Il-PE jiddiskuti s-saltna tad-dritt f'Malta

  • Il-Kummissarju Ewropew Timmermans jgħid li Malta għandha istituzzjonijiet li qed jiffunzjonaw 
  • Uħud mill-MEPs jitolbu li l-Kummissjoni li twettaq investigazzjonijiet fuq Malta 

Waqt id-diskussjoni fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f'Malta li saret fil-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Ewropew Frans Timmermans sostna li d-diskussjoni fuq is-saltna tad-dritt f’Malta m’għandha qatt tispiċċa fi ġlieda bejn partiti politiċi.

Saħaq li l-Kummissjoni Ewropea wettqet analiżi fuq Malta fejn irriżulta li ma hawn xejn ħażin fl-istituzzjonijiet u li huwa konformi mal-liġijiet Ewropej. Timmermans tkellem dwar l-iskema taċ-ċittadinanza u enfasizza li Malta mhux l-uniku pajjiż Ewropew li għandu skema bħal din.

Qal li Malta timxi mal-obbligi internazzjonali u Ewropej u f’koperazzjoni ma’ pajjiżi oħra.

Żvela li fis-Citizens’ Report għall-2018, il-Kummissjoni se tkun qed tħares lejn il-prattiċi f’dawn l-iskemi u se jingħataw linji gwida. Huwa ħeġġeġ lill-Gvern biex jissieħeb fl-EPPO filwaqt li sostna li l-Gvern wera r-rieda li jagħmel minn kollox biex jinstab min kien wara l-stil ta’ Caruana Galizia.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista Alfred Sant qal li jeħtieġ li jinġiebu fatti konkreti għaliex inkella l-Parlament Ewropew jispiċċa jitlef il-kredibbilità. Sostna li fid-diskussjonijiet li qed isiru fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta qed isiru bosta allegazzjonijiet u jitressqu argumenti li huma irrilevanti. Saħaq li l-Gvern Malti aċċetta l-proposti li sarulu mill-istituzzjonijiet Ewropej li urew li mhawnx kollass tal-istituzzjonijiet. Enfasizza li fil-Parlament Ewropew qed issir preġudizzju fuq il-Gvern Malti li mexxa l-pajjiż lejn miri u rekords ekonomiċi importanti.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista David Casa appella lill-Kummissarju Ewropew Timmermans biex jagħmel minn kollox biex ma jħallix aktar isir dak li ddeskriva bħala l-kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta. Qal li din mhix ġlieda kontra l-poplu Malti u Għawdxi iżda favur il-poplu. Huwa ddeskriva lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista li kellha l-kuraġġ li tikxef każijiet ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter u ħafna kienet tkun waħedha fl-istejjer investigattivi li kienet tagħmel. David Casa sostna li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija valur li tagħmilna Ewropej.

L-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola ddeskriviet lill-poplu Malti bħala wieħed bieżel u jekk f’dan iż-żmien nibqgħu siekta nkunu qed naqblu mat-tkissir tas-saltna tad-dritt f’Malta. Metsola qalet li l-poplu Malti għażel li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea biex ma jkunx hawn aktar politiċi li jirfsu fuq il-liġijiet u n-nies. Sostniet li mhux sew li f’Malta hawn ġurnalisti li huma mhedda u l-Pulizija ma jridux jinvestigaw il-każijiet ta’ korruzzjoni. Enfasizzat li l-MEPs tal-PN mhux se jiġu intimidati u jagħlqu ħalqhom u appellat lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinvestigaw lill-Gvern.

L-MEP Laburista Miriam Dalli sostniet li f’pajjiż fejn mhemmx salta tad-dritt jew demokrazija, ma kienux jidħlu fis-seħħ fost l-oħrajn liġijiet favur il-‘whistleblowers’, il-finanzjament tal-partiti, it-tneħħija tal-libelli kriminali u liġijiet oħra favur il-persuni LGBTIQ+. Qalet li dawn il-liġijiet daħlu matul dawn l-aħħar erba’ snin, liġijiet li fi kliemha l-PN f’25 sena qatt ma ħolom li jdaħħal fis-seħħ. Irrimarkat li minn stħarriġ irriżulta li s-settur finanzjarju f’Malta huwa aktar trasparenti minn dak fil-Ġermanja u l-Lussemburgu iżda dwar dan ma ntqal xejn fir-riżoluzzjoni li tfasslet.

L-MEP Laburista Marlene Mizzi sostniet li hemm id Maltija wara r-riżoluzzjoni li ġiet imfassla fuq Malta. Iddeskriviet li r-riżoluzzjoni hija mimlija allegazzjonijiet bil-għan li jitfgħu lill-Gvern f’dell ikrah. Qal li l-għan huwa li jipperikolaw l-impjiegi, l-ekonomija u l-futur tal-pajjiż. Sostniet mhawnx pajjiż fid-dinja fejn mhemmx kriminalitá u li kulħadd irid jiġġieled il-kriminalitá u l-abbuż li jsiru f’pajjiżi oħra. Enfasizzat li dan huwa attakk fuq il-Gvern Malti biex Malta tispiċċa għarkubtejha iżda min huwa wara dan l-attakk mhux se jirnexxilu jwettaq l-għanijiet tiegħu.

L-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li jinsab kburi li jirrapprezenta lil poplu Malti fil-Parlament Ewropew u jiddefendi d-dritt tal-espressjoni tal-kelma. Sostna li dawk l-istess persuni li llum qed jgħidu li se jinvestigaw il-qtil ta’ Caruana Galizia ma għamlu xejn biex jinvestigaw dak li ddeskriva bħala skandli li kixfet. Qal li dawk li qed jinvestigaw, ma għamlu xejn biex jagħtuha l-protezzjoni li kellha bżonn filwaqt li enfasizza li dawk li kienu kontriha issa huma l-istess li jridu jinvestigaw li kitbet.

Il-President tal-Kumitat PANA, Werner Langen qal li filwaqt li tinsab għaddej id-diskussjoni fuq is-saltna tad-dritt, il-Prim Ministru mar Hong Kong ibiegħ il-passaporti Maltin. Qal li s-Soċjalisti fl-Ewropa għandhom jissospendu lil Prim Ministru Joseph Muscat. Sven Giegold mill-istess kumitat, għamel sensiela ta’ mistoqsijiet fuq l-awtoritajiet finanzjarji f’Malta u fuq liċenzji li ngħataw lil operaturi u banek fis-settur.

Matti Maasikas f’isem il-Presidenza tal-Estonja tal-Kunsill tal-Ewropa qal li l-Gvern Malti ħa d-deċiżjonijiet mal-ewwel wara l-qtil ta’ Caruana Galizia u ntalbet għall-għajnuna tal-FBI, tal-esperti Olandiżi u tal-Europol. Saħaq li b’hekk Malta uriet li l-istituzzjonijiet qed jiffunzjonaw.

Uħud mill-MEPs qalu li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvestiga prattiċi fis-settur finanzjarju f’Malta, filwaqt li oħrajn qalu li l-Ewropa għandha twettaq riformi wara li ġew żvelati l-Panama Papers u l-Paradise Papers, dan biex tiġġieled b’mod aktar effettiv prattiċi tal-ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxa.

MEPs qalu li Malta mhix ‘tax haven’ u lanqas mhu ġust li jsir paragun mal-Ungerija u l-Polonja, għax il-Gvern Malti ħareġ l-id għall-għajnuna mhux bħalma għamlu dawn il-pajjiżi.

Wara din id-diskussjoni ġiet inawgurata s-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet li ssemmiet għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-vot fuq ir-riżoluzzjoni dwar Malta li tfasslet mill-MEPs se jittieħed għada.

More in Politika