Malta se tissemma f’mozzjoni għal riżoluzzjoni li nġabret mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew barra s-Soċjalisti u Demokratiċi. Din se titressaq fit-tmiem tad-dibattitu li se jkun qed isir fi Brussell nhar it-Tlieta li ġej.
Ir-riżoluzzjoni għall-mozzjoni se tkun qed tagħmel referenza għas-sitwazzjoni f’Malta wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, l-allegat imparzjalità tal-istituzzjonijiet kif ukoll it-tħaddim ta’ skemi fis-settur tas-servizzi finanzjarji, dawk taċ-ċittadinanza u l-bejgħ tal-passaporti.
L-MEPs se jitolbu lil Malta tidentifika l-persuni li akkwistaw iċ-ċittadinanza permezz tal-iskema b’investiment.
Dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, numru ta’ MEPs qalu li għandu jkun hemm enfasi akbar fuq l-irwol tal-Europol fl-investigazzjonijiet u żdiedu l-appelli sabiex issir investigazzjoni li tkun waħda internazzjonali biex jinstab min kien wara dan il-qtil brutali.
Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant fi stqarrija saħaq li dan huwa sforz orkestrat mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew u tal-Partit Nazzjonalista biex tkun attakkata l-kredibbilità ta’ Malta.
Alfred Sant qal li l-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew barra s-Soċjalisti u Demokratiċi se jattakkaw lill-Gvern Malti fuq is-sistema ta’ tassazzjoni, fuq iċ-ċittadinanza u fuq l-istat tad-Dritt meta fl-aħħar xhur baqgħu jiddefendu lill-Gvernijiet tal-Ungerija u l-Polonja li jinsabu akkużati li qed jiksru s-saltna tad-dritt f’pajjiżhom.
Qal li hawn irid ipinġi lil Malta bħala stat mafjuż biex jagħmel ħsara lill-Gvern.
Min-naħa tagħhom, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalu li huma l-persuni f”Kastilja u li taħtar u tirrifjuta li tkeċċi Kummissarju tal-Pulizija li fi kliemhom huwa inkompetenti li qed tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.
Sostnew li Alfred Sant imissu ra li s-Soċjalisti u Demokratiċi wkoll jaqblu mal-mozzjoni għar-riżoluzzjoni proposta u li jżomm mal-poplu Malti u mhux mal-Gvern.