'Siġġijiet Parlamentari mingħandna ma jieħux'

Wara l-istorja esklussiva tal-ILLUM, Marlene Farrugia mhix lesta li ċċedi siġġijiet tal-PD biex Delia jsib postu fil-Parlament 

Il-Kap uxxenti tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia mhix lesta li ċċedi biex il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jsib postu fil-Parlament. Wara l-istorja esklussiva tal-ILLUM, li Adrian Delia se jkollu jinnegozja ma’ Marlene Farrugia biex ikollu siġġu Parlamentari u allura l-mazz issa huwa f’idejha, ġurnalisti oħra iddeċidew li jistaqsu huma wkoll x’se jiġru u min hu lest li jċedi postu.

Ritratt | Mill-blogg ta' Daphne Caruana Galizia
Ritratt | Mill-blogg ta' Daphne Caruana Galizia

Daphne Caruana Galizia kitbet fuq il-blogg tagħha li tkellmet ma’ Marlene Farrugia dwar x’inhi l-intenzjoni tal-Partit Demokratiku. Qalet li rċeviet ‘screenshot’ bit-tweġiba li Farrugia tat lill-ġurnalist fejn qalet lil Delia lesta tagħtih siġġijiet kemm irid basta jkunu tal-kċina, imma żgur li mhux se jkunu dawk tal-Parlament.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-PD kellu mill-inqas kandidat f’kull distrett, u anke fis-seba’ u fl-10 Distrett minn fejn kienu eletti Godfrey u Marlene Farrugia rispettivament, hemm kandidati oħrajn tal-PD li f’każ ta’ riżenja mill-Parlament jista’ jkollhom l-interess li jikkontestaw elezzjoni każwali.

Għalkemm fl-istorja esklussiva tal-ILLUM irrappurtajna kif membri tat-tim ta’ Delia stqarrew li għandhom “mekkaniżmu lest u li se jiskatta”, minn naħa tagħha Marlene Farrugia ċaħdet li saru laqgħat jew li kienet se ċċedilu. Qaltilna li se jkunu esplorati “x-xenarji kollha.” Wara l-elezzjoni tas-Sibt għal Kap ġdid tal-PN, Marlene Farrugia qalet li l-PN għażel triqtu imma l-Partit Demokratiku se jibqa’ jagħżel Malta.

Jirriżulta li l-aktar żewġ persuni li jista’ jkun li jċedu s-siġġu lil Adrian Delia huma Frederick Azzopardi, wieħed miż-żewġ siġġijiet Kostituzzjonali tal-Partit Nazzjonalista u d-deputat Maria Deguara, mart l-eksMinistru Nazzjonalista Louis Deguara.

Il-Kostituzzjoni titlob li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ikun membru Parlamentari u n-negozjati biex Delia jsib postu fil-Parlament bdew. Adrian Delia jrid ikun membru tal-Parlament sal-ewwel ġranet ta’ Ottubru.

More in Politika