Esklussiva | Imminenti vot sigriet mid-Deputati tal-PN dwar Adrian Delia

L-ILLUM infurmata li huma mill-inqas 17 dawk li lesti li jivvutaw kontra Delia jekk il-vot ikun sigriet

Huwa imminenti li fil-ġranet li ġejjin tissejjaħ laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fejn matulha se jittieħed vot sigriet fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Sorsi għolja fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu mal-ILLUM qalu li se jintalab li l-vot matul il-laqgħa li jkun wieħed sigriet.

Dan minħabba provvedimenti fl-istatut tal-partit li jagħmlu possibbli li l-kumitat eżekuttiv jkeċċi lid-Deputati ‘ribelli’ jekk dawn ikunu magħrufa min huma b’isimhom. Is-sorsi qalu li din l-inizjattiva qed tissaħħaħ b’pass imgħaġġel u b’vot sigriet huwa mistenni li l-maġġoranza tad-deputati jivvutaw kontra Delia bla problemi.

L-ILLUM hija infurmata li din l-votazzjoni se ssir qabel l-elezzjoni għall-Viċi Kapijiet tal-partit, li hija skedata għat-18 ta’ Novembru li ġej.

Bil-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti jivvutaw kontra Adrian Delia, jkun ifisser li l-għada tal-vot titressaq mozzjoni lill-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca biex ma’ jibqax aktar Kap tal-Oppożizzjoni u tinħatar persuna oħra flokha. Dan skont kif titlob il-Kostituzzjoni. 

L-ILLUM hija infurmata li l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari tal-PN trid li Kap tal-Oppożizzjoni jerġa’ jkun Simon Busuttil.

Is-sorsi qalu li ‘huwa kkalkulat li l-Partit Nazzjonalista se jinqasam b’mozzjoni bħal din imma d-deputati, li ġew eletti bil-voti tan-nies, għandhom obbligu Kostituzzjonali li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgawdi l-fiduċja tal-Oppożizzjoni kollha.’

Qalulna wkoll li bl-istess mod li Delia qed jipponta subgħajh lejn il-Prim Ministru biex iġorr responsabbilità politika għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, hu wkoll irid iġorr din ir-responsabbilità għaliex jissemma' f’allegazzjonijiet li ressqet kontrih fil-bloggs tagħha.

L-ILLUM hija infurmata li diġà hemm mill-inqas 17-il deputat li lesti li jivvutaw kontra Adrian Delia la darba jittieħed dan il-vot sigriet, u li ma jaraw xejn ħażin li jibqa’ Kap tal-partit peress li rebaħ elezzjonijiet interni iżda mhux li jkun Kap tal-Oppożizzjoni. 

Intant il-Kap uxxenti tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia sejħet għal vot ta' fiduċja fil-Parlament fil-konfront ta' Adrian Delia.

Aġġornata: F’kuntatt ma’ sorsi fil-PN viċin il-Grupp Parlamentari, intqal mal-ILLUM li l-Grupp Parlamentari dejjem mexa fuq l-ispirtu tal-Parlament fejn id-deputati ma’ jistgħux jivvutaw fis-sigriet għaliex għandhom ikunu kontabbli lejn in-nies li vvutawlhom.

Speċjalment fuq kwistjoni ferm importanti bħalma hija l-kariga tal-Kap tal-partit. 

Dawn is-sorsi qalu li l-proċess biex xi ħaġa bla preċedent issir huwa li waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari titressaq mozzjoni lill-Whip, bħala Segretarju tal-Grupp Parlamentari, biex l-elezzjoni ssir fis-sigriet.

L-ILLUM hija nfurmata li fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista ma hemmx provvidementi fl-istatut li elezzjoni fis-sigriet ma tistax issir. Għaldaqstant qatt ma ġrat li ttieħed vot sigriet fil-Grupp Parlamentari tal-PN, peró tista' tiġri. 

More in Politika