Casa se jitlob diskussjoni urġenti fil-PE dwar il-qtil ta' Caruana Galizia
L-MEP Malti ilu xhur jikteb lill-Kummissarju Timmermans fuq is-saltna tad-dritt f'Malta
More in Politika
L-MEP Malti ilu xhur jikteb lill-Kummissarju Timmermans fuq is-saltna tad-dritt f'Malta
L-MEP Malti David Casa se jitlob lill-Parlament Ewropew biex il-ġimgħa d-dieħla ssir diskussjoni urġenti mal-Kummissjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.
Il-ġimgħa d-dieħla l-Parlament Ewropew se jkun qed jiltaqa' fi Strasburgu għas-sessjoni plenarja.
Mal-ILLUM, David Casa qal li Kummissjoni Ewropea għandha turi t-tħassib tagħha fuq dak li ddeskriva bħala l-kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta billi tiftaħ l-investigazzjonijiet.
Casa sostna li huwa ferm ċar li s-sitwazzoni setgħet ġiet evitata li kieku l-Kummissjoni ħadet azzjoni mal-ewwel meta ġiet infurmata bl-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta.
Fil-25 ta’ Lulju li għadda, David Casa kien talab lill-Kummissarju Ewropew Frans Timmermans biex il-Kummissjoni tieħu azzjoni malajr biex tipproteġi s-saltna tad-dritt u d-demokrazija f’Malta.
Fil-Parlament Ewropew, Casa kien ressaq ukoll numru ta’ mistoqsijiet lill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-espressjoni tal-kelma u l-ġurnaliżmu ħieles.
Filwaqt li rrimarka l-limitazzjonijiet li għanda l-Kummissjoni biex tieħu azzjoni, fit-tweġibiet tiegħu l-Kummissarju Ewropew Timmermans enfasizza fuq il-ħtieġa tas-saltna tad-dritt.
Qal ukoll li f’bosta każijiet ma jkunx nuqqas tal-liġijiet Ewropej iżda li dawn il-liġijiet ma jkunux applikati kif suppost.
L-MEP Francis Zammit Dimech qed jitlob li jkun hemm minuta silenzju fl-ewwel laqgħa li jmiss tal-Kumitat CULT fil-Parlament Ewropew, liema kumitat huwa responsabbli mill-midja.
Fi stqarrija d-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ukoll ikkundannat bla riżerva l-qtil ta’ Caruana Galizia, li ddeskrivewh bħala attakk fuq il-libertá tal-kelma.
Alfred Sant, Miriam Dalli u Marlene Mizzi qed jistennew li l-proċeduri tal-investigazzjoni jitmexxew bl-akbar qawwa u bir-riżorsi kollha possibbli biex il-kriminali nvoluti jinqabdu malajr kemm jista’ jkun u biex issir ġustizzja.
L-MEPs Laburisti qalu li f’dan iż-żmien il-poplu kollu għandu jibqa’ magħqud f’kundanna lejn dan l-aġir u fir-rispett sħiġ lejn il-valuri tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt.