Dan is-sit jinsab infurmat li minuti ilu, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien il-Qorti fejn waqqaf il-każi ta' libell li nfetħu kontra Daphne Caruana Galizia. Minkejja li qamu dubji dwar jekk dawn kienux jaqgħu awtomatikament jew le, dan is-sit jinsab infurmat illi t-tfal ta' Daphne Caruana Galizia lesti jidħlu 'fiż-żarbun' ta' ommhom f'każ li l-libelli li għaddejjin bħalissa, jew li huma pendenti u li infetħu minn Ministri tal-Gvern ma jitwaqqgħux.
Fil-fatt f'każ ta' mewt, każ ta' libell jekk ma jitwaqqgħax minn min għamlu jista' jkomplieh qarib jew persuna oħra.
Fost il-persuni li fetħu kawżi ta' libell kontra Caruana Galizia hemm il-Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi, l-ewwel dwar allegazzjonijiet li kien f'burdell u l-ieħor minħabba allegazzjonijiet relatati ma' kont bankarju u kumpanija l-Panama.
Daphne Caruana Galizia sfat maqtula f'karozza bomba ta' qawwa kbira ilbieraħ, bil-pajjiż kollu issa xxukkjat b'dan il-qtil makabru ta' ġurnalista. Minkejja li qtil permezz ta' karozza bomba mhux l-ewwel darba li ġrat, din hija l-ewwel darba li ġrat lil persuna li taħdem fil-ġurnaliżmu.