Filmat | 'Ilna minn Frar nafu li DCG mhedda'
Is-Segretarju Ġenerali tal-EFJ jgħid li Caruana Galizia ilha tirċievi theddid fuq ħajjitha
More in Politika
Is-Segretarju Ġenerali tal-EFJ jgħid li Caruana Galizia ilha tirċievi theddid fuq ħajjitha
Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ) Ricardo Gutierrez qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ilha tirċievi theddid fuq ħajjitha.
Fuq l-istazzjon televiżiv Franċiż TV5Monde, Gutierrez qal li l-Federazzjoni ilha minn Frar li għadda li kienet mgħarrfa bit-theddid li kienet qed tirċievi l-ġurnalista Maltija.
Mistoqsi għal reazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, Gutierrez qal hekk “Aħna konna avżati minn ħafna żmien ilu fuq it-theddid ta’ Caruana Galizia, ilna nafu minn Frar li għadda. Aħna (il-Federazzjoni) flimkien mal-organizzazzjonijiet Franċiżi oħra tal-libertá tal-ġurnalisti avżjana lill-Kunsill Ewropew b’dan il-każ.”
Il-Kunsill Ewropew huwa wieħed mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin fl-Ewropa flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropea, fih ipoġġu l-Prim Ministri kollha tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
B’dak li qal is-Segretarju Ġenerali tal-EFJ allura jirriżulta illi Caruana Galizia kienet ilha xhur tgħid u titkellem ma’ kollegi oħra ġurnalisti bħalha li kienet mhedda b’ħajjitha.
Ricardo Gutierrez tkellem ukoll dwar id-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Enfasizza li hekk kif il-ġurnalista kienet ilha turi li qed tirċievi t-theddid, dan kien każ li seta’ ġie evitat.
Gutierrez qal hekk “jien naħseb li l-azzjoni tiegħu ġiet naqra tard u t-theddid kienu ilhom ġranet għaddejjin. Tant hu hekk li dawn l-aħħar ħmistax marret hi stess għand il-Pulizija. Għandna kollega minn tagħna li intervistaha l-ġimgħa l-oħra u miegħu ma ħbiet xejn fuq dan it-theddid. Qed inħossni sorpriż kif f’daqqa waħda kulħadd iddispjaċut b’dan l-attakk, meta din kienet irrappurtat it-theddid.”
Meta fil-midja kien qed ikun irrappurtat li ġimagħtejn qabel ma inqatlet, Daphne Caruana Galizia kienet irrapurtat it-theddid, il-Pulizija kienu ħarġu stqarrija illi fiha sostnew li ma kienx minnu li hi jew xi ħadd f’isimha kien irrapporta xi theddid fuq ħajjitha fl-għassa tal-Mosta.
It-Tlieta li għadda, l-ġurnalist Guy Adams kien kiteb fid-Daily Mail li Caruana Galizia kienet kellmitu fuq it-theddid.
Mal-ILLUM, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia kkonferma kif ma kienx hemm skorta ma’ Galizia u kif il-protezzjoni kienet twaqqfet fl-2010 fuq talba tagħha stess u l-uniċi każijiet fejn reġa’ ngħata l-protezzjoni kienu fil-jiem ta’ wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u l-2017.
Il-Ministru Farrugia qal li kienet Caruana Galizia stess li ma riditx li tibqa’ tingħata l-protezzjoni għaliex kienet qed tara li qed jinkisrilha l-privatezza.