Twiddiba ċara lir-‘ribelli’ fil-PN

  • Iwiddbu lir-'ribelli' biex jieqfu l-'leaks' mal-midja
  • Jgħidulhom li qed jużaw il-memorja ta' Caruana Galizia 

Uħud mid-Deputati Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li mhux qed jappoġġjaw lill-Kap Adrian Delia u meqjusa ‘ribelli’ fil-partit ġew imwiddba minn dawk li huma ma’ Delia li l-partit irid ikun magħqud wara l-Kap il-ġdid.

L-ILLUM tinsab infurmata li waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ, li kienet waħda ferm imqanqla u li damet sa’ tard bil-lejl, dawk li apertament jagħtu l-appoġġ lil Adrian Delia ċanfru lil uħud mid-Deputati Parlamentari preżenti għaliex iqisu li f’dan il-mument il-partit irid ikun wieħed magħqud, speċjalment wara t-telfa elettorali u meta issa hemm Kap ġdid.

Intqal li l-‘leaks’ fil-midja jridu jintemmu u li r-‘ribelli’ għandhom jieqfu jużaw il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biex jimbuttaw ‘il quddiem voti jew mozzjoniijet kontra l-Kap tal-partit.

Fl-attivitajiet tal-Indipendenza kien hemm deputati li ma telgħux wara l-Kap fuq il-palk
Fl-attivitajiet tal-Indipendenza kien hemm deputati li ma telgħux wara l-Kap fuq il-palk

Sorsi qrib l-Eżekuttiv li tkellmu mal-ILLUM qalu li din iċ-ċanfira saret biex jieqfu darba għal dejjem pjanijiet ta’ vot u mozzjonijiet li kienu maħsuba li jridu dwar Delia. Dan meta Adrian Delia llejla se jkun preżenti għal laqgħa tal-Grupp Parlamentari, li kienet ilha skedata. 

Ilbieraħ l-ILLUM irrappurtat kif huwa imminenti li membri tal-Grupp Parlamentari vot sigriet f’Adrian Delia biex juruh sfiduċja.

Jirriżulta li jekk dan il-vot sigriet isir xorta waħda wara t-twiddiba ċara tal-bieraħ, il-persuna li d-deputati jridu bħala Kap tal-Oppożizzjoni huwa Simon Busuttil.

Id-deputati kollha tal-Oppożizzjoni kienu wara Delia fil-konferenza wara l-qtil ta' DCG
Id-deputati kollha tal-Oppożizzjoni kienu wara Delia fil-konferenza wara l-qtil ta' DCG

Is-sorsi iżda qalu li ma jistgħux jifhmu kif ‘nofs il-Grupp Parlamentari, li huwa l-iżgħar organu tal-partit, irid li jerġa’ jkun Kap tal-Oppożizzjoni l-bniedem li ried li l-votazzjoni għas-suċċessur tiegħu tkun fost it-tesserati wkoll, li huma akbar firxa wiesa’ ta’ votanti fil-partit.’

Dwar Caruana Galizia, l-ILLUM tinsab infurmata li l-Kap tal-PN Adrian Delia jrid jagħmel apoloġija pubblika, hekk kif fix-xhur li għaddew kien qal li hija biss ‘biċċa blogger.’

Hekk kif min-nhar is-Sibt se jibdew l-elezzjonijiet interni fil-partit, l-Eżekuttiv iddeċieda wkoll li jekk il-funeral ta’ Caruana Galizia jsir f’ġurnata ta’ elezzjoni, din issir l-għada.

More in Politika