Funeral DCG: 'Għandna bżonn li nieqfu niddemonizzaw lil xulxin'

  • Ġurnata ta' luttu nazzjonali fil-jum tal-aħħar tislima lil Daphne Caruana Galizia 
  • L-Arċisqof isostni li għandna bżonn ġurnalisti ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni u protetti

Ritratti | James Bianchi
Ritratti | James Bianchi

Fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija fil-Mosta llum ingħatat l-aħħar tislima lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

Caruana Galizia nqatlet b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru li għadda
Caruana Galizia nqatlet b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru li għadda

Waqt l-omelija, l-Arċisqof Charles Scicluna appella biex nibżgħu għal xulxin filwaqt li wera x-xewqa li jieqaf id-diskors iebes li permezz tiegħu niddemonizzaw lil xulxin u niddisprezzaw lil xulxin. Awgura li ngawdu l-libertà vera u l-prosperità fis-solidarjetà. 

Appella wkoll lill-ġurnalisti biex ma jibżgħux u ma jgħejjew qatt mill-irwol tagħhom li jkunu l-għajnejn, il-widejn u x-xofftejn tal-poplu mingħajr biża’ u b’rispett sħiħ tal-verità.

Il-familja Caruana Galizia miġbura ħdejn ir-Rotunda tal-Mosta
Il-familja Caruana Galizia miġbura ħdejn ir-Rotunda tal-Mosta

L-Arċisqof Scicluna qal li l-poplu għandu bżonn ġurnalisti ħielsa, intelliġenti, inkwiżittivi, onesti, sereni u protetti.

L-Arċisqof appella lil min qatel lil Caruana Galizia li jaħrab kemm jaħrab mill-ġustizzja tal-bnedmin ma jistax jaħrab mill-ġustizzja ta’ Alla u għalhekk stiednu biex jindem qabel ma jkun tard wisq.

Scicluna qal li fil-ħajja ta’ kull bniedem tiġġedded b’mod drammatiku t-taqtigħa bejn it-tajjeb u l-ħażin u li kulħadd jersaq kuljum lejn il-mewt ta’ bniedem li hu, bil-preġji u d-difetti tiegħu.

Residenti Mostin inġabru fuq iz-zuntier għall-aħħar tislima
Residenti Mostin inġabru fuq iz-zuntier għall-aħħar tislima

Għall-funeral tal-ġurnalista Caruana Galizia, l-istat ma kienx rappreżentat hekk kif il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma kienux preżenti.

Il-President tal-PE Antonio Tajani preżenti għall-funeral
Il-President tal-PE Antonio Tajani preżenti għall-funeral

Dan għaliex il-familja ta’ Caruana Galizia urew li l-preżenza tagħhom ma kinitx mixtieqa. Il-midja wkoll ma kinitx mistiedna għall-funeral. Fost persuni distinti preżenti kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kif ukoll membri Parlamentari Maltin. 

Il-bnadar quddiem il-KE mezz asta b'sinjal ta' rispett għal Daphne
Il-bnadar quddiem il-KE mezz asta b'sinjal ta' rispett għal Daphne

F’Malta llum kienet ġurnata ta’ luttu nazzjonali bi bnadar li kienu mezz asta fuq binjiet statali fosthom Kastilja. Madwar il-bini tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, il-bnadar kienu mezz asta wkoll.

More in Politika