Il-Kummissjoni Anti-Mafja Taljan dalgħodu bdiet sensiela ta’ laqgħat mal-Gvern u l-Awtoritajiet Maltin.
Din il-Kummissjoni qed tistħarreġ traffikar tad-droga, immigrazzjoni rregolari u kuntrabandu taż-żejt, li huma meqjusa bħala attivitajiet kriminali li t-Taljani qed iwettqu ma’ Maltin fejn qed jiġi allegat li jużaw postijiet u indirizzi f’pajjiżna biex iwettqu din l-attività.
Ilbieraħ Rosy Bindi attendiet għall-Quddiesa li ġiet iċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Bidnija, ġimgħa wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Bindi kellha wkoll laqgħa privata mal-Arċisqof.
Il-President tal-Kummissjoni Anti-Mafja qalet li l-preżenza tagħha għall-Quddiesa hija turi ċara tal-appoġġ lejn il-familja Caruana Galizia.
Rosy Bindi qalet li sfortunatement l-Italja għaddiet minn esperjenzi ta’ qtil u vjolenza fuq ġurnalisti, maġistrati u membri tal-forzi tal-ordni.
Il-President ta’ Din il-Kummissjoni Rosy Bindi sostniet li din iż-żjara, li kienet diġá ppjanata, bħala opportunitá ta’ djalogu bejn l-Italja u Malta fis-solidarjetà taż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.