'It-Taljani għandhom jaraw eżattament kif żejt illegali daħal f’pajjiżhom'

Esperti jirritaljaw għall-akkużi fuq Malta mill-midja Taljana

“It-Taljani wkoll iridu jaraw x’inhu jiġri ġo pajjiżhom u kif żejt bil-kuntrabandu daħal f’pajjiżhom u għal snin twal ma indunawx minflok jippuntaw subgħajhom lejn Malta.” Hekk sostnew esperti qrib ħafna tas-settur marittimu u tad-dwana li tkellmu mal-ILLUM.

Wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-midja Taljana ħarġu għexieren ta’ rapporti li qed jassoċjaw dan il-qtil brutali ma’ ċrieki kriminali internazzjonali ta’ kuntrabandu taż-żejt mil-Libja.

It-Taljani qed jippuntaw subgħajhom lejn Malta u jgħidu li l-awtoritajiet qishom qed jagħlqu għajnejhom u jallegaw ukoll li qisu dawn l-illegalitajiet isiru kuljum.

Fil-ġranet wara l-qtil ta’ Caruana Galizia ġurnalisti, b’mod speċjali tar-RAI, marru b’ajruplani privati fuq l-inħawi magħrufa bħala Hurd’s Bank u enfasizzaw li l-maġġoranza tal-opri tal-baħar preżenti jkunu qed jistennew li jġorru żejt li illegalment ittieħed mil-Libja.

Allegaw ukoll li dawk involuti f’din l-attività kriminali jiftħu kumpaniji sigrieti f’pajjiżi oħra permezz ta’ intermedjarji finanzjarji Maltin u jużaw indirizzi fittizzji f’Malta.

Hurd’s Bank hija żona marittima li tinsab fil-lvant tal-kosta ta’ Malta, li iżda tinsab f’baħar internazzjonali. u għalhekk ma hemm l-ebda pajjiż li huwa responsabbli.

Dan ifisser li l-Awtoritajiet Maltin m’għandhom l-ebda ġurisdizzjoni fuq din il-medda ta’ baħar. L-opri tal-baħar imorru f’Hurd’s Bank għaliex huwa post fejn jistgħu jistennew sakemm ikunu jistgħu jidħlu f’Malta, jingħataw il-fuel biex ikompli fi triqithom lejn pajjiż ieħor jew inkella għal skopijiet oħra bħas-sajd, għall-kenn waqt il-maltemp, jew sakemm ikun imisshom jidħlu f’pajjiżna għall-‘bunkering’.

Vapuri li jkun mgħobbija biż-żejt lest biex jinbiegħ, ġieli jistennew f’dan il-post sakemm il-prezz taż-żejt ikun wieħed favorevoli għalihom biex jinbiegħ.

L-esperti li tkellmu mal-ILLUM qalu li allura mhux ġust li jingħad li kull min jistenna f’Hurd’s Bank qiegħed hemm biex iwettaq illegalità. Qalu li dan mhux rappurtaġġ ġust min-naħa tal-ġurnalisti Taljani u peress li din żona marittima f’baħar internazzjonali, minflok għandhom jaraw kif żejt bil-kuntrabandu jidħol f’pajjiżhom u l-Awtoritajiet Taljani għandhom jinvestigaw eżattament x’ġara u kif żejt bil-kuntrabandu daħal f’pajjiżhom għal snin twal.

Matul dawn l-aħħar xhur, il-Prokura ta’ Katanja mexxiet investigazzjonijiet dwar dan iċ-ċirku kriminali, liema investigazzjoni magħrufa bħala Dirty Oil wasslet għal numru kbir ta’ persuni arrestati fosthom l-eksplejer tal-futbol Darren Debono.

Il-midja Taljana tiffilmja minn fuq Hurd's Bank
Il-midja Taljana tiffilmja minn fuq Hurd's Bank

Mal-ILLUM, l-esperti spjegaw kif vapuri mgħobbija biż-żejt li jkunu qed jistennew f’Hurd’s Bank ġieli jbiegħu ż-żejt ‘on the spot transactions’, lil min jagħmillhom talba għall-fuel għax dawn ikollhom il-bżonn.

Qalulna li dan ukoll mhux illegali għaliex il-bejjiegħ irid jagħti d-dettalji taż-żejt lix-xerrej, liema dettalji jkunu jinkludu minn fejn inxtara ż-żejt. Hija prassi li x-xerrej taż-żejt jgħaddi l-karti għall-iskrutinju tad-Dwana ta’ Malta jekk ikun se jirritorna f’pajjiżna.

Ġieli jsiru tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ żejt li jkun ‘duty-free’ għaliex il-vapur li jkollu bżonn il-fuel ma jkunx se jidħol f’Malta imma jkun se jmur f’pajjiż ieħor.

Tkun id-Dwana tal-pajjiż fejn se jkun se jidħol li tkun responsabbli tat-taxxi u dazji li jista’ jkun hemm u li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor.

Fir-rigward tal-illegalità, dawn l-esperti spjegaw mal-ILLUM li meta kaptan ta’ vapur irid jagħmel illegalitajiet bħall-bejgħ taż-żejt bil-kuntrabandu, dan jitfi t-‘tracking system’ li taħdem bis-satellità. Dan biex il-pożizzjoni tal-vapur ma tkunx aktar magħrufa u ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, jekk mhux b’xi forma ta’ rondi, fejn ikun mar.

Fil-ħidma Dirty Oil tat-Taljani rriżulta li fil-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja ntużaw trawlers taż-żejt għall-fatt li ċ-ċisterni tal-fuel tagħhom huwa kbir peress li jagħmlu ġimgħat sħaħ fuq il-baħar għas-sajd.

Ġie spjegat, li f’illegalitajiet bħal dawn ma jkunx hemm karti tat-tranżazzjonijiet tal-fuel li jkunu saru u li l-kalkolu tal-ħlas isir skont kemm ikun jimmarkalhom il-‘meters’ tal-ammont taż-żejt li jkun naqsilhom miċ-ċisterni.

Bħalma t-Taljani kisru ċirku internazzjonali ta’ kriminalitá tal-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja, l-esperti qalulna li dan ma jeskludix li jsiru f’pajjiżi oħra fil-Mediterran u għalhekk lanqas ma huwa eskluż li jsir f’Malta wkoll.

Każijiet bħal dawn huma diffiċli li jinqabdu u dan jista’ jsir biss b’aktar ħidma u kordinazzjoni tad-Dwana.

Ritratt | Google Maps Hurd's Bank
Ritratt | Google Maps Hurd's Bank

Il-proċess li bih vapur ikun jista’ jidħol f’Malta

Meta vapur merkantili jrid jidħol f’Malta dan irid jinforma aġent Malti li min-naħa tiegħu jrid idaħħal id-dettalji tal-vapur fis-sistema marittima ta’ Transport Malta magħrufa bħala Portnet. Sakemm dan il-proċess jintemm u l-permess biex il-vapur jidħol Malta joħroġ, irid jistenna f’baħar internazzjonali għaliex inkella jkun daħal f’pajjiżna b’mod klandestin.

Ħafna minn dawn il-vapuri jagħżlu li jistennew f’Hurd’s Bank għaliex huwa prattiku peress li huwa post li baxx biżżejjed għall-ankri. Jekk vapur jew tanker ikun qed iġorr merkanzija, l-aġent Malti jrid javża wkoll lid-Dwana biex jitħallsu d-dazji jew is-sisa.

Jekk vapur jew tanker ikollu bżonn li jingħata ż-żejt u li iżda ma jkunx se jidħol f’Malta, dan isir dejjem f’Hurd’s Bank u f’dan il-każ imur ukoll ‘surveyer’ indipendenti Malti, li jkun bħala arbitru jew xhud tal-kwantità taż-żejt li jkun inħatt minn vapur għall-ieħor u li jikkalkula l-ammont li jkun ingħata.

More in Politika