Aġġornata | Telefonati u door-to-door kontra Delia
- It-tmexxija tal-PN f’kampanja qawwija biex Delia ma jsirx Kap
- Uffiċjali gżati talli tkellmu fuq FB
minn Jesmar Baldacchino
Membri tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Kap uxxenti Simon Busuttil, qed jagħmlu telefonati u żjarat fid-djar ta’ tesserati tal-partit, biex jipperswaduhom ma jivvutawx lil Adrian Delia, kandidat flimkien ma’ Chris Said għat-tmexxija tal-partit. Esponenti għolja fil-PN stqarrew dan mal-ILLUM, hekk kif it-tellieqa għall-Kap se tintemm nhar is-Sibt li ġej. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata wkoll minn persuni li qed imexxu l-kampanja ta’ Delia.
Numru ta Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li tkellmu mal-ILLUM qalu li fil-jiem qabel is-Sibt li għadda saru telefonati mid-Dar Ċentrali u pressjoni kbira fuqhom biex ma jagħżlux lil Adrian Delia. Qalulna li l-messaġġ kien li Adrian Delia “mhux bniedem integru" u li għalhekk m’għandhomx jagħtuh il-vot għaliex inkella l-partit ma jibqax ibbażat fuq il-valuri li fuqhom inbena.
Intqal ukoll li l-attakk fuq min jissimpatizza ma’ Adrian Delia kien wieħed sistematiku mhux biss bil-persważjoni u bit-telefonati imma wkoll b’theddid u ċanfir tal-espressjoni ħielsa fuq il-mezzi soċjali. Żvelaw kif posts fuq Facebook ta’ persuni fi ħdan il-partit ġew saħansitra riferuti lill-amministrazzjoni għaċ-ċanfir għaliex “iħossu li għandhom id-dritt li jagħmlu li jridu”.
Tesserati għal għomorhom jibqgħu bla vot
Delia ma jitħalliex juża podju li ntrama apposta għall-kandidati
Għall-ewwel elezzjoni tat-2 ta’ Settembru li għadda kien hemm kunsilliera li għandhom vot fil-Kunsill Ġenerali li stqarrew fuq il-mezzi soċjali li ma ngħatawx il-vot u oħrajn li jissimpatizzaw ma’ Adrian Delia li ġew ibblokkjati minn Membri Parlamentari għaliex urew fil-mezzi soċjali li jaqblu mal-ideat ta’ dan il-kandidat. Sitwazzjoni simili reġgħet tfaċċat ma’ wħud mit-tesserati għal għomorhom li marru d-Dar Ċentrali jitolbu li jingħatalhom id-dokument tal-vot, wara li baqgħu ma rċevewx l-ittra uffiċjali biex jiġbru l-vot. Minflok ingħatalhom il-vot, intwerilhom il-bieb ta’ barra għax minkejja li t-tessera mħallsa għal għomorhom intqalilhom li ma jistgħux jivvutaw.
L-istess persuni għolja fil-Partit Nazzjonalista spjegawlna li din l-esklużjoni mhix issir biss fuq in-nies ta’ barra imma wkoll internament u qalulna kif dakinhar tal-ewwel elezzjoni tas-Sibt li għadda, fid-Dar Ċentrali kien hemm podju bil-bnadar ta’ Malta, l-Ewropa u l-partit ippreparat biex il-kandidati jkunu jistgħu jgħidu l-ewwel reazzjonijiet tagħhom wara r-riżultat u jirringrazzjaw lil kull min ivvutalhom. Qalulna li għalkemm Adrian Delia ġab l-akbar ammont ta’ voti, ma tħalliex juża dan il-podju u minflok kellu jindirizza l-midja preżenti mill-foyer.
Huwa fatt magħruf li Adrian Delia qasam fi tnejn l-opinjoni tan-nies u l-partitarji kollha tal-Partit Nazzjonalista. Dan hekk kif it-tieni parti ta’ din l-elezzjoni qed tkun ikkaratterizzata b’messaġġi sottili li jduru mal-‘prinċipji tal-partit’ u l-kliem li qed jgħidu bosta esponenti fuq il-ħtieġa li ‘nsalvaw il-partit’.
L-għajta barra hija li s-sitwazzjoni preżenti qed tispiċċa ddgħajjef lill-Partit Nazzjonalista u qed tesponih għall-attakki mill-avversarji politiċi kif fil-fatt irrappurtat din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda. Ikkuntattjati mill-ILLUM, nies li jmexxu l-kampanja ta’ Chris Said qalulna li min-naħa tagħhom fl-ebda ħin ma saret pressjoni fuq x’għandhom jagħmlu l-votanti. Ironikament, iż-żewġ kandidati għal Kap tal-partit Adrian Delia u Chris Said issa ilhom isostnu fid-diskorsi tagħhom li l-partit ‘huwa tan-nies’ u li huma n-nies li jagħmlu l-partit.
Intant fi stqarrija il-PN qal li din l-istorja hija bbażata fuq il-qlajjiet.
"Il-proċess tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien, għadu u se jibqa’ sal-aħħar mument proċess ġust, serju, trasparenti u li joffri l-istess ċansijiet lill-kandidati kollha bl-istess mod. Dan jgħodd kemm għall-Partit Nazzjonalista kif ukoll għall-media tiegħu, tant li l-media tal-Partit Nazzjonalista offriet l-istess spazju għall-kandidati kollha fl-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kull membru tal-Partit Nazzjonalista hu fil-libertà li jagħżel skont il-kuxjenza tiegħu lil min jemmen li hu l-aqwa persuna - fost iż-żewġ kandidati f’dan l-istadju - biex imexxi l-Partit Nazzjonalista fis-snin li ġejjin.
Anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawk eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej, l-allegazzjonijiet tal-gazzetta Illum m’huma xejn għajr invenzjoni. Il-proċess kien spjegat sa mill-ewwel ġurnata: kull min kien tesserat tal-Partit Nazzjonalista f’mill-inqas waħda mill-aħħar ħames snin, għandu d-dritt li jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej. Jekk dawn il-persuni ma ħallsux it-tessera tal-aħħar sentejn, huma obbligati li jagħmlu dan biex jinħarġilhom id-dokument tal-vot. Kull min hu life member, ovjament, jikkwalifika biex jivvota fl-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.
F’każijiet fejn kien hemm dubju dwar it-tessera ta’ xi individwu, l-Kummissjoni Elettorali semgħet dawn il-każijiet u ddeċidiet skont il-fatti provduti lilha."