Carmelo Abela jiċħad li ndaħal fl-investigazzjonijiet ta' Ferris

L-Oppożizzjoni qed titlob għar-riżenja tal-Ministru Abela wara li mal-midja Jonathan Ferris sostna li kien hemm indħil Ministerjali

Il-Ministru Carmelo Abela qed jiċħad li qatt għamel pressjoni jew li kellu xi ndħil fuq xi investigazzjonijiet. Dan wara li l-eksimpjegat tal-FIAU Jonathan Ferris saħaq mal-midja, li meta kien spettur kien hemm indħil Ministerjali.

Stqarrija tal-Gvern tgħid li skont Ferris, il-pressjoni u l-indħil mill-Ministru Abela saret għaliex is-Segretarju tal-Ministeru għall-Intern kien bagħat imejl lilu li fiha kien ikkupjat il-Ministru, fejn talab għal dettalji dwar il-progress li sar fl-investigazzjonijiet fuq frodi.

L-istqarrija ssostni li t-talba għall-informazzjoni saret wara li l-persuna konċernata fil-każ ta’ frodi kienet ilmentat li l-Pulizija ma kienux qed jagħtu informazzjoni biżżejjed dwar dan il-każ.

Fl-istqarrija jiġi nnutat li l-ġurnalist stess jirrimarka kif it-talba għal din l-informazzjoni hija ‘remit’ tal-Ministru u speċjalment meta ffaċċjat b’ilmenti u dan ma jistax jitqies bħala xi forma ta’ ndħil jew pressjoni.

Dan hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab għar-riżenja tal-Ministru Carmelo Abela wara li żvela dak li ddeskriva bħala indħil fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Delia qal li Ferris żvela li kellu ndħil Ministerjali fl-investigazzjonijiet li kien qed jagħmel. Sostna li l-Ministri kollha ċaħdu li qatt għamlu dan l-indħil, iżda mal-midja, Ferris qal li l-indħil kien min-naħa tal-Ministru Abela meta kien responsabbli mill-Intern.

Adrian Delia qal li dan jikkonċerna korrispondenza li saret bl-imejl dwar l-investigazzjonijiet ta’ Jonathan Ferris, li fihom kien qed jiġu kkupjat il-Ministru Abela. Qal li dan juri li kien hemm indħil. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li jekk ir-riżenja ma tasalx ir-responsabbilitá għandha taqa’ fuq il-Prim Ministru.

More in Politika