Dan is-sit jinsab infurmat illi iktar tard dalgħodu il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed iwaqqa' l-libelli kollha li fetaħ fil-konfront ta' Daphne Caruana galizia fit-tiġrija għal Kap ġdid ftit ġimgħat ilu. Sorsi fil-PN ikkonfermaw li Delia se jkun qed iwaqqa' kull libell li sar fil-konfront tal-ġurnalista li nqatlet ilbieraħ f'karozza bomba "bħala sinjal ta' rispett".
Każ ta' libell ma jaqax awtomatikament, imma jaqa' jekk ħadd ma jkomplieh f'isem il-persuna li ġiet nieqsa. Is-sit illum.com.mt żvela ftit ilu illi fil-fatt it-tfal ta' Caruana Galizia lesti jkomplu kull każ ta' libell li fetħu Ministri, sakemm dawn ma jitwaqqgħux ukoll.
Delia kien fetaħ ħames libelli dwar akkużi u stejjer differenti li kienet kitbet Caruana Galizia dwaru fosthom meta akkużatu li għandu kont bankarju f'Jersey u li, allegatament, minn dan il-kont għaddew flus mill-prostituzzjoni.
Delia qed isejjaħ il-qtil tal-bieraħ bħala wieħed politiku u qed jinsisti li l-investigazzjoni li se tibda tkun waħda indipendenti. Ilbieraħ filgħaxija Delia u l-PM Joseph Muscat iltaqgħu wara s-seduta Parlamentari biex jiddiskutu t-triq 'l quddiem, fosthom l-għażla tal-maġistrat inkwerenti wara rikors mill-familja Caruana Galizia.
Intant apparti ta' Delia, hemm diversi libelli oħrajn pendenti jew li kienu qed jinstemgħu, fuq kwistjonijiet diversi, fosthom minn Ministri, bħal fil-każ ta' Chris Cardona u l-allegazzjonijiet li kien mar f'burdell u anke persuni prominenti fil-Gvern, speċjalment dawk kollha li b'xi mod isimhom issemma fil-każ tal-Panama Papers.
Intant l-FBI ġiet msejħa Malta u membri tagħha mistennijin jaslu fil-ħin li ġej, biex jgħinu fil-każ.