà, waqt li l-eżamijiet tal-MATSEC isiru kollha bla ħlas

Il-Prim Ministu Joseph Muscat wiegħed li jekk jerġa' ikun elett Gvern Laburista, bħala waħda mill-prjoritajiet tiegħu jkollu l-ambjent. F'wegħda ambizzjuża li għamel dalgħodu, ħabbar li f'perjodu ta' seba' snin, ikun qed jingħalaq l-impjant ta' Sant Antnin f'Marsaskala, u minflok, ikun trasformat fi spazju pubbliku għall-familji. Dan ikun qed jara parti mill-operat ta' skart domestiku jiċċaqlaq lejn il-faċilità tal-Magħtab li qed tinbena. Muscat, lura għal meta kien Membru Parlamentari Ewropew kien mexxa petizzjoni kontra dan il-proġett, meta kienet qed tinbena, dan minbarra numru ta' ilmenti mir-residenti tal-madwar minħabba rwejjaħ. Dwar l-ambjent, il-PL wiegħed ukoll li se jkun kommess li ma jagħmel l-ebda proġett maġġuri f'ODZ.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet biex jitniedu iktar prijoritajiet tal-Partit Laburista, Muscat qal kif dawn se jkunu l-ambjent, in-negozji, is-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport. Il-mexxej Laburista qal kif fi tmiem din il-ġimgħa se jkun qed isir il-kungress tal-Partit Laburista fejn jiġu approvati l-linji gwida, u sussegwentement jitnieda l-manifest elettorali.

Dwar it-trasport, Muscat ħabbar li se jkun qed jiġi provdut trasport pubbliku b'xejn lil min ikun irrinunzja l-liċenzja tas-sewqan, anke b'mod temporanju. Il-pensjonanti, it-tfal, l-istudenti u l-persuni b'diżabbiltà se jkunu qed jingħataw ukoll trasport pubbliku b'xejn, waqt li jiġi offrut servizz ta' trasport lejn l-iskola b'superviżjoni.

Fost għadd ta' miżuri dwar is-saħħa, il-PL qed iwiegħed li jkompli jespandi l-iptar Mater Dei, fost l-oħrajn permezz ta' parkeġġ ta' bejn 600 u 700 spazju, b'sular dedikat għat-trasport pubbliku. Intqal ukoll kif Gvern Laburista jkun qed iżid in-numru ta' sodod b'230, bil-bini ta' sptar ta' Mother and Child Hospital. Ikun qed jinbena wkoll sptar għas-saħħa mentali sabiex l-operat jiċċaqlaq mill-Isptar Monte Carmeli, b'dan tal-aħħar ikun rinovat. Dan kollu filwaqt li nsista li s-saħħa se tkun qed tibqa' servizz b'xejn għal kulħadd. Ħabbar ukoll li l-PL ikun kommess li jagħti l-mediċini tal-kanċer kollha b'xejn waqt li jżid il-mediċini bħal tad-dijabete u mard tal-qalb. Tkellem ukoll dwar bini ta' ċentri tas-saħħa reġjonali, f'Raħal Ġdid, Ħal Kirkop u iħor fit-Tramuntana tal-pajjiż, dan filwaqt estensjoni għall-pajjiż kollu, tal-proġett pilota tat-tqassim tal-mediċini b'xejn fi djarhom lill-anzjani.

Dwar l-edukazzjoni, fost diversi proposti, Muscat wiegħed li l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC ikunu bla ħlas, jiżdiedu l-pagi tal-għalliema, waqt li jiġi assigurat li studenti li jkunu qed jagħmlu apprentistat, jingħataw minn tal-inqas, il-paga minima.

Fost proposti għan-negozji, Muscat ħabbar li t-treshold tal-VAT se tkun qed titla' minn €14,000 għal €20,000.

 

More in Politika