Każ simili għall-Panama Papers minn kumpanija fil-Bermuda

  • Il-kumpanija Appleby tammetti li nsterqitilha informazzjoni sensittiva dwar klijenti li fetħu kumpaniji
  • Irrappurtat li fost l-ismijiet hemm ukoll dawk ta' persuni importanti madwar id-dinja

Eku tal-Panama Papers qed terġa tidwi fil-midja internazzjonali hekk kif il-kumpanija finanzjarja Appleby ammettiet li qed tirċievi numru ta’ mistoqsijiet mingħand ġurnalisti.

Għalkemm l-aħbar qed tiġi ppubblikata f’midja barranija f’dawn l-aħħar sigħat, Appleby qalet li din l-informazzjoni ttieħdet daqs sena ilu. Il-kumpanija, li għandha uffiċċji ewlenin fil-Bermuda qalet li fost l-oħrajn irċeviet mistoqsijiet mill-ICIJ, liema ġurnalisti kienu l-moħħ wara l-kxif tal-Panama Papers.

Il-midja internazzjonali qed isostnu li fost l-ismijiet li fetħu kumpaniji sigrieti ma’ Appleby jista’ jkun hemm persuni importanti madwar id-dinja kollha, li m’humiex biss negozjanti.

Apparti l-Bermuda, Appleby għandhom ukoll uffiċċji oħra fil-British Virgin Islands u l-Isle of Man.

Il-kumpanija qed issotni li wettqu investigazzjoni interna wara li nsterqitilha l-informazzjoni u li jirriżultalha li ma kienx hemm ksur ta’ liġijiet la min-naħa tagħha u lanqas min-naħa tal-klijenti tagħha.

Dan il-każ ta’ Appleby tfaċċa daqs 18-il xahar wara li ġew ippubblikati l-Panama Papers.

More in Politika